Għix il-fidi: ĦOBB – Prayer Café: 24 t’Ottubru 2014
Fil-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej nsibu mistoqsija: “Mgħallem liema huwa l-kmandament il-kbir fil-Liġi?” Aħna forsi nistaqsu, għaliex saret lil Ġesu? Hekk beda Fr Charles il-laqgħa ta’ Prayer Cafe fl-24 t’Ottubru. Huwa kompla billi qal li din il-mistoqsija mill-ewwel iġibilna f’moħħna l-għaxar kmandamenti. Hawn stedinna biex nirriflettu naħsbux li hemm xi kmandament li hu aktar importanti mill-oħrajn? Ħafna drabi, tenna Fr Charles Fenech, fil-mentalita tagħna nħossu li l-aktar wieħed importanti hu dak fuq is-sesswalità. Dan huwa żbaljat . Huma kollha mportanti ndaqs.
Filwaqt li fil-ġurnata tal-llum qegħdin nitkellmu dwar għaxar kmandamenti; fi żmien Ġesu kien hemm 613-il wieħed xi jħarsu. Ħafna minnhom kienu rqaqat tal-liġi li ridt tkun taf fid-dettal. Ġesu u d-dixxipli tiegħu kienu jiġu kritikati ħafna drabi għaliex ma kienux josservaw l-irqaqat kollha tal-liġi; bħal per eżempju ma kienux iħallsu t-taxxa tan-naniegħ jew għaliex ma kienux jaħslu jdejhom qabel l-ikel. U Ġesu kien jeħodha kontra l-ipokrezija tal-kittieba u tal-Fariżej li għalkemm kienu jsegwu l-liġijiet sa l-iċken dettal, ma kienux isegwu l-akbar liġi dik li trid “Tħobb lil Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”. Dawn is-613 il-kmandament kollha Ġesu ġabarhom fi tnejn.
B’dawn iż-żewġ sisien irridu niffurmaw il-mixja ta’ ħajjitna. Irridu noqogħdu attenti li l-ħajja tagħna ma tkunx ħajja ta’ devozzjonijiet biss imma trid tkun ħajja ta’ għixien tal-fidi. Din hi waħda mill-akbar kritika li rridu nagħmlu fuqna nfusna bħala Maltin. Aħna poplu li fil-fond ta’ qalbna kulħadd iħobb il-knisja. Pero aħna nies ta’ devożżjonaliżmu kbir JEW nies ta’ fidi kbira? Eżempju ta’ dan huwa li għalkemm l-attendenza tal-quddies niżlet, xorta fil-jum tad-Duluri madwar 80 fil-mija tal-Maltin għadhom jieħdu sehem; kemm fil-quddies ta’ dak inhar u kif ukoll fil-purċissjoni li ssir filgħaxija f’ħafna postijiet. DIN hi devozzjoni, spjega Fr Charles, ħaġa tajba minnha fiha pero importanti ħafna li nagħmlu distinzjoni bejn devozzjoni u fidi. Ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kas tal-fidi tagħna u mhux għal irqaqat tad-devozzjonijiet. Aħna fuq il-post tax-xogħol, id-dar, fit-triq, fis-soċjetὰ kemm tassew qegħdin nagħtu xhieda tal-fidi tagħna?
Il-Fidi tinqasam f’żewġ partijiet – Ħobb lil Alla u ħobb lil għajrek bħalek nnifsek. Hawnhekk għandna oċejan kbir u importanti li lkoll ngħumu fih u mhux naħarbu minnu, kompla Fr Charles fl-ispjega tiegħu. Dan il-vanġelu jagħmlilna sfida – Alla min hu għalina? Bih u mingħajru ngħaddu xorta? Qegħdin ngħixu verament fuq il-valuri t’Alla jew qegħdin nqablu fejn jaqblilna? Jekk niltaqgħu ma problema d-dar jew fuq ix-xogħol, kif se nsolvuha? Irridu ngħelbu l-egoiżmu tagħna biex nibdew naħsbuha bħal Alla. F’sitwazzjoni diffiċli li nsibu ruħna fiha nistaqsu “Kieku kien ALLA flokna x’kien jagħmel f’din is-sitwazzjoni?” Din l-attitudni ma tiġiex waħidha iżda tiġi bit-training – dawn il-laqgħat (Prayer Cafè) huma parti minn dan it-training. Mhix faċli li toħroġ mill-qoxra umana u tidħol fil-qoxra t’Alla. Irridu nitgħallmu naħsbu bil-loġika Divina u mhux bil-loġika umana.
San Girgor kien jgħid li aħna lanqas aħna kapaċi nikkonċentraw fuq it-talba tal-Missierna waqt quddiesa għax moħħna mxerred w iżjed w iżjed meta jkollna problema, moħħna aktar jkun mxerred għax ikun qiegħed fi stat ta’ paniku jew jibda jaħdem bl-egoiżmu tagħna li ma jħalliniex naraw. Bħal wieħed f’rabja ma jqisx dak li jgħid.
Hawn inqara l-vanġelu tat-30 Ħadd ta’ matul is-sena – mehud mill-Vanġelu ta’ San Mattew, Kapitlu 22, Versi 34 sa 40.
ĦOBB, ĦOBB, ĦOBB… jekk nagħmlu eżami tal-kuxjenza tagħna nfusna , stqarr Fr Charles, jkollna nammettu li diffiċli ngħaddu minn dan it-test. ĦOBB LIL ALLA TIEGĦEK B’QALBEK KOLLHA, B’MOĦĦOK KOLLU U B’RUĦEK KOLLHA…aħna kapaċi nqegħdu l Alla qabel uliedna?… qabel ir-raġel jew il-mara tagħna?… kemm qegħdin inħobbuH lil Alla? Kemm hu diffiċli li tħobb lil min m’aħniex naraw u lanqas immissu? Imbagħad nsibu ĦOBB LIL GĦAJREK BĦALEK NNIFSEK… Aħna lanqas lilna nfusna ma nħobbu xi kultant! Jekk inħarsu lejn il-ġenituri, bl-altruwiżmu tagħhom; dejjem ipoġġu lilhom nfushom wara uliedhom, għalkemm hu sentiment li għandu valur, fl-istess ħin huwa dnub kbir jekk ma nagħtux kas tagħna nfusna… Minn naħa l-oħra nsibu wkoll xi uħud li mbagħad jagħtu kas iżżejjed tagħhom nfushom.
Fl-aħħar mill-aħħar dan hu vanġelu qasir li pero jurina kemm aħna falliment totali fejn tidħol l-imħabba.
Hawn infetħet id-diskussjoni:
- L-Imħabba sħiħa lejn Alla u lejn il-proxxmu! Imma il-proxxmu min hu?
- Nħobbu lil min nsibuh simpatiku biss? U lil min nsibuh antipatiku?? Lil ta l-aħħar kif se ssir nħobbuh?
- Lil min jiġġakbinak – tara lil Alla fih? Filwaqt li trid titlob għal min għamillek id-deni ma tridx tobgħod lil persuna pero tobgħod l-għaġir li wettaq kontrik. Mhix faċli li taħfer – hu proċess.
- Jekk xi ħadd jgħamillek l-ħsara u jitolbok pjaċir lest li tgħinu? Hawn kien hemm min qal li pjaċir jasal li jagħmlu, imma l-istess persuna stqarret li zgur li ssibha aktar diffiċli taħfer u tħobb lil xi ħadd li, per eżempju, joqtol lil xi ħadd li hu għaziz għalik. Kif tasal li taħfer dan l-att? Hawn Fr Charles semma fatt attwali – xi erba’ snin ilu fl-Italja tan-nord – tfajla ta’ tmintax-il-sena ġiet maqtula minn sħaba stess li kienu f’setta satanika. Wara 4 snin. il-missier tal-vittma, mar iżur lil dik li qatlitlu lil bintu, biex jgħinha ġġib scholarship, biex tkun tista tkompli l-istudji tagħha minn ġewwa l-ħabs. Dan il-missier qal li wara snin ta’ talb ħass lil Ġesu sagramentat jibgħatu jagħti dinjita lil min ċaħadha lil bintu stess u b’dan l-aġir ta’ maħfra tiegħu ħass mistrieh hu stess. Dan għaliex il-maħfra ġġib fejqan.
Hawn issemma wkoll San Papa Ġwanni Pawlu II li kien ħafer u żar fil-ħabs lil Mehmet Ali Ağca li kien sparalu. Għandna nafdaw l-weġgħat tagħna lil Ispirtu s-Santu biex bil-qawwa tiegħu noħorġu minnhom. Weħidna nafġuha.
Fr Charles għalaq il-laqgħa billi tenna kemm hu importanti li nużaw l-għodda li għandna – nipparteċipaw fil-quddies biex nitqawwew fil-fidi tagħna u nagħmlu ħin għal talb personali… għax hu t-talb li jgħinek tkun dixxiplu ffurmat tajjeb. Meta tħalli ħin li fih tagħti ċans lill-Mulej jidħol fik, tara l-affarijiet minn perspettiva differenti.
Wara d-diskussjoni ntwera video ċkejken bl isem LOVE GOD, LOVE NEIGHBOUR naħseb taqblu li veru jidħol mas-suġġett tal-llum.
Quote li ntużat waqt il-laqgħa kienet waħda ta’ Madre Tereza:
“Every time you smile at someone, it is an action of love, a gift to that person, a beautiful thing.”
“Kull darba li nitbissmu lil xi ħadd, nagħmlu azzjoni ta’ mħabba, nagħtu rigal, xi ħaġa mill-isbaħ”
.
L-laqgħa ngħalqet bit-talba tal-MISSIERNA u ingħatat l-barka minn Fr Charles.
Nfakkrukom li nerġgħu niltaqgħu nhar il-ġimgħa 31 t’Ottubru. Narawkom! 🙂