Il-Fidi hija Tama – Prayer Cafè – 13 ta’ Frar 2015
Is-Sitt Ħadd Matul is-Sena
Evanġelju ta’ San Mark 1, 40-45.
Fil-laqgħa tal-lejla ġew imsemmija xi kliem partikulari minn din is-silta tal-Fejqan tal-Lebbruż mill-Evanġelju ta’ San Mark sabiex minnhom ħarġet aħjar it-tifsira ta’ din is-silta.
L-ewwel kelma hija l-kelma lebbruż. Fil-kultura tal-Lhud, il-lebbruż huwa bniedem imniġġeż, bniedem li jgħix imwarrab għaliex hekk iġagħluh jagħmel. Fil-ktieb tal-Levitiku insibu li jrid jilbes imċerċer u jgħix ‘il bogħod mis-soċjetà u huwa eskluż kompletament mis-soċjetà. Min kien lebbruż kien jiġi meqjus bħala xi kastig minn Alla, ta’ xi ħażen li jew għamel hu jew għamlu l-antenati tiegħu. B’hekk il-bniedem lebbruż huwa bniedem li qiegħed jgħix mingħajr tama. Alla biss seta’ jfejqu però biex ifejqu kellu jitlob lil Alla minn ġewwa t-tempju; però l-kontradizzjoni hi li l-lebbruz ma setax imur it-tempju għax ma setax jersaq lejn in-nies. Għalhekk f’għajnejn il-poplu, il-lebbruż ma kellu tama ta’ xejn. Għalhekk il-mexxejja tal-poplu kienu anke qegħdin jeskluduh mill-qima t’Alla.
Però meta jiltaqa’ ma’ Ġesù u l-lebbruż talab lil Ġesù biex ifejjqu, hemm kelma li qal Ġesù li hija mportanti: kun imnaddaf. Din kienet timplika li Ġesù fejjqu mhux biss mill-marda imma anke minn kull ħtija li l-lebbruż seta’ kellu. B’dan il-ġest il-lebbruż issa sar bniedem ġdid, bniedm pur li allura seta’ jerġa’ jersaq lejn Alla u t-tempju.
Ġesù f’dan l-episodju jħossu mqanqal. Quddiem kull bniedem, Ġesù jħossu mqanqal għaliex Ġesù ġie għall-bniedem u speċjalment quddiem it-tbatijiet tal-bniedem, Alla dejjem iħossu mqanqal.
Ġesù meta kien se jfejjaq lill-lebbruż insibu li medd idu fuqu u messu. Issa dan kien ġest li Ġesù kien jaf li qiegħed imur kontra l-liġi meta jagħmel hekk. F’dan l-evanġelju insibu mumenti li kienu jmorru kontra l-liġi. L-ewwel waħda kienet li l-lebbruż resaq lejn Ġesù, ħaġa li l-liġi kienet timponilu li jagħmel. It-tieni sitwazzjoni kienet li Ġesù mess lil dan il-lebbruż biex ifejjqu. Għaliex allura Ġesù mar kontra l-liġi? Għal Ġesù il-bniedem huwa mportanti. Ġesù mar kontra din il-liġi għaliex ma setax jaċċetta li bniedem iċaħħad bniedem ieħor milli jagħti qima lil Alla.
Wara l-fejqan Ġesù bagħtu għand il-qassisin il-kbar biex jagħmel l-offerta tiegħu. Ġesù ma ġiex biex jeqred il-liġi imma biex jipperfezzjonaha. Is-saċerdoti biss setgħu jiddikjaraw li din il-persuna hija mfejjqa.
Kelma oħra li tolqotna hija l-kelma tħabbir. Il-lebbruż li jmur ixandar dak li għamel miegħu Ġesù qiegħed jaqdi funzjoni li aħna bħala nsara aħna mitluba li naqdu. Din hija l-funzjoni missjunarja li meta l-persuna tiltaqa’ ma’ Ġesù ma tkunx kuntenta li żżomm lil Ġesù għaliha imma tipprova taqsam lil Ġesù ma’ ħaddieħor. Din hija diffikultà li niltaqgħu magħha għaliex is-soċjetà ta’ madwarna qiegħda tipprova tikkundizzjonana li l-fidi ngħixuha fil-privat. Dan huwa filfatt dak li joħroġ mill-eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku Evangelii Gaudium li fiha l-Papa jisħaq dwar il-bżonn li anke aħna l-lajċi nkunu missjunarji.
Dan il-lebbruż għalhekk kien ħabbàr tar-reliġjon, però din il-reliġjon ta’ Ġesù ma kinitx tiddiskrimina bejn bniedem u ieħor; reliġjon li ma tiġġudikax. Spiss jiġri li matul il-ġurnata niġġudikaw persuni li forsi nikkundannawhom għaliex ma jaqblux magħna. Però Ġesù ġie fid-dinja għal kullħadd u mhux għat-tajbin biss. Ġesù meta qiegħed jagħmel dan il-ġest qiegħed juri l-imħabba tiegħu lejna. Sabiex ifejjaq Ġesù qiegħed juża l-ħniena. Din il-ħniena forsi qiegħda ssir skarsa fis-soċjetà tagħna. Il-ħajja ta’ ħaddieħor għandha ssir importanti mhux għal ħaddieħor biss imma mportanti anke għalija u għalina. Il-ħajja hija prezzjuża għalina għaliex hija rigal.
Issa aħna kemm qegħdin inxandru l-fidi tagħna u ma nirriduċux il-fidi tagħna għall-isfera privata biss? Kemm aħna lesti li aħna nuru biċ-ċar anke b’sempliċi ġest dak li aħna nemmnu fih quddiem ħaddieħor? Pereżempju kemm aħna lesti li nagħmlu ġest sempliċi ta’ radd tas-salib quddiem persuni oħra bħala meta nitilgħu fuq karozza tal-linja jew qabel l-ikel? Il-Papa Benedittu XVI kien qalilna li mportanti li aħna nagħtu raġuni għat-tama tagħna. Il-fidi tagħtina t-tama fil-ħajja mogħtija lilna li l-milja tagħha se tkun fil-Ġenna. Ħafna drabi nkunu influwenzati mid-dinja ta’ madwarna. Spiss nibżgħu pereżempju li nidħlu f’diskussjoni ma’ dawk li forsi ma jaqblux magħna jew mal-fidi tagħna. L-imħabba però għandha twassalna biex lil dan Ġesù li aħna nġorru fina, aħna nafdaw fl-Ispirtu s-Santu sabiex idawwalna kif għandna nwassluh lil ħaddieħor.
Għandna xi lebbruż li jgħix madwarna? Ninnutaw li fl-evanġelju li dan il-lebbruż m’għandux isem. Dan jimplika li dan il-lebbruż jirrapreżenta dawk ta’ madwarna li għandhom bżonn il-fejqan kif ukoll jirrapreżenta lil kull wieħed u waħda minna għaliex aħna wkoll għandna bżonn il-fejqan. Issa l-lebbruż huwa l-bniedem li s-soċjetà qiegħda taqta’ barra. Madwarna speċjalment fil-bliet il-kbar jeżistu ħafna nies li minkejja il-ħafna moviment madwarhom, huma nies iżolati mis-soċjetà. Il-Papa jgħallimna però li f’dan l-iżolament hemm xi ħadd li huwa dejjem preżenti; u dan huwa Alla. L-iskribi u l-fariżej moderni huma dawk li jmexxu l-ekonomija tad-dinja. Illum aħna niskandalizzaw b’dak li ġara fil-gwerer kbar li seħħew imma llum madwarna qegħdin isiru diversi inġustizzji fis-soċjetà ta’ madwarna. Għalkemm forsi ma nistgħux nagħmlu diffrenza kbira ekonomika, però nistgħu nagħmlu differenza permezz tat-talb. Il-Papa Franġisku jenfasizza l-importanza tat-talb flimkien(f’komunità) li jagħti dimensjoni ta’ komunità li tħobb.
Dan id-djalogu tal-lebbruż ma’ Ġesù jintemm bil-fejqan. Id-djalogu tagħna ma’ Ġesù għalhekk għandu jispiċċa bil-fejqan, għaliex aħna għandna bżonn is-salvazzjoni li ma nistgħux niksbu weħidna.
Il-kelliem tal-laqgħa tal-lejla qal storja li kienet dehret fl-Educational Times ta’ Londra. Din l-istorja titkellem dwar tifel żgħir li meta wasal għand ċerta għalliema kienu bdew jippreparawha li se ssibha diffiċli ħafna li tgħallmu u tmexxieh ‘il quddiem. Wasal il-Milied u fejn ħaddieħor ta rigal sabiħ lill-għalliema, dan it-tifel ta flixkun fwieħa li kienet użata u mgeżwra f’karta fqira u użata. L-għalliema ddeċidiet li ma tiġġudikahx u taċċetta dan ir-rigal bl-imħabba kollha u anke waslet biex għamlet ftit fwieħa dak il-ħin. Dan it-tifel mistagħġeb qalilha: “You smell like my mother!” (Issa għandek ir-riħa tal-mamà tiegħi). L-istorja ma waqfitx hawn għaliex wara żmien twil l-għalliema mardet b’cancer u sabet quddiemha lil dan it-tifel bħala kirurgu. Din l-għalliema ma kinitx iġġudikatu imma tatu ċans biex tħobbu u taċċettah bħala persuna. Dan it-tifel li kellu diffikultà d-dar li kienet qed taffetwalu ħajtu sab lil din l-għalliema li l-ewwel ħabbitu imbagħad kompliet biex tgħinu fl-affarijiet l-oħra li tant kellu bżonn.
It-tqanqil li ħass Ġesù għalhekk għandu jkun ukoll tagħna; quddiem tant traġedji li qegħdin insibu quddiemna. Kemm qegħdin nuru li aħna nsara konvinti mill-fidi tagħna?