Il-Maġisteru u t-tipi differenti ta’ dokumenti tal-Knisja – Taħdita minn Fr. Hector Scerri – Prayer Cafè – 5th May 2017
Il-Maġisteru u t-tipi differenti ta’ dokumenti tal-Knisja.
Il-kelliem beda billi spjega x’itfisser il-kelma Maġisteru. Huwa qal li l-Maġisteru huwa t-tagħlim tal-Knisja. Il-kelma ġejja mil-Latin li tfisser għalliem u verżjoni tagħha tinsab ukoll fil-komunitá Dumnikana meta nirreferu għal patri Majjistru li jkun xi patri li laħaq ċertu grad għoli ta’ tagħlim u kitba.
Il-Maġisteru għalhekk għandu x’jaqsam ma’ dak l-aspett tal-Knisja li għandu x’jaqsam mat-tagħlim kollu li jsir fil-Knisja. Il-Maġisteru huwa t-tagħlim tal-evanġelju b’awtoritá f’isem Ġesú Kristu. Il-Maġisteru peró mhux superjuri għall-Kelma t’Alla. Fid-dokument tal-Konċilju Vatikan II ‘Dei Verbum’ insibu li l-Maġisteru mhux qabel jew aktar jew ‘il fuq mill-Kelma t’Alla imma huwa l-qaddej tal-Kelma t’Alla. Min jgħallem, it-tagħlim li huwa qiegħed iwassal huwa b’servizz għall-Kelma t’Alla. Ilkoll kemma aħna, bil-magħmudija; nibdew nieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, Kristu li huwa saċerdot, sultan(ragħaj) u profeta.
Meta aħna nieħdu sehem fil-liturġija, fil-quddiesa u s-sagramenti l-oħrajn, aħna nieħdu sehem f’din il-missjoni ta’ Kristu bħala saċerdot.
Aħna nieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu ragħaj għaliex permezz tal-magħmudija aħna sirna tempju t’Alla. Bħala tempju t’Alla għalhekk għandna parti minn din il-missjoni ta’ Kristu bħala ragħaj. Meta inti qiegħed takkumpanja u tagħti kuraġġ lil persuna, li forsi għaddejja minn problemi u mard; inti qiegħed tkun ragħaj ta’ dik il-persuna l-oħra.
Inkunu qegħdin nieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu bħala profeta meta nkunu qegħdin nużaw il-Kelma ta’Alla biex tagħti dawl lill-ħajja u l-azzjonijiet tagħna. Inkunu qegħdin nevalġelizzaw, forsi b’mod differenti imma tkun qiegħed anke tasal f’ambjenti u nies li forsi s-saċerdot ma jistax jasal. Kull nisrani għandu responsabbiltá profetika li twassal din il-Kelma t’Alla.
Hemm membri fi ħdan il-poplu ta’ Alla, li għandhom is-sejħa minn Alla biex b’awtoritá jgħallmu uffiċjalment dak li tgħallem il-Knisja. Hemm min għandu sejħa li jgħallem b’mod uffiċjali dak li tgħallem il-Knisja. Dawn il-persuni jistgħu ikunu l-isqfijiet, saċerdoti, teoloġi u anke lajċi. Dawn għandhom ir-responsabbiltá li jgħallmu l-veritá li ssalva, jiċċarawha u japplikawha għal kull żmien u sitwazzjoni. Din is-setgħa tal-Maġisteru ġejja minn Kristu nnifsu u hija ggwidata mill-Ispirtu s-Santu u mħaddma fil-komunitá.
L-Enċiklika
Forsi l-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna meta nitkellmu dwar il-Maġisteru hija meta l-Papa jikteb Enċiklika. Din hija ittra cirkulari li tfisser ittra li ddur u tasal għand kullħadd. Ma ninsewx li l-Knisja hija universali, li qiegħda fid-dinja kollha. Il-kelma enċiklika kienet tirreferi għal ittra li jikteb isqof. Nafu li San Pawl kien jikteb ittri u kien jordna sabiex wara jgħadduha lil komunitá oħra. Għalhekk għal ħafna sekli sas-seklu tmintax, il-kelma enċiklika kienet tirreferi għal ittra li ddur minn komunitá għal oħra. Mis-seklu tmintax, fost il-kattoliċi tal-Punent, fl-Ewropa, il-kelma enċiklika bdiet tiġi użata għal ittra li jiktibha l-Papa. L-ewwel enċiklika kienet inkitbet u hija indirizzata mill-Papa Benedittu XIV(erbatax). Benedittu XIV sar Papa fis-sena 1740 u kien għamel ħafna riformi fil-Knisja. Ried li meta l-Papa jikteb ittra biex tintbagħat lill-Knisja kollha jew gruppi f’żona partikulari tibda tissejjaħ enċiklika. L-enċikliċi mhumiex infallibli imma huma dokumenti u stqarrijiet mimlijin awtoritá.
Eżortazzjoni Appostolika
Eżortazzjoni tfisser meta tħeġġeġ lil xi ħadd. Huwa kliem ta’ kuraġġ u li jħeġġeġ. Il-fatt li hija appostolika tfisser li ġejja mill-Papa. Dawn l-aħħar tletin sena ma’ papiet bħal Papa Pawlu VI(sitta), Ġwanni Pawlu II(tieni), Benedittu XVI(sittax) u l-Papa preżenti bdew ukoll jinkitbu bħala riżultat tad-diskussjoni li tkun saret waqt sinodu tal-isqfijiet. Meta spiċċa l-Konċilju Vatikan II, il-Papa Pawlu VI waqqaf is-sinodu tal-isqfijiet li wara kull tlieta jew erba’ snin jiltaqgħu rappreżentanti tal-isqfijiet tad-dinja kollha. Fl-2014 u 2015 kien hemm pereżempju s-Sinodu tal-Familja. L-aħħar eżortazzjoni appostolika hija ‘Amoris Laetitia’, il-ferħ tal-imħabba li hija eżortazzjoni appostolika li ħareġ il-Papa Franġsiku bħala riżultat ta’ żewġ sinodi tal-isqfijiet li saru dwar il-familja. L-ewwel eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku hija ‘Evangelii Gaudium’ li saret bħala riżultat tas-Sinodu li kien sar fl-2012 mill-Papa Benedittu XVI dwar il-Kelma t’Alla.
Fl-2005 kien pereżempju sar Sinodu fuq l-Ewkaristija u wara Benedittu XVI kien ħareġ eżortazzjoni appostolika dwar l-Ewkaristija li jisimha ‘s-Sagrament tal-Imħabba’.
Ittra Appostolika
Din hija ittra li joħroġha l-Papa, ħafna drabi dawn l-ittri jkunu qosra; bħall-ittra ‘Misericordia et misera’ li f’Novembru li għadda ħareġ il-Papa Franġisku.
Kostituzzjoni Appostolika
Dawn huma dokumenti li fihom deċiżjonijiet dwar fidi jew dixxiplina. Pereżempju Piju XII(tnax) fl-1950 kien għamel id-domma tal-fidi tal-Assunta, il-Madonna mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Huwa għalhekk kien ippublika il-kostituzzjoni appostolika bl-isem ‘Munificentissimus Deus’, Alla li jagħti ħafna ġid lilna b’abbundanza.
Bolla pontifiċja
Kellna bolla pontifiċja fi żmien il-Papa Franġisku fl-2015 li kien jisimha ‘Porta Fidei’, il-bieb tal-fidi; meta ġie biex iniedi s-sena tal-ħniena. Bolla hija t-timbru li fl-antik minħabba li kien ikollhom il-pergameni imramblin, kienu jagħlquha b’żigarella u wara jagħmlu l-inċira ħalli ġo fiha jagħmlu s-siġill tagħhom biċ-ċurkett pontifiċju, tal-Papa. Il-Papa Piju IX(disgħa) fit-8 ta’ Diċembru 1854 kien għamel id-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Il-Papa Piju IX ippubblika bolla pontifiċja qabel ma għamel din id-domma.
Il-kelliem tal-laqgħa spjega li dawn huma xi tipi, għaliex hemm aktar, ta’ dokumenti li jinħarġu bħala parti mill-Maġisteru tal-Knisja.