Il-Quddiesa
Il-Quddiesa
Fil-laqgħa tal-lum ingħatat ħarsa u spjega tal-Liturġija, b’mod speċjali il-quddiesa u t-taqsim tagħha.
Bil-kelma liturġija nifhmu ‘azzjoni/ħidma kollettiva tal-ġisem mistiku ta’ Kristu’; li huwa wara kollox aħna lkoll. Għalhekk l-enfasi hija fuq il-miġemgħa li hemm miġbura fil-knisja għal-liturġija. Bniedem waħdu ma jagħmilx liturġija imma jrid ikun hemm ġemgħa ta’ fidili miġbura f’isem Ġesu. Hemmhekk tkun qed timmanifesta ruħha dik il-wegħda li għamel Kristu meta qal: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi, hemm inkun jiena f’nofshom.”
Il-qofol tal-liturġija hija il-quddiesa. San Piju ta’ Pietrelcina kien jgħid illi kieku n-nies jifhmu xi tfisser il-quddiesa, żgur li kienu jkunu jiffullaw wara l-bieb tal-knisja biex jieħdu sehem fil-quddiesa.
Il-Knisja ssejħilna sabiex nhar ta’ Ħadd aħna ninġabru l-knisja sabiex niċċelebraw il-liturġija. Tiġi weħidha l-mistoqsija: “Min qiegħed imur, qiegħed imur b’konvinzjoni jew inkella biex ma jagħmilx dnub?” Il-quddiesa hija ikla, hija l-‘agape’ li fiha kienu jaqsmu l-ikel bejniethom l-insara tal-bidu. Benedittu XVI kien jgħid li: “meta aħna nitilgħu nirċievu l-Ewkaristija, aħna nsiru ħaġa waħda.” Fina lkoll ikun ġie Ġesu individwalment imma b’mod sħiħ.
It-taqsim tal-Quddiesa:
Fil-bidu tal-quddiesa nsibu l-introduzzjoni li hija kant filwaqt li s-saċerdot u l-purċissjoni mal-ministranti tasal fuq l-artal. Is-saċerdot hawnhekk irodd is-salib. Il-miġemgħa għandha biss tgħid l-Ammen wara l-formola li jgħid is-saċerdot. Is-saċerdot qiegħed jagħti l-barka fuq il-miġemgħa u l-Ammen hija l-affirmazzjoni ta’ dik il-barka.
Wara din il-parti isir l-att penitenzjali illi jħejjina sabiex bil-parteċipazzjoni tagħna nieħdu l-akbar frott spiritwali possibli mill-quddiesa. Il-formola li tintuża f’dan il-ħin, tal-confiteor, tista’ tiġi varjata għaliex jeżisti verżjonijiet differenti li jistgħu jintużaw. Wara r-riforma tal-liturġija ġiet miżjuda l-frażi “u billi ħallejt dmirijieti.” Bħala nisrani hawnhekk nirrikonoxxu n-nuqqasijiet tagħna u npoġġuhom bħala midimbin quddiem Alla. Imbagħad is-saċerdot jgħid il-formola tal-assoluzzjoni.
Wara nsibu t-talba tal-bidu, il-kolletta. Din it-talba dejjem maqsuma f’erba’ partijiet. Dawn huma l-invokazzjoni, wara tissemma xi ħaġa storika li ġrat fl-istorja tas-salvazzjoni, imbagħad parti fejn nitolbu għal xi ħaġa partikolari(xerred fuqna perezempju) u fl-aħħar il-konklużjoni trinitarja, id-Dossoloġija, fejn jidħlu il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-kolletta tkun tiġbor fiha l-ħsieb ġeneriku tal-qari li jkun ser jinstema’.
Wara jkun imiss għall-parti tal-qari mill-Kelma t’Alla. Tajjeb li ngħidu li l-qari jagħmlu l-lettur; għalhekk m’għandniex inħallu l-karti li jkun hemm disponibbli ttellifna.
Wara l-qari jkun hemm l-ispjega fejn is-saċerdot itina fil-prattika dak li fisser il-qari sabiex aħna nkunu nistgħu nagħmluh tagħna u nwettquh fil-ħajja tagħna.
Wara din il-parti jkun hemm il-parti tat-talbiet universali tal-komunita. Irridu nkunu aktar prattiċi u naħsbu fil-Knisja universali u fil-gruppi li jagħmlu parti mill-parroċċa tagħna. Hawnhekk tajjeb ukoll li jkun hemm mument ta’ silenzju ħalli nkunu nistgħu nagħmlu tagħna dan it-talb li jkun qiegħed jingħad.
Fil-parti Ewkaristika hija l-aktar parti mportanti tal-fidi tagħna. Din tibda permezz tal-prefazju, tal-istedina “Il-Mulej magħkom.” Imbagħad tibda t-talba Ewkaristika. Jeżistu tlettax-il talba ewkaristika li s-saċerdot jista’ jagħżel skont l-udjenza preżenti jew xi żmien jew avvenimenti partikulari.
Din il-parti ewkaristija tintemm bl-Ammen, filwaqt li wara tibda l-parti tal-komunjoni, tat-tqarbin. Din tibda bil-Missierna fejn dejjem għandna nużaw il-formola, it-talba kif għallimielna Ġesu u kif insibuha fl-Evanġelju. Fil-laqgħa ingħad li jekk titkanta, il-Missierna għandha ssir bil-formola u l-kliem eżatt li għamel Kristu stess u mhux xi verżjoni li tagħmel sens mużikali jew poetiku biss.
Wara tingħata l-paċi lil xulxin li huwa sinjali li aħna qed inwettqu dak li wegħdna lil xulxin fil-Missierna.
Wara jsir it-tqarbin fejn nirċievu ġewwa fina lil Ġesu Ewkaristija.
Wara t-tqarbin, fl-aħħar tal-quddiesa, is-saċerdot iberikna bis-sinjal tas-salib u s-saċersot jgħid: “morru fil-paċi ta’ Kristu.” Dan il-paċi ta’ Kristu għandna nġorruh magħna fil-ħajja tagħna u ma’ kull min niltaqgħu miegħu billi nwasslu l-Kelma t’Alla lil ħaddieħor.