Inpoġġu lill-Alla fl-ewwel Post? – Prayer Café: 28 ta’ Frar 2014
It-tema tal-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej jaħraq bħal tal-ġimgħa l-oħra, beda l-laqgħa Prayer Café, Fr Charles Fenech, nhar il-ġimgħa 28 ta’ Frar. Ġesu ma joqgħodx idur mal-lewża bħalna jew bħal politiċi. Fil-ħajja tan-nisrani jidħlu ħafna ħwejjeġ: flus, ikel, ilbies, familja, xogħol u oħrajn. Dawn huma kollha valuri iżda Ġesu jgħidilna li dawn m’għandna qatt nagħtuhom l-ewwel post f’ħajjitna. Ħafna nkwiet jibda meta npoġġu affarijiet oħra qabel Alla. Ma rridux nagħmlu bħal Lhud meta bnew għoġol tad-deheb biex jadurawh wara li kien ilu tant jgħinhom il-Mulej fil-vjaġġ tagħhom. Ħafna drabi aħna wkoll nagħmlu allat foloż f’ħajjitna. Dan il-vanġelu, kompla Fr Charles Fenech,irridu nifmuh sew u ma noqogħdux nilagħbu bil-kliem – huwa vanġelu li meta se tpoġġih fil-ħajja tiegħek se jagħmel tibdiliet kbar. B’hekk importanti li tħallih jinfidlek in-nervituri ta’ ġismek.
X’irid jgħid Ġesu bil-kliem: “Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies?” (Mt 6:25) Hawn Ġesu qiegħed jgħidilna li l-ewwel post f’ħajjitna rridu nagħtuh dejjem lil Alla u allura x’se nieklu u x’se nilbsu jagħmel sens f’ħajjitna mhux meta ninkwetaw imma ’l mod kif nagħmluh. Ġesu mhux jgħidlilna taħslux jew issajrux iżda jrid li ma npoġġu xejn qabel Alla u jrid li napprezzaw u ngħixu ħajjitna.
Kieku jkollna nagħmlu rewind ta’ ħajjitna, staqsa Fr Charles Fenech, matul din il-ġimgħa, x’kienu l-problemi u l-pre-okkupazzjonijiet tagħna ? Poġġejna lil Alla fl-ewwel post? Kemm tkellimna m’Alla? Kemm bkejna miegħu? Importanti li naqsmu kemm il-ferħ u kif ukoll in-niket tagħna m’Alla. Alla jrid jidħol f’kollox.
[pullquoteright]Qatt innutajna d-dettal f’sempliċi fjura? Qatt innotajna l-kuluri dettaljati f’xi frotta?[/pullquoteright]
Ġesu fis-sempliċita tal-priedki tiegħu jurina kemm irridu noqogħdu attenti għad-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum. Aħna u nagħmlu xi mixja fil-kampanja qatt innutajna d-dettal f’sempliċi fjura? Qatt innotajna l-kuluri dettaljati f’xi frotta? Napprezaw is-sbuħija tal-ħolqien ta’ madwarna? Jew dejjem għaddejin b’pass imgħaġġel u qatt ma nsibu ħin nidħlu f’relazzjoni m’Alla. Nsibu mument li verament niżvojtaw lil moħħna minn kull ħsieb mqar għal ftit mumenti u naħsbu f’xi vers li laqatna mill-Iskrittura? Meta nħallu lil Mulej jidħol f’ħajjitna ninnotaw li jinbidel kollox. Mill-ħajja tal-qaddisin naraw kif f’sitwazzjonijiet diffiċli irnexxilhom jagħmlu affarijiet inkreddibli. Bħal Mother Theresa , din il-mara daqshekk ċkejkna rnexxilha tieqaf lil ġganti bħal Mikhail Gorbachev u Gaddafi. Dawn it-tnejn riedu li hi tieħu s-sorijiet tagħha f’pajjiżhom biex iwettqu xogħol filantropiku hemm, iżda ma ridux li jidħlu qassisin. Din is-soru bla tlaqliq ta’ xejn qaltilhom li fejn imorru s-sorijiet tagħha jmur qassis magħhom! Jekk riedu l-għajnuna tagħha riedu jaċċettaw il-kundizzjonijiet tagħha. Kliemha u fehmitha kienu sodi m’hemmx kompromessi. U la fdat f’Alla twettqu mirakli kbar biha.
Meta npoġġu lil Alla verament fl-ewwel post f’ħajjitna nindunaw bis-sorprizi u l-mirakli li Alla jġiegħelna nagħmlu. Anke fil-familji tagħna stess. Hawn Fr Charles fakkarna kemm hi qawwija l-barka tal-ġenituri fuq uliedhom. Dawn huma d-dettalji li jridna nindunaw bihom il-Mulej.
Ix-xitan se jibqa’ hemm u rridu naċċettaw li ħajjitna hi ġlieda kontinwa – imma ma ninsewx li barra l-qawwa tal-ħażen hemm il-qawwa t’Alla. Anke meta niltaqgħu ma problemi li jinblokkawna, għandna dejjem nafdaw kollox f’idejn Alla. U mhux insabbtu saqqajna biex tgħaddi tagħna. Kemm nitolbu tassew fuq xi proġett li jkun se jkollna kemm spiritwali u kemm materjali? Kemm nitolbu lill-Mulej fuqhom?
Din hi l-bidla li rridu naħdmu fuqha dan ir-Randan. Togħqodx tgħid għaliex laqtitni din il-marda. Għaliex jien? Għaliex ma nistax nieħu nifs? Ibqa’ tkellem mal-Mulej. It-timeframe t’Alla mhuwiex tagħna pero hu jismagħna tassew. Hu jkellimna bil-fatti ta’ kuljum. Alla mhuwiex se jitlaqna. Hu jixħet xita ta’ grazzji mhux saħta fuqna. Jekk inħallu din il-paċi tidħol fina – jekk inħallu ħin għal Mulej – jekk inħallu ħin għal quddies, għal adorazzjoni, għat-talb.
Ejjew mela lkoll nużaw dawn il-mezzi li hawn madwarna biex nersqu aktar lejn il-Mulej. Spiċċa l-ispjega tiegħu Fr Charles Fenech.
Il-laqgħa mbagħad tkompliet b’diskussjoni, dawn huma xi mistoqsijiet li rriflettejna fuqhom:
1.Nista’ noħloq klima ta’ ferħ jekk jimpurtani biss minni nnifsi?
• Jekk nibqa’ naħli bl-addoċċ, l-aqwa li nfittex u nsib?
• Jekk b’għemili mmur kontra d-dritt li għandu ħaddieħor għall-ħajja?
2.Meta ngħidu li għandna fiduċja f’Alla, dan ifisser li norbtu idejna, u nistennew kollox ġej minn Alla?
Avvizi
L-Erbgħa 5 ta’ Marzu, Ras ir-Randan, Radju Marija se jiddedika ġurnata bi programmi b’meditazzjoni bħal irtir bi tħejjija għar-Randan.
Il-Ħamis 6 ta’ Marzu quddiesa u adorazzjoni f’ San Duminku bejn is-6.30 u ? 7.30
Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu jitkomplew il-laqgħat Prayer Cafe ta’ katekezi fiċ-ċentru tal-Kerygma. Kulħadd huwa mistieden jisma’ l-kelma t’Alla magħna flimkien ma tazza kafe. : )
Weekend Irtir bejn l-14 ta’ Marzu u 16 ta’ Marzu fis-seminarju organizat mill-Kerygma u mmexxi minn Fr Charles Fenech. Għal aktar informazzjoni ċempel 21459942.