Lkoll Ħaġa Waħda – Prayer Cafè – 5 ta’ Ġunju 2015
Il-laqgħa inbdiet bit-talba tal-moviment. Wara inqrat is-silta tal-Evanġelju tal-Ħadd 7 ta’ Ġunju. Din hija meħuda mill-Evanġelju ta’ San Mark (14, 12-16. 22-26).
Nistgħu ngħidu li r-rakkont huwa maqsum fi tnejn: l-ewwel parti fejn Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu ifittxu l-kamra fejn kienu sejrin jagħmlu l-Ikla tal-Għid u t-tieni parti fejn twaqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija. Dan sabiex titfakkar il-Festa tal-Ġisem Imqaddes ta’ Ġesù magħrufa bħala Corpus Christi.
Fl-ewwel parti Ġesù ikellem lid-dixxipli bħalma jkellem lilna kuljum kontinwament. Il-problema hi li xi kultant aħna nifhmuh skont l-burdata li ninzertaw fiha. Huwa jkellimna permezz tal-istorja u tan-natura u fuq kollox permezz tal-Bibbja. Il-Papa Franġisku, meta jsib l-okkażjoni, qed iqassam kopji żgħar tal-Bibbja biex tinżamm fuq dak li jkun ħalli x’ħin isib ċans jaqra xi silta minnha. Il-Bibbja hija t-triq tagħna. Permezz tagħha aħna irridu insibu t-triq biex inħejju l-post fejn ser nagħmlu l-ikla tal-Għid tagħna. Dan nagħmluh kif għamlu d-dixxipli: obdew l-ordnijiet ta’ Ġesù għax sabu eżatt dak li qalilhom. Qabel kollox irridu nkunu nafu xi jfisser verament l-Għid. L-Għid tal-Lhud ifisser il-jum tal-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu. Għalina jfisser il-ħelsien mir-rabta tad-dnub u mir-rabtiet tagħna ma’ din id-dinja.
Dan huwa diffiċli speċjalment aħna li ngħixu f’kuntest soċjali ta’ kumdita’ meta nqabblu ruħna ma’ pajjiżi fejn hemm faqar u miżerji kbar. U kultant naħsbu li mingħajr Alla aħna nistgħu ngħixu. Aħna kontinwament naħsbu ħafna f’din il-ħajja li tispiċċa u naħsbu ħafna anqas fil-ħajja li ma tispiċċax!
Il-Papa Franġisku jgħidilna biex ninħallu mill-idolatrija. Din hija kull ħaġa li aħna nagħtuha iktar importanza minn dak li hu spiritwali. Il-Papa stess qal li l-idolatrija ġġiegħelna ndgħajjfu d-dinjita’ nisranija tagħna. Qed nagħtu wisq każ ta’ kif nidhru quddiem il-bnedmin imma ma nagħtux każ kif nidhru quddiem Alla. Qed ngħixu f’dinja ta’ konsumiżmu kbir. Irridu nitgħallmu nużaw l-affarijiet li għanda bil-qies u mingħajr ħela biex anke nibżgħu għall-ambjent tagħna. Jekk aħna nċedu għall-idolatrija, il-Papa Franġisku jgħid li aħna nsiru nsara medjokri, bierda, bla sugu u pagani.
F’din is-silta nsibu l-unika darba, mill-Evanġelji kollha, fejn Ġesù isejjaħ lilu nnifsu bħala mgħallem u għalhekk huwa importanti li nimxu fuq dak li jgħidilna Kristu.
L-Ewkaristija tagħmilna lkoll ħaġa waħda. Kif jgħid Benedittu Sittax, kull meta aħna nersqu biex nirċievu lil Kristu fl-Ewkarsitija, nirċievu lil Kristu sħiħ u dak il-ħin Kristu qed jagħmilna ħaġa waħda.
Il-laqgħat ikomplu nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju fis-sebgħa ta’ filgħaxija.