“Mulej, min jista’ jsalva?” – Prayer Cafè – 9 t’Ottubru 2015
It-Tmienja u Għoxrin Ħadd tas-Sena
Inqrat is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark, Kapitlu 10, versi 17 – 30, fejn l-evanġelista jgħidilna li mar fuq Ġesu’ wieħed jgħaġġel, niżel għarkobbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Interessanti l-fatt li fil-bidu tar-rakkont ma jissemmiex li dan kien raġel għani. Dan insibuh fl-aħħar tas-silta.
Ġesu, qabel ma tah risposta, staqsieh: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss.” Il-fatt li r-raġel indirizzah bħala mgħallem tajjeb turi li dan irrikonoxxa l-qawwa ta’ Ġesu’, li fit-tweġiba tiegħu stqarr id-divinita’ tiegħu.
Imbagħad kompla jgħidlu “Inti l-kmandamenti tafhom…” L-istess bħal ma nafuhom aħna, imma ħafna drabi naħsbu li għax aħna ma noqtlux, ma nisirqux, allura hekk biżżejjed. Ma nidħlux fid-dettalji. Kemm-il darba nistgħu noqtlu bi kliemna! Kemm-il darba ngħiru u nixtiequ dak ta’ ħaddieħor!
U r-raġel wieġeb: “Mgħallem, jien dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Wieġeb b’ċerta konvinzjoni li la darba kien jobdi l-kmandamenti u jħallas id-deċmi, allura kollox sew.
Imbagħad Ġesu’ xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigh li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.” Ta’ min isemmi li għall-poplu Lhudi fi żmien Ġesu’, li tkun sinjur kien meqjus bħala privileġġ, għax hekk kienu jistgħu jgħinu lill-fqar u jħallsu d-deċmi. Mhux bilfors li dan ir-raġel ħass weġgħa għax qalbu kienet marbuta wisq mal-ġid, imma għax ħaseb li jekk jagħmel hekk mhux se jkun jista’ jkompli jgħin.
Ġesu’ mbagħad dar fuq id-dixxipli tiegħu u qalhom: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla…..” L-għonja mhux bilfors tfisser dawk li għandhom bosta ġid. Jistgħu jkunu s-suppervi, dawk li jħossuhom fuq kulħadd, li qalbhom marbuta mas-setgħa, li jgħaffġu l-oħrajn basta jilħqu huma.
Meta Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu li eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla, dawn staġgħbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Hawnhekk Ġesu’ jassigurhom li għal Alla kollox jista’ jkun. Alla hu ħanin u jaqra fil-qlub. Għal Alla xejn ma hu moħbi, la fis-sema u lanqas fl-art.
Fl-aħħar qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk” U Ġesu’ jwieġbu u jgħidlu li l-ħlas għad ikun għal mitt darba iżjed, sa minn din id-dinja stess. Imma ma dan kollu jżid il-kelma “persekuzzjonijiet”! Meta nisimgħu din il-kelma ħafna drabi naħsbu fil-martri ta’ l-ewwel żminijiet tal-Knisja, imma r-realta’ hi li llum hawn ħafna nies li qed jiġu ppersegwitati u maqtula minħabba t-twemmin tagħhom. Għandna napprezzaw il-liberta’ li nistgħu nitkellmu fil-miftuħ, u għalhekk għandna d-dmir li ma nibqgħux ħalqna magħluq u li ma nibżgħux nitkellmu fuq it-twemmin tagħna. Il-persekuzzjonijiet huma wkoll “l-għaliex?” fil-ħajja tagħna: għaliex qed jiġri hekk meta tant nipprova nagħmel tajjeb? Għaliex, għaliex…Dan huwa mezz biex iressaqna lejn il-qdusija.
Nerġgħu nagħmlu riflessjoni fuq il-frażi “mur bigh kollox” Fil-prattika dan mhux possibli. Ma nistgħux nittraskuraw id-dmirijiet tagħna lejn il-familja, imma nistgħu naraw x’għandna bżonn tassew. Kulħadd għandu r-realta’ tiegħu. Irridu nagħmlu għażliet u naraw x’nistgħu innaqqsu. Jekk inħarsu lejn il-Papa, għandna ezempju ċar ta’ dan. Qed jospita familji refuġjati fil-Vatikan, juża karozza komuni, ipprovda showers u hairdressers għan-nies bla dar.
Fl-aħħar tal-laqgħa saret riferenza għas-Sinodu fuq il-Familja. Bħal issa l-membri qed jitqassmu fi gruppi skond il-lingwa. Qed juru biss opinjonijiet u x’jixtiequ li jiġi diskuss. Malta hi rrappreżentata mill-Isqof Mario Grech. Qed jieħdu sehem 370 ruħ. 270 minn dawn huma isqfijiet u l-oħrajn awdituri, fosthom sorijiet u familji. Hemm rappreżentanti mill-Kattoliċi Orjentali, u mill-Knejjes Ortodossi bħala osservaturi. Kien hemm min ried li t-titlu tas-Sinodu jkun “Il-Ħajja taż-Żwieġ lejn il-Familja”, iżda l-Papa ma xtaqx hekk għax ried li jintlaħqu l-familji kollha. Il-Knisja trid tkun miftuħa għal kulħadd. Alla ma jikkundannax u ma jagħmilx tabelli. Kulħadd hwa inkluż.
Fl-aħħar tal-laqgħa nqrat kwotazzjoni ta’ C.S.Lewis: “True humility is not thinking less of yourself. It is thinking of yourself less”