Ngħarfu lill-Ġesù – Prayer Café: 2 ta’ Mejju 2014
Fil-laqgħa ta’ Prayer Cafe ġie maqruh u diskuss il-vanġelu tal-Ħadd li ġej. Din id-darba huwa mehud minn San Luqa 24:13-35. Dan il-vanġelu, beda Fr Charles, juri l-ħajja tagħna bid-dettalji kollha tagħha. Il-vanġelji tal-Għid huma kollha sbieh – fihom irridu naraw lilna nfusna fl-appostli u minnhom irridu naraw kif se niksbu l-ferħ veru. F’dan il-vanġelu irridu ngħarfu kif San Luqa ried ifisser lill-komunita nisranija ta’ dak iż-żmien t-triq li twassalna biex nitaqgħu ma Ġesù. Kultant nisimgħu ħafna kliem iżda x’ħin niġu għal fatti neħlu. Nisimgħu ħafna dwar u fuq Ġesù, nimxu ma ĠesùĠesu – mmorru laqgħat bħal dawn, immorru l-quddies, kompla Fr Charles, iżda nibqgħu mwaħħlin fejn inkunu. Kultant naqgħu f’medjokrita – m’hemm xejn li jħeġġiġna fil-ħajja spiritwali tagħna. Irridu nqumu fuq tagħna, irridu noħorġu mill-qabar tagħna. F’dan il-vanġelu mhux biss naraw il-mixja tad-dixxipli lejn Emmaws iżda naraw ukoll ir-ritorn tagħhom lejn Ġerusalemm. Il-vanġelu jgħidilna li “Għemmaws kien sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm” dan kien ekkwivalenti għal 11 kilometru, mixja twila mhux ħażin li matulha Ġesù deher lil dawn iż-zewġ dixxipli msemmija u tul id-distanza kollha tkellmu flimkien fuq l-Iskrittura u l-ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu. Kwazi tidher tad-daħk li wara 11 il kilometru, d-dixxipli li għexu miegħu dak iż-żmien kollu jistaqsuh: “ Inti waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem? ” Dan l-istess bħal meta aħna mmorru l-quddies u nibqgħu ngħixu ħajja normali, ma ninbidlux. Ġesù jimxi magħna f’kull ħin ta’ ħajjitna.
Meta mmorru l-quddies, nisimgħu fuq Ġesù qisna d-dixxipli ta’ Ġħemmaws li għalkemm semgħu lil Ġesù tul il-11 il-kilometru ma nbidel xejn fihom tant li baqgħu ma għarfux min kien. Noqgħodu attenti, wissina Fr Charles, li ma jiġrilniex l-istess, li f’ħajjitna nibqgħu ma ngħarfux lil Ġesu sa l-aħħar ta’ ħajjitna. Nkunu għarafna lil Ġesù meta ngħamlu dak li jgħidilna Hu. Mela noqgħodu attenti li ma nserrħux moħħna għax immorru l-quddies. Dan ma jfisser xejn. Li timxi ma Ġesù jfisser li tagħmel dak li jgħidlek Hu anke meta jgħidilna ninżabru xi ftit.
Id-dixxipli ta’ Għemmaws, x’ħin waslu fl-aħħar tal-vjaġġ stiednu lil Ġesù bħala foristier għax baqgħu ma għarfux lil Ġesu. Qalulu “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jispiċċa.” Kienet stedina lil dak li mexa magħhom għaliex l-vjaġġ spiċċa, għaliex għeja, għaliex kien qiegħed jidlam. U d-dalma tfisser l-biża’, l-qtugħ ta’ qalb. Mbagħad seħħ il-miraklu u ntebħu li dak li kien magħhom kien Ġesù meta Hu qasam il-ħobż magħhom nfetħu għajnejhom, għarfu lil Ġesù. Din hija twissija għalina lkoll, qal Fr Charles. Kemm nikkonċentraw fuq l-Ewkaristija aħna u telgħin għat-tqarbin? Xi tfisser l-Ewkaristija għalina? X’inhi r-rejazzjoni tagħna x’ħin l-Ostja tmiss ma jdejna, x’ħin tmiss ma lsienna? Nagħmluha bħala drawwa biss u kollox jibqa’ għaddej. Il-mixja tagħna tista’ tkun il-mixja tagħna lejn l-artal biex nirċievu l-Ostja u kollox jibqa’ l-istess. Jista’ jkun li meta nirċievu l-ostja tkun biss slot fil-ħajja tagħna u ma jinbidel xejn f’ħajjitna.
Meta d-dixxipli għarfu lil Ġesù dan għeb minn quddiem għajnejhom. Imma għax għarfu min kien Ġesù nsew l-ikel, insew il-biżgħa tagħhom minn kull periklu li jistgħu jiltaqgħu miegħu matul it-triq u reġgħu marru lura lejn Ġerusalemm bl-aħbar li Ġesu qam lid-dixxipli l-oħra. Aħna għandna nkunu l-istess ħabbara tal-bxara t-tajba lill-familji tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol, u lil dawk ta’ madwarna. Hemm nidhru li aħna dixxipli ta’ Ġesu.
Hawn Fr Charles semma dak li qal Papa Franġisku fil-kanonizazzjoni tal-Papa Ġwanni XXIII u l-Papa Ġwanni Pawlu II, se sseħħ nhar il-Ħadd 27 t’ April, dawn iż-żewġ Papiet bi storja differenti u li f’mumenti iebsin kemm fis-soċjeta u kif ukoll fil-knisja għarfu jwettqu r-rieda t’Alla u jġibu terremot ta’ bidliet akkost li kellhom ħafna ostakli biex iwettqu ħidmiethom.
Aħna ukoll nistgħu nagħmlu terremot bl-egħmil tagħna ta’ kuljum.
Fr Charles Fenech spiċċa l-laqgħa b’dawn il-mistoqsijiet.
- Id-dixxipli ta’ Għemmaws qalu “ ‘Ma kenitx mħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’ ”
- X’inhi r rejazzjoni tagħna meta nisimgħu jew meta naqraw l-Iskrittura Mqaddsa?
- Bħala nsara qegħdin nħossu l-ferħ anke ma ħadd ieħor? Jew il-ferħ insibuh fid-divertivement?
- X’inhu jġiblina l-ferħ f’ħajitna, l-Ostja li nirċievu jew l-flus li naqilgħu,jew bl-affarijiet materjali li jista jkollna?
- Importanti li aħna lkoll ngħarfu li l-Għid huwa tfittxija għal dan il-ferħ.