Ngħixu l-kelma t’Alla – Prayer Café: 10 t’Ottubru 2014
Id-29 Ħadd Matul Is-Sena
Darba fix-xahar, il-laqgħa titmexxa minn wieħed mill-mexxejja tal-Kerŷgma – Manuel Giordmaina. Manuel mexxa l-Prayer Café f’forma ta’ Lectio Divina fejn wara li nqara l-Vanġelu, kull min kien preżenti kellu ċ-ċans li jaqra dik il-biċċa li laqtitu l-aktar. e.ż: ‘Għaliex tridu ġġarbuni…’ u ħafna oħrajn. It-tieni parti kienet fejn qabbilna s-silta tal-Vanġelu ma’ siltiet oħra fil-Bibbja. Pereżempju fl-episodju fejn Ġesù qaleb l-imwejjed meta ra li qed jsir kummerċ, kif ukoll dik il-mara li tat l-unika munita li kella. Kif ukoll ġie mqabbel mas-silta tal-Vanġelu qabel Ġesù ġie maqtul. Hawnhekk Manuel spjega l-istorja tal-Vanġelu fil-kuntest tal-istejjer li huma rrakuntati qabel u wara din is-silta fl-istess Vanġelu.
Bħala silta hi meħuda mill-Evanġelista San Mattew kapitlu 22 u hija pjuttost lejn l-aħħar. Dan għax qabel, insibu lil Ġesù nieżel mill-Galilija, min-naħa ta’ fuq tal-Palestina, fejn kien jogħqod flimkien mal-Appostli, ħdejn l-għadira tal-Galileja. Għalhekk naraw lil Ġesù niezel u dieħel Ġerusalemm. Din kienet l-aħħar darba qabel il-Passjoni. Infatti fil-Kapitlu 22, nsibu meta Ġesù daħal Ġerusalemm u laqawh b’ħafna brijju u palm, għax rawh bħala sultan. Qabel dan insibu meta Ġesù daħal fit-Tempju u ra li dawn in-nies għamluh suq. F’dawn is-siltiet, naraw li Ġesù qed imur kontra l-awtoritajiet tal-post. L-Erodjani kienu jappoġġjaw lil Erodi, li kien jmexxi l-Palestina dak iż-żmien. L-Erodjani flimkien mal-Fariżej ippruvaw jieħduha kontra Ġesù u jeħilsu minnu – joqtluh. Fil-fatt dan jidher fil-Kapitlu 21, fejn wara li qaleb l-imwejjed, bħal donnu beża u mar Betanja. Betanja tiġi faċċata ta’ Ġerusalem. Hemmhekk kienu joqogħdu Martha, Marija u Lażżru, li kienu ħbieb ta’ Ġesù u għadda l-lejl hemmhekk.
Għalhekk dan il-Vanġelu tat-taxxa, kif wieħed jista’ jsejjaħlu, qiegħed eżatt meta Ġesù ġie Ġerusalemm, u jaf li daħal fil-bejta tas-sriep fejn kulħadd kien lest għalih. Allura, meta Ġesù kellimhom fuq it-taxxa kien qed joqroshom fil-laħam il-ħaj. Ġesù ma ddejjaqx juri li hu qed jeħodha kontra min qed imexxi, minħabba taxxi żejda u ċanfar ukoll lill-Fariżej li kienu jippretendu li jafu l-liġi kollha u jgħallmu n-nies.
Wara din l-ispjegazzjoni, komplejna nitkellmu bejnietna billi nsemmu xi vers u ngħidu kif laqatna. Kien hemm min qal li meta l-Kelma t’Alla indawruha kif jaqbel lilna, inkunu qed nagħmlu bħall-Fariżej, nitradixxu lil Alla. Uħud qalu wkoll li dawn kellom lil Ġesù magħhom imma kienu wisq aljenati fuq il-flus biex jagħrfuh. L-istess meta aħna ninsew li rridu ngħixu l-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija.
Dan huwa l-Iskop tal-Vanġelu… li ngħixu l-kelma t’Alla. Ma nagħzlux li nagħmlu biss dak li jaqbel lilna u fejn ma jaqbilx lilna nwarbuha. Ħafna qalu li hi diffiċli li nħarsu . Iżda aħna jridu ngħixu bil-fidi. Kull problema rridu narawha bħala sagrifiċċju biex nippurifikaw ruħna. U ngħixu bil-fidi.