Nħallu l-Ispirtu Jmexxina – Prayer Cafè: 20 ta’ Frar 2015
Il-laqgħa Prayer Cafe fl 20 ta’ Frar bdiet bit-talba tal-Moviment.
Bħala ġens uman fejn sejrin? Il-ħajja ta’ madwarna tagħmel sens? Nħossu li l-Ispirtu qiegħed imexxi l-bniedem biex jiltaqa’ mal-Imħabba u l-Ferħ veru ? JEW qed infittxuh x’imkien ieħor? Zgur li l-bniedem jixraqlu jkompli jikber fid-dinjita, fl-imħabba, fil-ferħ u l-paċi. Ir-Randan hu żmien ta’grazzja fejn għandna ngħarblu l-ħajja spiritwali tagħna. Nsibu mezzi kif nersqu qrib il-Mulej, bħalma huma dawn il-laqgħat u anke ftit jiem oħra se jkollna irtir ta’ tlett ijiem. Ejjew nuzaw dan iż-żmien biex nissaħħu fil-fidi tagħna.
Wara dan il-ħsieb inqara il-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej mehud mill-vanġelu ta’ San Mark 1:12-15.
F’dan il-vanġelu nsibu kif wara li tgħammed minn Ġwanni l-Battista l-Ispirtu ħareġ lil Ġesu fid-dezert qabel ma kien sejjer jibda il-ħajja pubblika tiegħu. Tajjeb ninnutaw li ĠESU li kien Alla, qabel ma beda l-missjoni tiegħu inqata’ għalih waħdu sabiex isum u jitlob. Eżempji oħra ta’ dan insibhuhom f’partijiet oħra tal-Bibbja bħal:
L-għada fil-għodu kmieni,qabel ma zernaq qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob(Mk1:35)
Ġesu ħa miegħu lill-Pietru, Ġwanni u Ġakbu fuq il-muntanja biex jitlob.(Lq 9:28)
Mar fuq il-muntanja waħdu biex jitlob (Mt 14:23)
Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb (Lq 5:16)
Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob u għadda l-lejl fit-talb lil Alla (Lq 6:12)
Ġesu jitlob fil-Ġetsemani (Mk 14:32-42 /Lq 22: 39-46)
Mela ĠESU kien isib sosten fit-talb billi jfittex li jiltaqa’ m’Alla. X’ezempju sabiħ dan għalina! KEMM iżjed aħna li aħna nies dgħajfa, qabel nagħmlu xi ħaġa, qabel nieħdu xi deċizjoni jew inwettqu xi missjoni, għandna nduru lejn Alla u nitolbu!
Ġesu jgħidilna: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab u strieħu ftit” (Mk 6:31) Li nisimgħu l quddies huwa tajjeb, li mmorru l-laqgħat tat-talb huwa tajjeb, li nitolbu fil-familja huwa tajjeb li ngħidu r-ruzarju huwa tajjeb pero l-Mulej qiegħed isejħilna biex inqattgħu ftit ħin fil-kwiet biex nisimgħu LILU jkellimna.
“Iżda int meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, għalaq il-bieb warajk u itlob li Missierek li hu fil-moħbi” (Mt 6:6)
Fit-talb aħna nistabbilixxu ir-relazzjoni personali tagħna m’Alla.
- Il-Missier li ħalaqna
- l-Iben li salvana
- L-Ispirtu s-Santu li qaddisna
Ġesu jgħid :
“Ħadd ma jista jgħid Ġesu Hu il-Mulej, jekk il-Missier li bagħatni ma jigbdux lejja (Gw 6:44)
“Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6)
“Ħadd ma jista’ jgħid Ġesu Hu il-Mulej, jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu S-Santu” (1 Kor 12:3)
Mela aħna għandna nitolbu fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ma nistħux inroddu s-salib l-aħwa, bil-mod il-mod id-drawwa li nroddu s-salib f’postijiet pubbliċi qed tinqata’! Is-salib huwa barka għalina lkoll.
It-talb għandu jkun li nisimgħu. Irridu nitgħallmu nisimgħu lil Alla jkellimna fil-kwiet, fis-skiet u fil-profond ta’ qalbna.
Ma nistgħux ngħidu li nafu lil xi ħadd jekk qatt ma qadna nismgħuh. Lanqas nistgħu inħobbu persuna li ma nafuhiex.
Jekk nagħmlu sforz biex nisimgħu lil Alla hemmhekk nistgħu ngħidu li qed insiru nafuh.
L-Ispirtu li ħareġ lil Ġesu fid-desert huwa l-istess Spirtu li aħna ħadna fil-magħmudija u ġeddidna fil-Grizma ta’ l-Isqof. Pero disgrazzjatament ħafna nsara din il-grazzja ħallejnieha rieqda. Hawnhekk il-kellima li mexxiet il-laqgħa tal-llum stqarret li hi meta ħadet il-Grizma tal-Isqof mill-katekezi fehmet li hi kellha issa ssir suldat ta’ Kristu u għalhekk kienet tħoss il-bżonn li fejn tisma’ lil xi ħadd jgħid kontra Ġesu kienet taqbez għaliH bil-fomm. Fl-1989 esperjenzat lill-Ispirtu s-Santu f’ħajjitha u din l-esperjenza bidlitilha ħajjitha – bidlet il-mod li tgħix, il-mod li titlob. Ħeġġet lil dawk prezenti ma jħallux lill-Ispirtu rieqed ġewwa fihom.
Ejjew jekk s’issa lil-Ispirtu s-Santu ħallejnieh rieqed, nibdew nitolbuh jgħina fit-talb tagħna u jmexxina Hu, ejjew nagħrfu nħaddmu d-doni li jrid isebbaħna bihom. Nitolbu għad-don tal-Kelma, għad-don tal-Għerf, għad-don tal-Mirakli…
Nistgħu ngħidu li aħna qegħdin nimxu skont dan l-Ispirtu? Il-Papa Franġisku fl-Omelija tiegħu tat-Tnejn 20 ta’ Mejju 2013 qal “Talb qalbieni, umli u qawwi jagħmel il-mirakli…….KOLLOX hu possibli għal min għandu l-fidi……..spiss dawk li jħobbu lil Ġesu ma jissugrawx wisq fit-twemmin tagħhom fih u lanqas ma jafdaw għal kollox fih. Imma għaliex dan in-nuqqas ta’ twemmin? Naħseb li dan jiġri meta l-qalb ma tinfetaħx, meta l-qalb tkun magħluqa, meta l-qalb tkun trid tikkontrolla kollox. Hi qalb, mela ‘li ma tinfetaħx’ u li ‘ma tintelaqx f’Ġesu”……kompla l-Papa. “lkoll kemm aħna għandna fina xi ftit tan-nuqqas ta’ twemmin. JEĦTIEĠ TALB UMLI U QAWWI, LI JIPPERMETTI LIL ĠESU LI JWETTAQ IL-MIRAKLU……irid ikun talb kuraġġuż, li jissielet biex jinkiseb il-miraklu, u mhux talb għall-kirjanza. Ehe, nitlob għalik, ngħid il-Missierna, Sliema u Qaddisa u mbagħad ninsa kollox…
It-TALB għal dak li jkun irid ikun talb tal-interċessjoni.
NISTGĦU NGĦIDU LI QEGĦDIN NGĦIXU SKONT DAN L-ISPIRTU?
- Meta nkunu ffukati fuq it-talb, stqarret waħda mill-membri, tħoss il-qawwa tat-talb; pero jiġri kultant bid-distrazzjonijiet jew ħsibijiet tispiċċa tintilef. Trid tiprova tneħħi kull ħsieb u distrazzjoni minn quddiemek.
- Xi ħadd ieħor stqarr li meta titlob lill-Ispirtu s-Santu timtela bil-paċi u tħoss li se jgħinha tgħeleb kollox.
- Xi ħadd ieħor tat l-esperjenza tagħha ta’ fejqan fiziku – l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu titlaqna biss jekk inkunu fid-dnub u nagħzlu li nibqgħu fih.
- L-Ispirtu s-Santu jirrevela lilu nnifsu lil dawk li jaċċettawh u jħalluh ikun il-gwida tagħhom.
QEGĦDIN NITOLBU QABEL NIEĦDU XI DEĊIZZJONI JEW INWETTQU XI ĦAĠA? JEW L-EWWEL NGĦAFFĠU U NAGĦMLU TA’ RASNA, IMBAGĦAD WARA LI TIĠINA ĦAZIN INDURU GĦAT-TALB?
- Sfortunatament ħafna huma dawk li jitolbu bħal papagalli u jitolbu meta l-għawġ ikun ġa ġie fuqhom. It- talb irid isir kuljum – fis-skiet irridu nistennew li l-Ispirtu s-Santu jimliena bil-qawwa tiegħu. JEKK taċċettaH Hu se jaħdem fik – se tħossok mqanqal biex titkellem fuq Ġesu.
- Tajjeb li lkoll kemm aħna nqumu mir-raqda – qegħdin ngħixu fi żmien diffiċli – f’soċjeta anti Kristjana. Soċjeta li ddawwar ir-reliġjon kif trid hi. Tajjeb nintebħu li għaddejjin fi żmien ta’ persekuzzjoni. U rridu nkunu AĦNA xhieda ta’ Kristu.
- Ma ninsewx li Ġesu qalilna: “Min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mattew 10:32).
- L-Ispirtu s-Santu jirrevela lilu nnifsu lil dawk li jaċċettawH u jħalluH ikun il-gwida tagħhom.
Ix-xitan kien jaf għalxiex kien qed jipprepara lilu nnifsu Ġesu, u minkejja li Ġesu kien Alla xorta ried jagħmel minn kollox biex iġarbu, biex jipprova jfixkel il-pjan t’Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin.
L-Iva ta’ Ġesu lil Alla kienet qed tiġi ittestjata mill-bidu net tal-ministeru tiegħu.
L-istess aħna bħal Ġesu niġu mġarba mix-xitan.
Ix-xitan huwa qattiel u giddieb. Hekk isejjaħlu Ġesu (Ġw8:44). Qattiel – għax joqtol il-grazzja t’Alla fina. Giddieb – għax jipprezentalna l-ħazin bħala tajjeb.
Min jaf kemm il-darba meta ħadna xi deċizjoni jew kommitment, jibda jinqalalna kull tfixkil. Meta iddeċidejna li rridu ngħixu aħjar, naqtgħu xi vizzju jew nikkommettu ruħna sabiex ngħinu lill-oħrajn,jew jafdalna xi biċċa xogħol f’idejna, kemm jibda jinqala tfixkil u anke gwaj u dan ix-xitan jagħmlu biex ifixkilna biex naqtgħu qalbna u ma nikkommettux ruħna sabiex ngħixu aħjar, nagħmlu l-ġid u nwettqu dak li Alla jrid minna u qiegħed isejħilna għalih. Dan kollu taħwid minn taħt tax-xitan. (2 Kor 2:11) tfixkil fl-appostolat (Tess 4:15) persekuzzjonijiet (Apok 2:10) indħil fil-ħwejjeġ umani(Ġuda 1:9)
Min irid jibqa’ fidil lejn il-patt t’Alla jrid jeħodha kontra d-dnub u jgħix skont l-evanġelju. Irid jitlob biex ir-rieda t’Alla sseħħ fih.
QEGĦDIN NIĠĠIELDU KONTRA T-TENTAZZJONIJIET GĦALL-ĦAZEN? JEW AĦNA DAWK LI NITGERBU MAL-KURRENT?
- Irridu nużaw il-Kelma t’Alla biex negħlbu t-tentazzjonijiet. Il-Kelma ta’ Alla hi “bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar” (Lhud 4, 12). Nużawha l-Bibbja.
- Il-fatt li ġejna għal din il-laqgħa turi li qegħdin nimxu kontra l-kurrent – nagħtu kuraġġ lil xulxin.
- Is-sagrament tal-qrar qiegħed hemm biex aħna nersqu lejh biex tinħafer il-ħtija tagħna.Tagħlaq il-bieb bejn ir-relazzjoni tiegħek u Alla BISS jekk inti tibqa’ l-bogħod mill-qrar.
- Ix-xitan jista’ jilgħab bis-sens ta’ ħtija fina u jbegħedna milli nagħmlu r-rieda tal-Mulej. Irridu nkunu umli u nagħrfu l-ħtija tagħna.
Imiss lilna li nilqgħu lil Alla minn qalbna f’ħajjitna u nkunu lesti dejjem inwettqu r-rieda tiegħu.
Alla joffrilna l-ħbiberija u l-imħabba tiegħu għax Alla tagħna mhux xi Alla li jinqata’ għal rasu u ma jimpurtahx minna. Alla tagħna huwa Alla li jrid ikun qrib tagħna u jrid jidħol f’rabta ta’ ħbiberija personali magħna u dan irid jagħmlu għaliex iħobbna.
“Intom issejħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha issibuni.” (Ger 29:12-13) Ġesu jħeġġiġna sabiex nitolbu biex ma naqtgħux qalbna. Fil-parabola tal-armla u l-imħallef (Lq 18:1-8) l-armla sabet ħaqq minn Imħallef għax iperseviet fit-talba biex isir ħaqq magħha. Hekk ukoll għandna aħna nippersevaw fit-talb u nibqgħu nitolbu dak li jinħteġilna. Alla zgur li se jtik dak li għandek bzonn.
“ Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” (Mt:25:13) Mela aħna se nintilfu għax IRRIDU aħna għaliex Ġesu diġa ppreparana x’għandna nagħmlu. M’hemmx irtirar fis-servizz t’Alla. Il-missjoni li jafda lilek ma jfissirx li ser jafda lili. Tgħidlux le. IDDIXXERNA fejn il-Mulej irid juzak.
Ejjew f’dan ir-Randan imqaddes nagħmlu ħilitna sabiex nagħrfu aħjar s-sejħa li Alla qiegħed jagħmlilna u nfittxu li nwieġbu għaliha bl-akbar serjeta.
NIXTIQILKOM MINN QALBI LI L-FERĦ LI JFAWWAR L-ISPIRTU T’ALLA FIJA ISSIBUH INTOM UKOLL!