Prayer Café #4 (30 Ħadd Ċ)
30 Ħadd ta’ Matul is-Sena.
Lq 18:9-14
Il-laqgħat Prayer Café, tkomplew il-bieraħ fiċ-ċentru tal-Kerŷgma, fejn Fr. Charles Fenech tkellem fuq il-Vanġelu tal-Ħadd li jmiss. Dawn huma ftit punti meħudin mid-diskors tiegħu.
Il-Vanġelu tal-Ħadd li jmiss min jaf kemm-il darba smajnih, m’hemm xejn speċjali fih jekk neħduh b’mod artifiċjali. Il-Bibbja hi xi ħaġa li trid taqraha bil-mod, għax meta taqraha bil-mod l-Ispirtu t’Alla jdawwlek u jkollok ċans tomgħod il-Kelma t’Alla.
Min kienu il-Fariżej u l-Pubblikan? Ma kienux jitħamlu bejniethom. Il-Fariżew kienu l-għalliema li jsegwu l-liġijiet sal-anqas dettalji iżda mbagħad kienu jagħmlu dak li jfettilhom u għalhekk Ġesu kien jikkritikhom daqshekk. Fir-reliġjon Ġudajka hemm ‘l fuq minn 613 liġi u dawn barra li jridu jitgħallmuhom jridu jwettquhom. Ħafna mill-liġijiet huma marbutin mal-iġjene u mat-taxxi; filwaqt li l-Pubblikani kienu nies li jiġbru t-taxxi għall-ħakkiema Rumani barra li jieħdu xi ħaġa żejda għal buthom. Għalhekk ħadd ma kien iħares lejhom sabiħ. It-taxxa minn dejjem kienet xi ħaġa ġusta iżda li ħadd ma jieħu gost biha!
Ir-relazzjoni u r-rejazzjoni ta’ dawn iż-żewġ persuni jagħtuna żewġ modi ta’ kif nersqu lejn Alla fit-talb. Forsi aħna meta nisimgħu lill-Fariżew ngħidu x’għarukaża dan kemm jiftaħar bih innifsu: kliem il-Farizew kien “O Alla, niżżik ħajr li miniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-publikan…” Lq 18:11 hawn għamel screening ta’ dak li għamel hu u ma talab xejn, u maqdar lill-publikan li kien qiegħed fit-tempju miegħu. Neżaminaw ftit kif inhu t-talb tagħna u kif suppost hu, kompla Fr. Charles. Aħna l-Mediterranji għandna t-tendenza li ma jaħrabilna xejn – minflok noqgħodu attenti għat-talb tal-quddiesa aktar moħħna fuq min għaddej. M’aħniex kapaċi nikkonċentraw fuq il-Mulej. Hawn Fr. Charles qasam esperjenza li ltaqa’ magħha: daħal wieħed il-knisja li kien ilu ma jersaq ‘l hemm u dawk li huma midħla tal-knisja flok laqgħuh qalu ”Ara x’qala’ l-baħar, dan x’ġie jagħmel?” (b’mod li jisma’ dan ir-raġel.) Imbagħad fil-quddiesa talbu għall-midinbin! Hija faċli li niġġenarilizzaw u niġġudikaw kemm fil-knisja, kif ukoll barra mill-knisja. Mentri t-talb ifisser dak li għamel l-Pubblikan. “O Alla, ħenn għalija għax jien midneb.”Lq 18:13.
Fr. Charles żied jgħid li dawn l-aħħar Ħdud il-Vanġelu kien ikkonċentrat fuq it-talb. Ġesu qed jgħidilna kif għandu jkun it-talb. L-imġiddma jitolbu għal miraklu u jseħħ. Aħna kemm nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dak li jagħtina? Fil-parabbola tal-armla nsibu l-Imħallef li wara li qalgħatlu qalbu l-armla, taha dak li riedet biex jeħles minnha. Alla ma jaħdimx hekk magħna. Kemm tassew qegħdin nagħtu spazju lil Alla f’ħajjitna? Din hi importanti – għax minn hemm tibda tinduna kemm l-Mulej jagħtina sinjali biex jagħtina kuraġġ u hawn Fr Charles ta eżempju kif hu stess qabel programm fuq Radju Marija qal lill-Mulej li dakinhar kienet f’idejH (f’idejn il-Mulej) , u propju dakinhar iċċempel waħda mill-kontinent l-ieħor – mill-Awstralja tagħti xhieda li hi kompliet ixxerred dak li tgħallmet dwar il-Kelma t’Alla f’Malta.
Fr. Charles saħaq li huwa importanti li nħallu ħin għat-talb. Kultant sfortunatament ikunu l-ġenituri stess li jgħidu lit-tfal li l-ewwel għandha tiġi l-iskola mhux it-talb, mhux il-quddies! Iżda meta tagħti l-ewwel post f’ħajtek lil Alla kollox jibda jieħu postu. Xorta se jibqgħu l-problemi tal-ħajja iżda l-mod kif tħares lejn il-problemi jinbidel. Meta ma nħallux f’idejn Alla nibdew ninstabtu mal-ħajt. Hemm bżonn indaħħluh aktar fil-familji tagħna. Nħallu lill-Mulej imexxi l-familji tagħna. Għandna nħallu f’idejn il-Mulej. It-talba tagħna għandha tkun bħal ta’ Marija “Ħa jkun minni skont kelmtek” mhux skont kelmti. Nħallu ‘ill-MULEJ jkun il-Mulej tas-SORPRIŻI.
Fr. Charles Fenech semma wkoll li kellu konferenza l-Vatikan fuq il-Fidi u l-Isports u wara l-Angelus, id-delegati ltaqgħu b’mod personali mal-Papa Franġisku. Fr. Charles ppreżentalu kopja tax-‘Xandar il-Kelma’ li b’kumbinazzjoni fil-faċċata nzerta kellu wiċċ il-Papa bil-kliem tiegħu stess ‘Sorpriżi minn Alla.” U l-Papa qallu “ U iktar nippriedkom dawn il-kliem għax veru minnhom. F’dawn l-aħħar sitt xhur kelli ħafna sorpriżi minn Alla” fosthom semma meta l-Papa ħareġ bl-ideja ta’ talb u sawm minħabba l-gwerra tas-Syria. Minkejja li għandu fidi kbira f’Alla kienet sorpriza kbira minn Alla li l-gwerra ma seħħitx.
Sorpriżi ta’ Alla hi realta’ kbira meta aħna nidħlu f’kuntatt ma’ Alla permezz tat-talb. It-talb mhux xi ħaġa tax-xjuħ jew tal-pensjonanti. IT-TALB ifisser tippreżenta ruħek kif int quddiem Alla. – bid-dnubiet tiegħek. Kif insibu fil-Ktieb ta’ Bin Sirak (fl-ewwel qari ta’ nhar il-Ħadd) “Il-Mulej hu Alla tas-sewwa, ma jħares lejn wiċċ ħadd.” Bin Sirak 35:12 .Il-Mulej ma jridx reċti.
AVVIŻI :
- Dawk it-tfal minn Year 4 ‘l fuq li jixtiequ jsiru parti minn Christour Children’s Choir jistgħu jiġu għall-audition San Duminku nhar ta’ Tlieta fis-7.00pm. Min jixtieq jieħu sehem fil-Christmas Concert jgħaġġel għax ir-rehearsals ġa bdew. Dan il-choir huwa mmexxi minn għalliema professjonali tal-mużika: Debbie Scerri, Mary Rose Buhagiar u Mary Sammut. Dan hu mod ieħor kif nevanġelizzaw.
- Nhar il-Ħamis 31 t’Ottubru se jkun hemm Quddiesa u Adorazzjoni biex nevanġelizzaw organizata mill-Kerŷgma. Inħajjru lil ħaddieħor biex jiġi.
October 28, 2013 at 09:37 -
Kollu veru dak li qal Fr Charles rigward it talb. Dik tal-gwerra tas-Sirja fuq it-talb u s-sawm hassejt l-istess messagg jien ukoll.