Prayer Café #7 (33 Ħadd Ċ)
33 Ħadd ta’ matul is-sena.
Il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru 2013
Bħal kull nhar ta’ Ġimgħa, Fr Charles Fenech fetaħ il-laqgħa tal-prayer cafe’ quddiem attendenza numeruża li wieħed ma jistax ma jinnotax li qed tiżdied kull ġimgħa. Wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej (Lq21,5-19), Fr. Charles għamel ir-riflessjoni tiegħu fuq erba’ punti prinċipali.
…”għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu,
‘Jien hu’ u, ‘Iż-żmien wasal’.
Tmorrux warajhom!”
Irridu niddistingwu bejn aħna fil-knisja u aħna tal-knisja pero’ irridu nifhmu x’inhi l-knisja u ma niżvijawx mit-tagħlim ta’ Ġesu’. Ġesu’ stess kien diġa qed jipprofetizza li ħa jkun hemm minn jdawwarlu kliemu u juża kliemu għall-iskopijiet tiegħu.
1. Ġesu’ jitkellem fuq it-tmiem tad-dinja. Dawn huma l-ħdud lejn l-aħħar tas-sena liturġika; il-Ħadd li ġej u l-Ħadd ta’ wara – l-24 ta’ Novembru ( festa ta’ Kristu Re’) li huwa l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, imbagħad għandna ukoll fl-ewwel ħdud fil-bidu tal-avvent; fejn insibu li l-vanġeli jitkellmu fuq il-ħajja taż-żmien li ġej. Vanġeli eskalotoġiċi fejn jitfgħuna lejn il-futur biex nagħrfu li aħna ma nistgħux niggranfaw mal-affarijiet ta’ din id-dinja. Lejn l-aħħar tas-sena liturġika jrridu niżvojtaw kollox imma mhux bil-biża’. Għalhekk irridu nkunu ippreparati. Ġesu’ qalilna li ħa nkunu persegwitati, sa jkissruna, imma Hu qalilna biex ma nibżgħu xejn x’sa ngħidu u nagħmlu. L-Ispirtu sa jkun qed jaħdem magħna u jilluminana u m’aħniex sa nintilfu.
‘Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.’
Aħna irridu nindunaw li aħna immirati lejn l-eternita’.
2. Il-liturġija tal-lum ukoll titkellem dwar il-jum. F’partijiet oħra fil-Bibbja nsibu Jum il-Mulej, Jum Jaħweħ jew Jum iż-żjara. Dan huwa l-jum li fih sa niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ m’Alla. Il-bniedem għandu ħabta li kif joqrob lejn l-aħħar jum jew jisma’ bl-aħħar jum, forsi għax sema’ bil-mewt ta’ xi ħadd eċċ, donnu tinħoloq biża’ ġo fina. Is-sens tal-biża’ li tiddomina l-ħajja tagħna fuq din l-art rridu nneħħuha. Aħna wlied id-dawl, aħna nipprietkaw id-dawl u t-tama. Dan huwa passaġġ. Inkunu konxji ta’ dan il-passaġġ mhux bil-biża’ imma billi nippreparaw ruħna sew. Il-fatt li nkunu konxji, inkunu qed inħejju ruħna aħjar għall-eternita’. Inżommu f’moħħna li aħna immarkati għall-eternita’. Ix-xahar ta’ Novembru, huwa ix-xahar tal-ħajjin u mhux tal-mejtin. Dan ix-xahar jibda bil-festa tal-ħajja; bil-festa tal-qaddisin kollha. Għandna obbligu li nitolbu għal min għadda għall-eternita’ ukoll.
Inħarsu ‘l quddiem b’ferħ u ottimizmu li aħna m’aħniex għal hawn. Ma nħarsux bid-dwejjaq għall-fatt li ngħidu m’aħniex għal hawn. Dawn il-Ħdud Ġesu’ sa jgħidilna:
Itfah għajnejk sew.
Ara l-għażliet li qed tagħmel.
Qed tagħti xhieda Tiegħi sew?
Ma’ xhiex qed tibni l-futur tiegħek?
L-investiment tiegħek ma’ xhiex qed tagħmlu?
Il-ħin tiegħek? L-iktar ħaġa għażiza aktar mill-flus, qed tagħti ħin għaliha?
3. Għal darb’oħra, Fr Charles jirrepeti kemm hu mportanti li nagħtu ħin lil Alla. U Alla imbagħad jagħtik aktar ħin milli għandek bżonn. L-24 siegħa hekk sa jibgħu – mhux ħa jiżdiedu imma Alla jagħtik aktar ħin; fil-mod ta’ kif taħdem, fil-mod ta’ kif tħares, fil-mod ta’ kif tirraġuna, fil-mod ta’ kif tħares lejn problema u tittekiljaha ….. kollox sa jkun differenti. Kultant problema tista’ tħarbatlek ġurnata jew inkella taħli ħin fuq xi ħaġa li tkun stajt għamiltha fi ftit minuti. Il-fatt li inti toffri ħin lill-Mulej jevitalek dawn l-affarijiet. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
4: Xhieda. Ġesu’ qal:
‘Imma qabel dan kollu, jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn is-sinagogi u jitfgħukom fil-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.’
Ġesu hawnhekk qed jgħidilna biex ma noħolqux paniku. Jekk ikun hemm min jipprova jirridekulak għax raddejt is-salib jew għedt xi kelma kif suppost kellek tgħidha, agħmel kuraġġ. Dan jiswielkom biex tagħtu xhieda. Aħna x-xhieda nagħtuha mill-knisja ‘l barra. Aħna għandna qawwa bħala insara għalhekk nużawha! Toqogħdux taħsbu minn qabel kif ħa tiddefendu ruħkom għax Ġesu stess qal:
‘jien nagħtikom diskors u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.’
Tibżgħux tikkonfrontawhom. Uru l-fidi tagħkom mhux tagħlqulhom il-bieb u twaħħlu l-istiker mal-bieb. Pero’ tridu tkunu ittrenjati. Bħal dak li sa jmur għall-maratona u jittrenja sew minn qabel. Fr Charles poġġielna ftit mistoqsijiet quddiema biex inkunu nistgħu nirriflettu fuq il-ħajja tagħna u naħdmu għall-eternita’.
Spiritwalment, aħna qed nittrenjaw? Il-Bibbja? Huwa l-aktar ktieb ġdid fid-dar tagħna? Attenti għax meta tiftħuh bis-serjeta’ ma terġax tagħlqu.
Il-laqgħa kompliet b’aktar tagħrif minn Fr Charles u diskussjonijiet minn nies esperti u follow ups tagħhom minn ħafna nies li kienu preżenti. Wieħed irid jiġi biex jittrenja sew l-kelma t’Alla. Mela narawkam għall-Prayer Cafe’ ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.