Prayer Cafè: IL-BEATITUDNIJIET – taħdita mis-sur John Seguna.
Il-beatitudnijiet huma r-riċetta għall-ferħ, kemm dinji kif ukoll etern. Ħafna drabi nagħmlu enfasi fuq il-Kmandamenti, u hekk għandu jkun, għax dawn ġejjin minn Alla, imma ma nagħtux biżżejjed importanza lill-Beatitudnijiet, li ġejjin minn fomm Ġesu’. Il-Missier qed jitkellem permezz t’Ibnu.
Permezz tal-Beatitudnijiet, Ġesu’ qed jistedinna nkunu iktar viċin t’Alla. Irridu nżommuhom quddiem għajnejna. Il-moralita’ nisranija mhix ibbażata biss fuq il-Kmandamenti, imma wkoll fuq il-Beatitudnijiet, li jdaħħlu l-element tal-ħniena fil-Kmandamenti.
Il-Beatitudnijiet (Mattew 5, v 3-12)
“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin huma dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin huma dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitaw lill-profeti li kienu qabilkom.”
Il-Beatitudnijiet huma assikurazzjoni mingħand Ġesu’. Qed jgħidlek li l-Ġenna hija tiegħek. Issa int trid twieġeb għalihom. Jekk tkun viċin t’Alla huma faċli, jekk tkun il-bogħod minnu huma ħafna iktar diffiċli.
Nistgħu niġbru l-Kmandamenti u l-Beatitudnijiet fi frażi waħda: “Ikun dak li trid Int, kemm fis-sema u fl-art.” – ir-rieda t’Alla, li tagħmel dak li hu sewwa u xieraq f’għajnejh. Kristu kien jgħixhom il-Beatitudnijiet. Kull darba li kien jgħid xi ħaġa, l-ewwel li kien jgħixha kien Hu stess. Il-Beatitudnijiet iressquna lejn il-Missier.
Mal-Beatitudnijiet irridu nsemmu wkoll l-Opri tal-Ħniena. Dawk li jmissu l-ġisem huma:
Itma lil min hu bil-ġuħ.
Isqi lil min hu bil-għatx.
Libbes lil min m’għandux ilbies.
Ilqa’ lil min hu bla dar.
Żur lill-morda.
Żur lill-ħabsin.
Idfen lill-mejtin.
Imbagħad hemm dawk li jmissu r-ruħ:
Agħti parir lill-ħosbenin.
Agħallem lil min ma jafx.
Widdeb lill-midinbin.
Farraġ lill-imnikktin.
Aħfer il-ħtijiet.
Ħu paċenzja b’min idejjqek.
Itlob ‘Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.
Il-Beatitudnijiet iġibulna hena u paċi. Ħafna nies imdejjqin għax id-dinja qed tinsa lil Alla – qed tinsa s-sagrifiċċju li għamel l-Iben t’Alla. Ġesu’ kien ċar fi kliemu. Biex tkun kuntent trid tgħix ir-rieda t’Alla. Bil-Beatitudnijiet, Ġesu’ jitfi l-kittieba kollha. Jitkellem b’awtorita’: “Imma Jien ngħidilkom …”
Il-Kmandamenti mhumiex ġejjin mir-raġuni tal-bniedem, imma huma minifestazzjoni tar-rieda t’Alla. Ġesu’ huwa l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Fil-quddies ningħaqdu ma’ Kristu biex nersqu lejn il-Missier.
Kelma waħda għall-Kmandamenti hija Liġi.
Kelma waħda għall-Beatitudnijiet hija mħabba.
“Henjin dawk li huma mnikkta” Min hu l-imnikket? – dak li tant hu viċin t’Alla li x’ħin jagħmel id-dnub jitnikket. Dak li jġib l-affarijiet t’Alla qabel dawk mondjali.
Il-Beatitudnijiet, bħall-Kmandamenti, huma iebsin. Li tkun hieni skond il-loġika t’Alla, mhux tal-bniedem. Ħafna drabi aħna m’aħniex kapaċi nafdaw f’Alla – il-vażun f’idejn il-fuħħari; m’aħniex konvinti li aħna wlied Alla; ma nadurawx lil Alla. Id-differenza bejn bniedem li jemmen u dak li ma jemminx hi kemm jadura lil Alla – li tkun fil-preżenza Tiegħu fl-Ewkaristija – li tieqaf biex Alla jkellmek. Ħafna mistiċi jgħidu li kwarta adorazzjoni tiswa iktar mill-ġid kollu li l-bniedem jista’ jagħmel f’ħajtu. Ġesu’ jgħid ċar: “Min jemmen fija jara lil Missieri”.
Min huma l-foqra fl-ispirtu? Huwa dak li jara d-djufija tiegħu u jħoss il-bżonn li jdur lejn Alla. Dak li mhux fqir fl-ispirtu jsir alla tiegħu nnifsu. Għandna nafdaw f’Alla u bħal Kristu ngħidu: “Missier, f’idejk jien nerħi r-ruħ tiegħi.” Il-fqir fl-ispirtu jiddependi u jafda f’Alla, dak li ma jħaddanx l-affarijiet tad-dinja, dak li ma jagħmilhomx l-għan ewlieni ta’ ħajtu. Huwa dak li jara x-xejn tiegħu u joqgħod għar-rieda t’Alla. Hu dak li jqiegħed lil Alla fiċ-ċentru, jagħraf li Alla hu qaddis u hu midneb. Ġesu’ stess qal: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” Din hija l-umilta’. Il-bniedem waqa’ għax kien supperv. Hekk ukoll ġralu x-xitan. Kristu qal: “Kunu bħali, għax Jien ta’ qalb ħelwa w umli.”
Ħafna jaħsbu li l-ġid tad-dinja jagħmilhom ferħana. Kemm napprezzaw dak li għandna: il-familja, l-ulied etċ..? Kemm inħarsu lejn l-affarijiet pożittivi, imma nħarsu biss lejn ix-xogħol, il-flus, etċ..?
Biex tkun kuntent trid tinsa’ li togħġob lin-nies, jew li tagħti kas ta’ x’jgħidu u jaħsbu fuqek. Wara kollox, Ġesu’ kien perfett, u spiċċaw sallbuh. Trid togħġob lil Alla u tibqa’ għaddej, l-aqwa li tagħmel is-sew.
Aħna lkoll “sinjuri” – min ftit u min ħafna. Niftakru x’qal Ġesu’: “Kull ma tagħmlu mal-iżgħar minn dawn ħuti tagħmluh Miegħi.” Fil-fqar naraw lil Alla. Il-fqir fl-ispirtu ma jesaġerax. Wieħed mill-ikbar dnubiet huwa l-ħela’ – ir-rimi esaġerat tal-ikel. Ma ninsewx li żżejjed tagħna huwa n-nieqes ta’ ħaddieħor. Il-foqra fl-ispirtu m’għandhomx xewqa kbira għall-ġid materjali.
“Henjin ta’ qalbhom ħelwa”. Li tkun ta’ qalb ħelwa tfiesser li tkun ġentili u qalbek tajba. Ma tfissirx li trkun baħnan u tħalli lil kulħadd jgħaddik biż-żmien. Ġesu’ nnifsu waqfilhom meta ppruvaw jgħadduh biż-żmien. Qalb ħelwa tfisser li ma tpattix, ma tivvendikax ruħek, li taħfer.
Għandek kull dritt titkellem għal dak li hu tiegħek. Ħadd m’għandu jkasbarlek dan. Qalb ħelwa ma tfissirx li ma titkellimx. Il-paċi skond Alla hi l-paċi tal-ġustizzja, mhux il-paċi taċ-ċimiterju. Importanti li fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna nagħrfu l-mument eżatt meta għandna nitkellmu.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Ħniena Divina:
“Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ, u d-Divinita’ ta’ Ibnek il-Għażiż Sidna Ġesu’ Kristu bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.
Ġieh il-passjoni ħarxa Tiegħek, ħenn għalina u għad-dinja kollha.
Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha.”