Prayer Cafè: IL-ĦAMES ĦADD TAL-GĦID – IL-PARABBOLA TAD-DIELJA – taħdita mis-sur Joe Huber – 27 t’April, 2018
Il-laqgħa bdiet bil-qari tal-Vanġelu skond San Ġwann: 15 v 1-8 – il-Vanġelu tad-Dielja u l-Friegħi. Meta Ġesu’ jgħid: “Jien id-dielja u intom il-friegħi”, qed jitkellem fuq prinċijpju fundamentali – id-dipendenza tagħna f’Alla.
Id-dnub tal-bniedem hu dejjem wieħed – is-suppervja. Aktar ma bniedem hu konxju mid-dnub tiegħu, akbar hu d-dnub – insult lil Alla. Alla ħalaqna xbieha Tiegħu. Mela jekk jien nagħmel ħsara lili nnifsi jew lil ħaddieħor, jien qed nagħmel insult lil Alla.
Il-bniedem illum donnu sar supperv iktar minn qabel. Qed jieħu f’idejh dak li jidhirlu li għandu jgħix u dak li jidhirlu għandu jmut. Il-morali tgħid li ĦADD m’għandu dritt fuq il-ħajja. U l-maturita’ tagħna ma tfissirx li għandna nkunu arroganti, imma li d-deċiżżjonijiet li nieħdu ikunu konxi li huma mnaqqxin fin-natura stess tal-bniedem li Alla jagħti mal-ħolqien ta’ kull persuna.
Dan id-deni li nagħmlu lilna nfusna jew lil oħrajn ħafna drabi nagħmluh f’isem il-liberta’. Il-liberta’ mhix li tagħmel li trid. Il-liberta’ għandha r-regoli – dak li hu dritt tiegħi jieqaf fil-mument li jien nirfes il-kallu ta’ ħaddieħor. Min qed jippressa jew min jgħaddi ċertu liġijiet ċivili jaf li hemm xi ħaġa li qed tmur kontra n-natura, kontra Alla. Għalhekk għandu bżonn xi ħaġa biex hu jserraħ il-kuxjenza tiegħu billi jkun hemm liġi li tiddefendih – il-liġi ċivili li qed teħodha kontra l-liġi naturali, kontr’Alla.
F’dan il kuntest kollu rridu niftakru li l-ħniena t’Alla hi dejjem ikbar mill-ħtijiet tagħna. Għalhekk, biex ma nsirux zkuk niexfa, għandna bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li lkoll irċevejnieha u kkonfermajnieha.
San Ġwann qed jinsisti li aħna nkunu marbutin mad-dielja. Aħna li aħna għax twelidna f’kuntest partikolari. Allura dak li qatt ma sema’ b’Ġesu’ jew trabba f’ambjent li kien ‘il bogħod minnu, dment li hu qalbu tajba, jien ma nistgħax niġġudika x’ser jiġri minnu. Pero’ jien li twelid f’ambjent ta’ fidi, jekk jien nirrifjuta, il-ħtija tiegħi tkun ikbar. Il-Knisja hi aħna lkoll – ilkoll midinbin. L-iktar importanti hu li tammetti li dnibt, u titlob maħfra.
Dan kollu jidħol fil-kuntest tal-valuri. Għandna valuri pożittivi, u valuri negattivi. Irridu naraw liema valuri l-iktar li qed jiddominaw illum. Salm 63 jgħid:
Isma, o Alla leħen it-tnehid tiegħi;
mill-biża’ tal-għadu ħarisli ħajti.
Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena,
mit-tixwix ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen,
dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom,
jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,
biex mill-moħba jolqtu ‘l min hu bla ħtija,
jotqtuh għal għarrieda, bla biża’ ta’ xejn.
Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom,
jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi,
u jgħidu: “Min se jarana?”
Min irid jgħix ta’ nisrani ma jistgħax ikollu ħajja komda. Ix-xitan jattakka lil min qed jipprova jgħix ħajja tajba. Dawk li jagħmlu l-ħażen jaħsbu li ħadd mhu se jarahom, għax ħsiebhom hu marbut ma’ din id-dinja. Imma l-ġust jifrah fil-Mulej u jistkenn Fih. Din hija l-fidi u t-tama tagħna. Aħna lkoll nistgħu nkunu profeti u missjunarji. Se nsibu min jidħak bina. Irridu nimxu kontra l-kurrent.
F’dan il-Vanġelu Ġesu’ jibqa’ jagħmel enfasi fuq il-fatt li rridu nibqgħu Miegħu, ma ninqatgħux miz-zokk, biex nagħmlu l-frott. Gesu’ lill-appostli qallhom li d-dinja għad tobgħodhom kif bagħdet Lilu qabel. Issa aħna llum, x’qed inħallu l-iktar jinfluwenzana? Ma nistgħux ngħixu ħajja nisranija tas-supermarket – nieħu li jogħġobni u li ma jogħġobniex inħallih hemm. Din mhix ħajja nisranija, imma ħajja ta’ kompromessi.
Kif qal Ġesu’, il-ġenna u l-infern jibdew minn din id-dinja. Jekk qed inbati minħabba l-fidi tiegħi, nista’ nqis li qiegħed l-infern, jew nista’ nqis li jien qed nipprepara ruħi b’mod tajjeb biex imbagħad ingawdi fil-ġenna. Infatti Ġesu’ qiegħed il-ħin kollu jitlob u jinterċedi għalina għax qed jistenna li aħna niltaqgħu Miegħu. Il-ġenna hi l-laqgħa mal-Mulej. Il-mod kif aħna naffrontaw id-diffikultajiet fil-ħajja tagħna jiddetermina hiex infern jew ġenna.
Id-dielja hu Ġesu’, u aħna rridu nibqgħu marbutin magħha. Pero’ kemm aħna konvinti minn dan? Il-konverżjoni tagħna hi li kuljum aħna rridu nagħmlu dak il-pass ċkejken ‘il quddiem illi nkomplu nikkonvinċu ruħna li ħajjitna hi marbuta Miegħu.
Naraw fil-Vanġelu l-konflitt kontinwu bejn Ġesu’ u l-mexxejja tal-Lhud. Dawn ma riedux jaċċettawh għaliex huma poġġew lilhom infushom fiċ-ċentru. Ma riedux jemmnu li Ġesu’ hu ċ-ċentru. Allura qatt m’aċċettawh u spiċċaw biex qatluh. Jekk aħna rridu nkunu magħqudin ma’ Ġesu’, ma nistgħux inpoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru. Irridu nħallu Lilu jkun iċ-ċentru tagħna.
Il-Vanġelu jgħidilna li l-Missier jiżbor, inaddaf. It-tindif isir bil-penitenza, billi niċċaħdu, imma l-iktar bis-sagramenti. Kif qed nersqu lejn il-Qrar? Aħna mmorru f’riġlejn Ġesu’, ngħidulu li dnibna, li ndimna, u nwegħduh li ma nerġawx. Kull darba li nqerru supppost li ħajjitna tagħmel dak il-pass ċkejken il-quddiem li lilna jżommna marbutin maz-zokk biex nagħmlu l-frott. Aħna rridu nisimgħu l-kelma ta’ Ġesu’ u nxandruha bl-eżempju. Il-missjoni tagħna hi li nibqgħu fil-Mulej u Hu fina. Irridu nobdu l-kmandamenti mingħajr kompromessi.
L-ikbar kmandament hu l-imħabba. Din kienet ir-rivoluzzjoni ta’ Ġesu’: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbjetkom Jien”, “aħrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”, “ħobbu li dawk li jobgħodukom.” Jekk irridu nimxu wara Ġesu’ rridu nimtlew bl-imħabba bħal Tiegħu. Jekk ma tħobbx, tinxef u tinħaraq.
Kif inħares lejja nnifsi f’dan il-kuntest? Jien qaddej jew ħabib ta’ Ġesu’? Irrid inkun it-tnejn. Il-ħabib niftaħ qalbi miegħu. Imma rridu wkoll inkunu qaddejja tal-oħrajn għax fihom naraw lil Kristu.
Irridu ngħixu l-Vanġelu billi nisimgħu, naqraw, u nxandru, iktar milli bil-kliem, bl-eżempju.