Prayer Cafè: IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ – il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar, 2019.
IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ – taħdita minn Fr. Joseph Aguis, il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar, 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Skond il-Kalendarju Liturġiku, il-Ħadd 13 ta’ Jannar niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej, li, fit-tradizzjoni tal-liturġija tal-Knisja, hi meqjusa bħala aspett tal-Epifanija. Meta ċċelebrajna l-Epifanija, l-attenzjoni tagħna kienet fuq iż-żjara tal-Maġi. Biss jekk naqraw it-testi liturġiċi, fl-Epifanija il-Knisja tagħmel riferiment espliċitu għaż-żjara tal-Maġi, għall-magħmudija ta’ Ġesu’ u anke għall-miraklu ta’ Ġesu’ f’Kana tal-Galileja.
L-Għasar tal-Epifanija jibda b’innu li fih hemm riferiment għal dawn it-tlett ġrajjiet:
“Ġrew il-Maġi wara l-kewba, fid-dawl tagħha d-dawl ifittxu”
“Il-Ħaruf tas-sema niżel fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu”
“Ħammru l-ġarar kbar tal-ilma li l-qaddejja b’ordni Tiegħu rawh mibdul f’inbid quddiemhom”
Għall-Liturġija tal-Knisja, Ġesu’ jagħmel l-Epifanija Tiegħu – il-manifestazzjoni pubblika Tiegħu – mhux sepliċement dak inhar li marru ifittxuh il-Maġi, imma għamel hekk ukoll fil-Magħmudija, u kompla meta beda l-missjoni pubblika Tiegħu bl-ewwel miraklu fit-tieġ ta’ Kana. L-Epifanija ta’ Kristu hi progressiva.
Hawnhekk inqara’ l-Vanġelu tal-Ħadd – Luqa 3, v 15-16, 21-22.
F’dan ir-rakkont, l-Evanġelista jikkunsidra lil Ġesu’ esklussivament bħala bniedem – ma jikkunsidrax id-divinita’ Tiegħu. Ġesu’ kien bniedem normali bħal kulħadd, u bħal kull bniedem kiber anke fl-għerf Tiegħu. L-Evanġelista jippreżenta lil Ġesu’ li, meta resaq għall-magħmudija Tiegħu, intebaħ li Alla fdalu missjoni. L-inżul tal-Ispirtu s-Santu jfisser li kien ħa jkollu missjoni. Pero’, iktar importanti, hi n-natura tal-missjoni li kellu jwettaq.
Skond il-Vanġelu, id-dikjarazzjoni hi magħmula lil Kristu biex Hu jifhem x’inhi l-missjoni Tiegħu. Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, li kellha warajha awtorita’ divina, Kristu ntebaħ li kellu jaqdi dik il-missjoni li Iżaija kien ħabbar meta tkellem fuq il-Qaddej t’Alla. Kapitlu 53 jippreżenta lill-qaddej t’Alla bħala dak li ser jitgħabba bil-ħażen tal-komunita’ u jagħti ħajtu biex jeħlisha mid-dnubiet tagħha. Din kienet il-missjoni li kellu jaqdi Kristu.
Fil-bidu tal-Vanġelu nsibu li l-poplu kien qed jistenna ħerqan li jiġi restawrat darba għal dejjem ir-rapport tal-poplu m’Alla. Mhux kulħadd kellu l-istess ideja ta’ kif kellu jseħħ dan. Imma kienu jafu li kellu jseħħ bl’intervent t’Alla. Ħafna kienu jemmnu li Alla kien ser jinqeda’ bi bniedem, li nsejħulu l-Messija. Pero’ mhux kulħadd kellu l-istess opinjoni dwar il-missjoni Tiegħu. Meta Ġwanni ħareġ jippriedka, lin-nies ma qalilhomx biss biex jindmu minn dnubiethom, imma għammidhom ukoll. Din il-magħmudija ma kenitx il-magħmudija nisranija. Din ma kenitx istitwita dak inhar tal-magħmudija ta’ Ġesu’ minn Ġwanni, imma dak inhar li qal lill-appostli: “Morru għallmu lill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu”.
Il-magħmudija ta’ Ġwanni ma kenitx taħfer id-dnubiet. Kienet ħasil ritwali. Dawk li kienu qed jistennew li jidħlu f’rapport m’Alla kienu jindmu minn dnubiethom u b’turija ta dan kienu jinħaslu fil-Ġordan. Ġwanni kien jgħammidhom u kienu jittamaw li Alla jaħsilhom spiritwalment u jnaddafhom minn dnubiethom.
L-istqarrija tad-dnubiet fil-magħmudija ta’ Ġwanni m’għandniex inqabbluha mal-istqarrija tad-dnubiet fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. F’dan is-sagrament, kulħadd imur jistqarr id-dnubiet personali tiegħu. Fi żmien Ġwanni, l-istqarrija tad-dnubiet kienet iktar tixbah lil dik li nagħmlu fid-bidu tal-quddiesa: “Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox u lilkom ħuti …” Din hi stqarrija ġenerika li aħna midinbin u nitolbu lil Alla jaħfrilna dnubietna: “Mulej ħniena, Kristu ħniena …” Kienet stqarrija ta’ dan it-tip li kien jagħmel kull minn kien jitgħammed fil-Ġordan, u mhux kif nagħmlu aħna fil-qrar.
Għalhekk m’għandux ikollna problema li naraw li Ġesu’ jħoss il-bżonn li jitgħammed. Ġesu’ tgħammed minħabba li ħass li kien membru ta’ komunita’ midinba, jiġifieri b’solidarjeta’ magħha. Hu ma stqarrx dnubiet Tiegħu, imma dawk tal-komunita’. Ġesu’ ħass li kellu jitlob maħfra għad- dnubiet tal-komunita’.
Waqt il-Magħmudija, Ġesu’ talab. Talab qabel għażel it-Tnax, talab waqt it-Trasfigurazzjoni, talab qabel ma għallem il-Missierna lill-appostli, talab fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Waqt li Ġesu’ kien qed jitlob, niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. Dan ifisser li fil-magħmudija Tiegħu Ġesu’ ġie mogħti missjoni.
F’dan ir-rakkon, l-Evanġelista qed jittratta lil Kristu bħala bniedem li, bil-mod il-mod, qed jagħraf x’ser jgħaddi minnu f’ħajtu. Fir-rakkont Bibliku, kull darba li individwu jinħakem mill-Ispirtu, jiġri hekk għax dan ikollu jaqdi missjoni, bħall-Profeti, l-Imħallfin, is-Slaten – il-qaddejja t’Alla. Hawmhekk Ġesu’ ppreżentat bħala l-qaddej t’Alla mwiegħed minn Iżaija, kap 42: “Araw il-qaddej Tiegħi li Jien inwieżen, il-Maħtur Tiegħi li fih qalbi strieħet. Inti Ibni l-għażiż li fik sibt il-għaxqa Tiegħi”. Il-fatt li l-Ispirtu niżel fuq Ġesu’ jfisser li ħu inħatar minn Alla biex jaqdi missjoni.
Il-Vanġelu jibda l-ewwel nett billi jispjega l-iskop tal-missjoni, u mbagħad kif kellu jaqdiha Ġesu’. L-iskop jidher f’dak li jingħad fuq il-ħamiema. Hawn għandna kwadru letterarju. Fir-referenza għall-ħamiema hemm allużżjoni impliċita għal żewġ rakkonti fit-Testment il-Qadim. Fir-rakkont tal-Ħolqien “l-Ispirtu t’Alla kien jittajjar bħal ħamiema fuq wiċċ l-ilmijiet”. l-Evanġelista jrid jgħid li l-iskop tal-missjoni ta’ Kristu hu li kollox jerġa lura għar-rapport li l-bniedem kellu m’Alla fil-bidu tal-ħolqien. Għal dan l-iskop Ġesu’ ġie maħtur bħala l-ewwel wieħed f’dan il-ħolqien ġdid. Hemm allużżjoni wkoll fir-rakkont tad-dulluvju, li wkoll hu ppreżentat bħala ħolqien ġdid.
Din ir-restawrazzjoni tar-rapport tal-bniedem m’Alla hi l-iskop tal-missjoni ta’ Kristu. Għalhekk l-Evanġelista jinsisti fuq l-Ispirtu li niżel fuqu bħal ħamiema.
Pero’, l-iktar importanti hi d-dikjarazzjoni, għax fiha hemm speċifikament fiex kienet tikkonsisti l-missjoni ta’ Kristu. Meta naqraw li d-dikjarazzjoni ġiet mis-sema, dan ifisser li warajha hemm awtorita’ divina. Id-dikjarazzjoni saret personalment lil Kristu, mhux għal kull min kien hemm prseżenti. Il-kelma “Iben” fid-dikjarazzjoni m’għandniex nifhmuha fis-sens ta’ divinita’. Skond Iżaija, il-kelma “iben” tfisser “qaddej”. Kristu kellu jaqdi l-missjoni tal-qaddej li kien imwiegħed minn Iżaija. Kellu jitgħabba bid-dnubiet tal-komunita’, u biex jeħles lill-komunita’ minn dawk id-dnubiet jagħti ħajtu. “Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna …..u bis-swat Tiegħu sibna l-fejqan”.
Din hi l-missjoni li kellu jwettaq Kristu – li jġib ruħu kif previst fil-profezija ta’ Iżaija – jitgħabba bid-dnubiet tal-komunita’, imut biex jeħlisha minn dnubietha, u b’hekk jiġu restawrat ir-rapport t’Alla mall-komunita’ – dak ir-rappport li kellha fil-bidu tal-ħolqien. Hekk il-magħmudija ta’ Ġesu’ hi tħabbira tal-mewt Tiegħu fuq is-salib. Infatti, meta Ġesu’ tkellem fuq il-mewt Tiegħu, sejħilha “magħmudija” (Lq K12, v50).
San Luqa, fir-rakkonti tiegħu, spiss jagħmel allużżjoni impliċita għall-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Ir-ragħajja tħabbrilhom Salvatur, dawn marru jfittxuh f’Betlem, sabuh f’maxtura mgeżwer fil-faxex – allużżjoni għall-mewt ta’ Ġesu’ li kien imgeżwer fil-faxex u l-liżar. Meta Kristu temm il-missjoni Tiegħu, dawk il-faxex u l-liżar ħalliehom warajh. Jekk aħna rridu nagħrfu s-sens tal-maxtura ta’ Betlem irridu nżommu quddiem għajnejna s-sens tas-salib u l-qabar vojt.
Ir-Reliġjon tagħna mhix reliġjon tas-sentimentaliżmu. Alla bagħat lill-Ibnu fid-dinja biex imut. Din hi l-ideja li niltaqgħu magħha fit-Testment il-Ġdid kollu. Għalhekk, Ġesu’ jgħid “Kollox mitmum” – il-missjoni kien qdieha sal-aħħar. Hi għajta ta’ trijonf, mument ta’ glorja: “meta nkun merfugħ, niġbed lil kulħadd lejja”.
Il-Vanġelu tal-Ħadd jitkellem esklussivament fuq Ġesu’ – Hu l-protagonista. Impliċement hemm riferenza wkoll għall-magħmudija tagħna. Ġwanni jgħid: “Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.
Jekk il-Magħmudija ta’ Ġesu’ ġabet fih bidla, Hu aċċetta. Ħalla l-ħajja privata Tiegħu u beda dik pubblika, fejn kellu jkun il-qaddej t’Alla. Il-Magħmudija tagħna wkoll iġġib bidla. Teħlisna mill-jasar tad-dnub, u tibda fina rapport partikulari m’Alla – insiru ulied addottivi t’Alla. Irridu nimpenjaw ruħna biex noqgħodu għar-rieda t’Alla. Ser ikun hemm mumenti li rridu nagħmlu l-istess sagrifiċċju li għamel Ġesu’ biex qeda’ l-missjoni Tiegħu.
Ġesu’ qatt ma wiegħed lid-dixxipli Tiegħu xi ġenna tal-art: “Min irid jimxi warajja jrid jerfa’ salibu ta’ kuljum”. Se jkun hemm mumenti meta niġu mitlubin nagħmlu l-istess għażla bħal ma għamel Ġesu’. Kultant irridu negħlbu l-istinti tagħna biex nibqgħu fidili għall-wegħdiet li għamilna fil-magħmudija. Irridu nġibu ruħna ta’ qaddejja t’Alla.
Id-dinja tal-lum għandha bżonn ta’ din ix-xhieda. Qed ngħixu f’soċjeta’ sekularizzata – soċjeta’ li tittollera l-Kristjaneżmu imma ħafna drabi ma tantx għandha stima tiegħu. Il-missjoini tagħna hi li nuru li anke f’soċjeta’ sekularizzata il-Kristjaneżmu għandu ċertu valur li jħalli impatt pożittiv anke fuq is-soċjeta’ ċivili.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.