Prayer Cafè: Ir-4 Ħadd matul is-sena – taħdita mis-sinjura Cynthia Pollacco.
Il-laqgħa bdiet bil-qari tal-Vanġelu – Mark 1: 21-28.
Fil-persuna ta’ Ġesu’, Iben Marija, Alla żar il-poplu Tiegħu. Il-preżenza t’Alla kienet tinħass fil-kliem u l-ħajja ta’ Ġesu’. Alla kien preżenti fejn kien hemm Ġesu’. Alla kien preżenti qalb il-folla tan-nies fis-sinagoga, għax Ġesu’ kellu natura divina.
In-nies ta’ Kafarnahum baqgħu mistagħġbin bis-setgħa u l-qawwa li biha Ġesu’ kien jgħallem. Huwa wera ruħu bħala profeta li jħabbar il-kelma t’Alla b’awtorita’ akbar minn dik ta’ Mose’ , u Mose’ kien meqjus bħala l-ewwel u l-ikbar profeta tal-poplu t’Alla.
Ġesu’ kien ikellimhom fuq affarijiet ġodda li ħadd qabel ma kien kellimhom fuqhom, mhux bħall-iskribi li kienu dejjem itambru fuq l-istess affarijiet. Kienu marbutin bit-tradizzjonijiet u l-Liġi.
Ġesu’ kien liberu b’mod li wieħed li jgħix minn u għall-awtorita’ t’Alla jkun ħieles. Għad-dinja, Ġesu’ ma kellu l-ebda poter. Ma kienx xi re b’xi qawwa politika jew militari.
Ma kienx wieħed mill-qassisin il-kbar li kellhom is-setgħa fil-Ġudeja Rumana. Ma kienx lanqas wieħed mill-isbribi, bl-awtorita’ tat-tradizzjonijiet tal-Lhud. L-unika awtorita’ li kellu kienet il-qawwa tal-kunfidenza li dak li kien jgħid u jagħmel kienet ir-rieda u l-verita’ t’Alla.
L-awtorita’ Tiegħu kienet fil-qawwa tal-kliem li kien jgħid u l-eżempju li kien jagħti bl-għemejjel Tiegħu.
L-awtorita’ Tiegħu kienet il-mod li kien jgħix bħala l-qaddej t’Alla. Ġesu’ dejjem fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Ġesu’ kien juża l-awtorita’ Tiegħu biex iġib il-barka, s-saħħa u l-fejqan lin-nies. Hu kellu l-qawwa li jiġbed in-nies lejh. Għan-nies kenet ovvja li kien jaġixxi bil-qawwa t’Alla. Għal dawk li kienu kontrih, pero’, Ġesu’ kien malafami u dagħwi.
X’differenza l-awtorita’ ta’ Ġesu’ minn dik tan-nies li jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra! Jużaw l-awtorita’ fdata lilhom biex ikomplu jikbru u jistagħnew huma. Mhux li kien kull min għandu xi awtorita’ fid-dinja jagħmel bħal Ġesu’! Kieku m’hawnx gwerer, m’hawnx ġlied, u m’hawnx ġuħ.
X’differenza mill-awtorita’ li għandu Ġesu’! L-awtorita’ u l-ministeru ta’ Ġesu’iqawwulna qalbna għal dinja aħjar u sabiex naħdmu ħalli naslu għal din id-dinja.
In-nies li kienet tisma lil Ġesu’ kienet tistagħġeb bil-mod li kien jitkellem. Kien iħalli effett kbir fuqhom.
Aħna niltaqgħu ma’ ħafna nies fil-ħajja tagħna, u nisimgħu ħafna messaġġi u taħdidiet, pero’ ħafna minnhom ma jħallux effet fuqna u ma nagħtux każhom. Pero; imbagħad niltaqgħu ma’ xi ħadd, jew nisimgħu xi kliem li jolqotna. Donnu dak il-kliem ikun hemm bżonn li nisimgħuh u dan iqanqalna biex nagħtu każu u naħsbu fuqu fit-tul. Dan jiġri ħafna drabi meta nisimgħu hwejjeġ li jgħinuna biex nieħdu xi deċiżżjonijiet, jew kliem li jfarraġna u jimliena b’kuraġġ. Aktar mal-kelliem ikun bniedem sinċier aktar inħossu l-bżonn li nieduh bis-serjeta’.
Hekk ġralhom ħafna minn nies li ltaqgħu ma’ Ġesu u semgħuh jitkellem. Intebħu li kien bniedem ġenwin, ma kienx ipokrita – jgħidilhom ħaġa u jagħmel mod ieħor. Ma kienx ilabblab paroli żejda, ma kienx jinħela fuq ħafna dettalji, iżda kien ikellimhom fuq il-ħwejjeġ l-iktar importanti f’ħajjithom.
Ġesu’ ma kienx bniedem li jfittex il-popolarita’ u l-glorja personali Tiegħu. Ma kienx wieħed li jistagħna minn fuq dahar in-nies. Kien bniedem li jgħix u jiprattika dak li jgħallem. Kliemu kien mimli għerf, konvinzjoni u qawwa li ma kellhomx il-kittieba u l-imgħallmin l-oħra.
Dak li Ġesu’ kien jgħid kien iseħħ. Is-Salvazzjoni t’Alla li Hu kien ixandar bdiet taħdem f’dawk li laqgħu l-kelma Tiegħu. Ġesu’ kien jitkellem b’dik il-qawwa kollha għax Alla kien Miegħu. Kien jinħass li għandu xi ħaġa speċjali li tagħmlu differenti minn ħaddieħor. Meta tiltaqa’ ma’ bnedmin li jgħixu kif irid Alla tinduna li dawn ghandhom xi ħaġa speċjali. Ikollhom il-ferħ, minkejja forsi t-tbatija, ikollhom il-paċi u l-qawwa għax dak li jġib Alla fil-ħajja ta’ dawk li jfittxuh.
Ġesu’ għandu l-qawwa li jbiddilna totalment. Kull ma rridu hu li nafdaw Fih. Jekk Ġesu’ kellu s-setgħa jfejjaq wieħed maħkum mix-xjaten, ma jistax lilna wkoll ifejjaqna minn dnubietna? Id-dnub hu l-ikbar għadu tagħna li jagħmlilna ħafna ħsara u jaħkem fuqna, fuq il-biżgħat u d-dubbji tagħna. Iġiegħlna nħossu li l-imħabba t’Alla hi kkundizzjonata minn dak li nagħmlu aħna. Nibdew naqgħu qalbna li Alla daqshekk ħabbna għax aħna m’obdejniehx. L-ikbar dnub hu li taqta’ qalbek mill-ħniena t’Alla. M’hemm l-ebda dnub li Alla ma jistgħax jaħfer.
Ġesu’ juża l-awtorita Tiegħu biex jghinna, mhux ikissirna. Jekk nagħtu d-dubbji, l-biżgħat u l-battalji tagħna lil Ġesu’, is-sitwazzjoni tinbidel, u l-għadu ma jkollu l-ebda qawwa li jagħmel li jrid bina. B’Ġesu’ aħna nkunu qawwija, u Hu jeħlisna minn kull tiġrib.
Meta nħallu lil Ġesu’ jibdilna, Alla jibgħatna nxandru l-kelma Tiegħu lil oħrajn. Fi Ġw 1: 1-4 jgħidilna:
“Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri il-Verb, il-kelma tal-Ħajja, dan sejrin inxandrulkom …..biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”
Aħna, bħal aħwa ta’ Kristu, għandna l-awtorita’ li nxandru l-ħelsien tal-imħabba t’Alla. Issa kif aħna nagħtu każ ta’ dawk li jgħidu l-esperti fuq problemi materjali, kemm aktar għandna nagħtu każ ta’ x’jgħid Gesu’ fuq ħwejjeġ li jibqgħu għal dejjem!
F’dan il-Vanġelu, Ġesu’ jkompli juri l-awtorita’ Tiegħu. Ix-xitan qallu: “Jien naf min int, il-Qaddis t’Alla.” Anke x-xjaten jafu min hu Ġesu’. Ġesu’ jikkmanda lill-ispirtu biex jiskot u joħroġ minn ġor-raġel, u dan joħroġ b’għajjat u tisbit.
Insibu lil Ġesu’ juri l-awtorita Tiegħu wkoll fil-maltempata fuq il-baħar, meta sikket ir-riħ u l-mewġ. Ir-reazzjoni ta’ dawk in-nies li raw l-eżorċiżmu u l-appostli fuq id-dgħajsa kien l-istess: “Dan min hu biex għandu s-setgħa jagħmel dan?” Dawn iż-żewġ ġrajjiet juruna li Ġesu’ għandu l-qawwa fuq in-natura u fuq il-preternatural (id-demonju)
Fi żmien Ġesu’, meta xi ħadd kien ikun meqjus iddemonjat, l-eżorċisti, kemm Lhud kif ukoll pagani, kien jużaw il-maġija biex iġiegħlu lix-xitan jitlaq. Pero’ Ġesu’ kien differenti. Ġesu’ ordna lix-xitan jitlaq u dan telaq. In-nies qatt ma kienu raw ħwejjeġ bħal dawn, xi ħadd li kellu tant awtorita’ li anke x-xjaten kienu jobduh..
Ġesu’ l-Iben t’Alla għandu kull awtorita’ fid-dinja u fl-univers. Għalhekk aħna, fil-problemi u t-tbatijiet li nkunu għaddejin minnhom, għandna nsejħu lil Ġesu’ għaliex Hu għandu l-qawwa fuq kollox u fuq kulħadd.
Għalhekk naħsbu daqsejn….fiex nixtiequ li nkunu mfejqa?:
Il-kliem ta’ Ġesu’ jolqotna b’dik il-qawwa li biha laqat in-nies ta’ Kafarnahum, jew qiegħed jintilef fost il-ħafna ilħna oħra li nisimgħu?
Ta’ min hu l-kliem li tiegħu aħna llum l-aktar li qed nagħtu każ?
Bħala nsara aħna wkoll imsejħa biex bi kliemna u b’għemilna nuru l-imħabba t’Alla lill-oħrajn. Il-kelma tagħna hija bħal dik ta’ Kristu jew bħal dik tal-kittieba u l-Fariżej?