Prayer Cafè: IT-TMIEN ĦADD TA’ MATUL IS-SENA – taħdita mis-sur Charles Briffa, il-Ġimgħa 1 ta’ Marzu 2019.
IT-TMIEN ĦADD TA’ MATUL IS-SENA – taħdita mis-sur Charles Briffa, il-Ġimgħa 1 ta’ Marzu 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara nqara l-Vanġelu tal-Ħadd.
Dan hu l-aħħar Ħadd ta’ qabel ir-Randan. Hu Vanġelu sempliċi. Fih Ġesu’ ndirizza diversi nies. Semma s-siġar. Il-bdiewa u n-nies komuni setgħu jifhmuh. Semma l-għami jmexxi l-għami. Kien qed jolqot lil dawk li kienu iktar intellettwali – dawk li kienu jaħsbu li setgħu jmexxu lill-oħrajn. Semma t-travu – minn dejjem kien hemm min isib id-difetti f’ħaddieħor u ma jarax tiegħu! Dan il-kliem, lil Ġesu’, ma tantx għamlu maħbub. Spiċċaw biex sallbuh.
Illum għandna għażla – bejn dan ir-Re mislub, u r-Re tal-Karnival. Ħafna qed jagħżlu dan tal-aħħar. Għaliex? L-ewwel wieħed hu bniedem imbiċċer, li jġiblek ħniena. Spiċċa biex warrbuh minħabba kliemu u sallbuh. Għażlu lil Barabba.
Ir-re l-ġdid li qed nagħżlu llum jidher sabiħ minn barra , dejjem jitbissem, imdawwar b’żgħażagħ jiżfnu. M’hemmx sinjal ta’ problemi. Pero’ hu mmexxi minn ġewwa – re immanipulat, imma jiġbed ħafna nies.
X’inhi l-problema? Ma nikkritikawx lin-nies tal-lum. F’dan il- Vanġelu, Ġesu’ qed jagħmel kritika ċara u diretta lin-nies ta’ madwaru. U min fehmu waħħlu ma’ salib. L-għami li qed jirreferi għalih Ġesu’ hu dak li jaf li hu fil-ħażin u jrid ikarkar lil ta’ miegħu. Nies li jippriedaw ħafna, imma meta’ jiġu għall-fatti, ma ssib xejn.
It-tieni punt hu “it-travu”. Inwaħħlu f’dak u l-ieħor. Jien qed naghti xhieda tajba billi nressaq lil dak li jkun lejn il-Knisja? Waħda mill-aqwa priedki hi l-ħajja tagħna barra mill-bini tal-knisja. Faċli nilbsu l-maskra ta’ wieħed tajjeb, imma l-veru prova hi meta neħlu mas-salib, meta nispiċċaw bejn sema u art.
“Alla Tiegħi, Alla Tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Wasal biex qal hekk Ġesu’, aħseb u ara aħna! Pero’ nafu f’qal wara: “Missier, f-idejk nintelaq”. Fil-mument tal-prova jista’ jonqosna l-kuraġġ, pero’ niftakru fl-aħħar kelma li ħarġet minn fomm Ġesu’.
Ġesu’ kien qed jindirizza nies sempliċi, għalhekk uża l-eżempju tas-siġra. Hu Vanġelu ħafif biex tifhmu, imma tqil biex twettqu, għax idaħħlek fil-prova, għax trid tipprattikah. Biex nagħżlu lil Ġesu’ u mhux lir-re tal-Karnival irridu nagħmlu att ta’ umilta’: “Indmu u emmnu fil-Kelma t’Alla” – “Trab kont u trab terġa’ ssir”.
Din ir-realta’ għandha tqanqalna biex dan ir-Randan ikun żmien li jerġa’ jtina l-enerġija biex nikkummbattu dan il-materjaliżmu tal-lum. Irridu noqgħodu attenti li ma nitkaxkrux. Faċli jiġri dan, għax id-dinja twegħdna ħafna affarijiet. Noqogħdu attenti li ma niġrux wara r-re tal-Karnival. Faċli jiġri dan, għax kulħadd iħobb ikun daqsxejn komdu. Irridu nkunu nsara konvinti.
Kif ħa nġib ruħi quddiem sitwazzjonijjiet kruċjali? Hawn irid ikollna l-fidi. Finalment, dawn huma l-prinċipji ta’ Ġesu’. Kien hemm min m’għoġbux kliemu, u telqu.
F’dan ir-Randan ix-xhieda tagħna hemm barra hi aktar importanti minn ħafna kliem. Azzjoni tajba tagħmel ħafna iktar ġid. Irridu nġibu ruħna ta’ veru nsara.
Rigward is-sawm fir-Randan, il-Knisja ttina l-veru minimu. Iktar minn dan, irridu niftakru li r-Randan hu żmien ta’ preparazjoni, biex nifhmu l-imħabba kbira li għandu Ġesu’. Mill-kliem Hu għadda għall-fatti. Ġesu’ seta’ jeħles mit-tislib. Fil-Ġetsemani, l-ikbat tentazzjoni tax-xitan kienet: “Inti għal dawn ser tbati?”.
Ir-randan hu żmien ta’ tħejjija għall-ikbar festa, meta Ġesu’ għamel l-ikbar att ta’ mħabba għalina. Irridu nkunu nsara ta’ fidi, u ma naqtgħux qalbna quddiem l-isfidi tal-lum. Ma nippuntawx subajna, ma npaċpux fil-vojt. Irridu niggranfaw mas-salib. Il-mistoqsija: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” irridu nwieġbuha bil-kliem: “Mulej, f’idejk nerħi ruħi”.
Ir-Randan hu żmien ta’ ġabra, ta’ riflessjonijiet, ta’ riżoluzzjonijjiet. Irridu noqgħodu attenti li nnrażżnu lsienna, li ma niskandalizzawx irwieħna, li ma ngergrux, li ma jimpurtaniex x’jagħmel ħaddieħor, imma npoġġu ruħna quddiem is-salib.
Il-Madonna, fid-dehriet tagħha, insistiet ħafna fuq li ngħidu r-Rużarju tajjeb. L-Evanġelizzazzjoni trid tiba miċ-ċirku tal-familjari tagħna, il-ħbieb, fuq ix-xogħol. Ma niġġudkaw lil ħadd li ma jridx jaf b’Alla. Ma ninsewx li Patri Piju bena’ l-isptar tiegħu, fost ħafna affarijiet oħra, bl-għajnuna ta’ tabib ħabib tiegħu li ma kienx jemmen f’Alla. Niftakru x’qallu Patri Piju: “Inti ma temminx f’Alla, imma Alla jemmen fik”.
Dan ir-Randan irid ikun differenti. Ma nħalluħx jgħaddi bla ma jħalli effett. Ma nibżgħux mis-sagrifiċċji. Nużaw l-azzjonijiet tagħna bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni. Is-sawm huwa “training” għall-mumenti iebsin, bħal ma jagħmlu l-atleti. Hu dixxiplina fuqna nfusna. Jekk ma jkollniex dixxiplina fuqna nfusna, ma nistgħux ngħadduha lill-oħrajn. Anke Ġesu’ sam. U x-xitan ittantah. Ma kenitx faċli, lanqas għal Ġesu’. Is-sawm mhux mill-ikel biss: tgħaddi ftit ħin quddiem Ġesu’ Sagramentat, tattendi għall-eżerċizzi.
F’dinja ta’ sfidi rridu nagħmlu Randan qaddis.
Il-laqgħa ntemmet bit-Talba tal-Missierna.