Prayer Cafè: L-IMĦABBA – taħdita mis-sur Joe Huber – il-Ġimgħa 27 t’Ottubru.
IT-TLETIN ĦADD TA’ MATUL IS-SENA – taħdita mis-sur Joe Huber – il-Ġimgħa 27 t’Ottubru.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment u l-Manifikat. Imbagħad inqara l-Vanġelu tal-Ħadd – Mattew 22, v 34-40 – liema hu l-ikbar kmandament?
Il-Papa Franġisku jgħid li jekk irridu l-għaqda bejn il-knejjes, inutli noqogħdu nistennew it-teoloġi jaqblu bejniethom, għax tispiċċa d-dinja u nkunu għadna ma wasalniex. Fi żmien Ġesu’, l-istorja ma kenitx differenti. L-istess Lhud bejniethom kellhom ħafna diskussjonijiet u nuqqas ta’ qbil. Biżżejjed ngħidu li waqt li l-Fariżej kienu jemmnu f’ħajj’oħra, is-Saduċej ma kenux. U l-Vanġelu tal-Ħadd jibda minn dan il-punt. Is-silta li hemm qabel dan il-Vanġelu hija diskussjoni bejn Ġesu’ u s-Saduċej rigward il-mara li tormol u tiżżewweġ seba’ darbiet, mart min tkun fil-ħajja ta’ wara. Ġesu’ saddilhom ħalqhom: “Fil-ħajja l-oħra la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu”.
Il-piki ma jonqsu qatt – issa jmis lill-Fariżej biex jippruvaw jonsbu lil Ġesu’. Rajna fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda l-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxa lil Ċesari. Issa jridu jagħmlulu mistoqsija oħra: “Liema hu l-ikbar kmandament?”
Din kienet diskussjoni taħraq bejniethom. Huma kellhom 613-il regola: 248 x’għandek tagħmel u 365 x’mgħandekx tagħmel. Immaġinaw il-poplu bilfors irid jiftakar dawn l-irqaqat! Kienu konvinti li jekk josservaw dawn ir-regoli bir-reqqa kienu se jsalvaw.
It-tweġiba jagħtihilna Ġesu’. Aħna ma nistgħux insalvaw lilna nfusna. Il-bniedem isalva biss bil-grazzja t’Alla – bil-ħniena u l-mogħdrija t’Alla. Għalhekk Alla bagħtilna lil Ibnu biex isalvana bil-mewt u l-qawmien Tiegħu.
Għall-Fariżej, il-kmandamenti kollha kienu tal-istess valur, imma Ġesu’ wriehom li hemm kmandament wieħed – l-imħabba – ħobb lil Alla tiegħek u ħobb lill-proxxmu tiegħek. Jekk inħarsu dawn sew, il-bqija jiġi waħdu. Fit-test tal-Vanġelu hemm żewġ kelmiet importanti: kollha u kollu – imħabba totali.
Aħna lkoll t’Alla. Aħna ċittadini tas-sema pajjiżna. Kull m’aħna u kull m’għandna ġej minn Alla. Iżda nafu li l-progress tela’ għal rasna. Naħsbu li nistgħu ngħixu mingħajr Alla. Meta twieldet il-modernita’, il-foqra ma baqgħux jidhru bħala Kristu, imma bħala oġġetti ta’ karita’. Illum is-soċjeta u l-imħabba għamilnihom kummerċ. Sirna nemmnu li Alla ddgħajjef, allura dak il-vojt li qed inħossu mingħajru rridu nimlewh malajr kemm jista’ jkun. Kien hemm ateju li qal: “Jien ma kontx nemmen f’Alla, sakemm sibt li Alla kont jien”.
B’dawn l-atteġġjamenti ma nistgħux inħobbu kif għallimna Ġesu’. Ġesu’ laħaq il-milja tal-imħabba meta ssallab għalina. Din hi propju il-Liġi l-Ġdida li ġab Ġesu’ – il-perfezzjoni tal-Liġi. Fil-Liġi ta’ Mose’, it-tpattija kienet iġġustifikata. Imma Ġesu’ qalilna li t-tpattija hi dejjem ħażina. Hi l-imħabba li tagħti sens lill-Liġi.
Ninnutaw il-mod kif il-Fariżew indirizza lil Ġesu’ – “Mgħallem”. Indirizzah b’mod sarkastiku. Huma studjaw il-Liġi, imma Ġesu’ għalihom kien biss bin mastrudaxxa. Kienu qegħdin jippruvaw jonsbuh. Dan is-sens ta’ superjorita’ fih innifsu diġa’ qed jonqos mill-imħabba.
L-imħabba hi l-iktar kelma wżata u abbużata. L-imħabba ma tfissirx biss tqanqil sentimentali. Tista’ tfisser rispett, kumpassjoni, simpatija, ħniena, mogħdrija, għożża … L-imħabba t’Alla ssir konkreta meta aħna nħobbu lill-proxxmu. Dan qed nagħmluh? Jew lill-proxxmu tagħna qed naqsmuh f’kategoriji differenti, skond il-kulur tal-ġilda, reliġjon, etċ. L-imħabba fuq kollox tfisser fiduċja – fija nnifsi u f’min qed inħobb. Imma llum sirna kkonċentrati wisq fuqna nfusna – kulħadd bl-aġenda tiegħu u ma jimpurtahx mill-bqija. Allura qed inħabbtu wiċċna mall-problema tat-tradimenti. Jekk jien inħobb tassew, nasal biex inkun Ġuda? Jien kif inħobb? Nara lil Alla f’kull bniedem – hu min hu? Inħobb skond is-sitwazzjoni? Inhobb biex nieħu xi ħaġa lura?
Illum il-kapriċċi qed jissejħu drittijiet. Jekk isiru liġijiet li jkissru l-familja, allura bilfors if-faqar jiżdied. Kemm qed inħobb lil min jagħmilli l-ħsara? Iebsa, imma din hi proprju il-Liġi l-Ġdida – il-perfezzjoni li ġabilna Ġesu’. Irrid nibda minni nnifsi, nagħmel eżami tal-kuxjenza. Kieku kelli nidher issa quddiem il-Mulej, kif se niġġustifika lili nnifsi?
Jekk irrid nifhem kif inħobb verament, għandi qabel kollox nidħol fil-misteru tal-imħabba t’Alla – l-imħabba li għandu għalija personalment. Allura jekk nifhem dan, imbagħad ikun faċli li nistqarr din l-imħabba bil-mod kif jien nittratta mall-proxxmu.
L-imħabba hi sinċiera. Għalhekk l-ikbar għadu tal-imħabba hu sseksik u tqassis. L-imħabba tfisser li aħna bħala nsara nagħmlu ħilitna biex nibnu s-saltna t’Alla minn din l-art. Irrid inħobb lill-proxxmu bħali nnifsi. Irrid insib ħin għalih. Fuq is-salib Ġesu’ tant ħabbna li tneżża minn kollox għalina.
ĦOBB SAKEMM TWEĠĠA’