Priedki

TAFUNI? – Il-21 Ħadd matul is-sena – Sena A – 27 t’Awwissu 2023

August 20, 2023

Il-21 Ħadd Matul is-Sena

TAFUNI?

Isaija 22:19-23; Salm 137; Rumani 11,33-38;  Mattew 16: 13-20

Il-Vanġelu

Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa  lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom.  U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.”  U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex.  Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”  Mbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija

Il-Ħsieb

Imma intom min tgħidu li jien?
Aħna Nsara.  Hekk għallmuna ngħidu.  U hekk ngħidu.  Iżda kif qegħdin ngħixu?  Kemm tassew taf xi tfisser NISRANI, KRISTJAN TA’ KRISTU?  Kristu llum jistaqsi mistoqsija sempliċi, personali, diretta lejn il-qalb tiegħek.  Imma inti min tgħid li jien?  Iva, inti li qed taqra dan il-ħsieb, min huwa Kristu għalik?  Ir-risposta Ġesù ma jridhiex biss bil-kliem iżda bil-ġrajjiet ta’ ħajjitna, għax l-istorja tas-Salvazzjoni mhix biss kitba iżda wkoll sensiela ta’ ġrajjiet.

Hija domanda li Ġesù jagħmel lill-Appostli, iżda li jagħmel lili u lilek ta’ spiss għax hija domanda li r-risposta tagħha hija kontinwament eżami tal-kuxjenza.  Ir-risposta ma tistax tkun biss bil-kliem, akkademika, filosofika, iżda sempliċi, mill-fraġilità tal-ħajja tagħna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, għandna li waqt is-saltna tar-Re Eżekjel, tkeċċa Sebna li kien jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan u minflok jingħata l-imfietaħ tal-palazz Elijakin.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 137 huwa innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej għax it-tjieba tiegħu tibqa’ għal dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, għandna lil San Pawl li juri li minkejja d-dnubiet, Alla jibqa’ jfittex toroq ta’ salvazzjoni għall-bniedem u għalhekk San Pawl jinseġ innu ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna lil Ġesù jistaqsi lill-Appostli n-nies min jgħidu li Hu u wara jagħti s-setgħa lil Pietru li jmexxi l-Knisja.

Il-Ħajja

1.  Min tgħid li huwa Ġesù għalik?

2.  Kemm tħossok li inti ta’ ġewwa ma’ Ġesù?

3.  Kristu jafda t-tmexxija tal-Knisja fuq il-fraġilità ta’ Pietru. Kuraġġ, huma x’inhuma d-diffikultajiet u d-difetti tiegħek, Kristu wkoll se jaħdem permezz tiegħek.

4.  Dan huwa l-Ħadd tal-kuraġġ u ta’ l-impenn.  X’se tagħmel għal Ġesù bil-ħajja tiegħek?

Id-Djalogu

Mulej, għinni nifhmek

u ngħixek aktar f’ħajti.

read more

IL-FIDI TIEGĦEK… KBIRA? – 20 Ħadd matul is-sena A – 20 t’Awwissu 2023

August 14, 2023

L-20 Ħadd Matul is-Sena

IL-FIDI TIEGĦEK… KBIRA?

Isaija 56, 1, 6-7; Salm 66; Rumani 11,13-15, 29-32; Mattew 15: 21-28

Il-Vanġelu

Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!” Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.” Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.” Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!” Hu weġibha: “M’hux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” “Hekk hu, Mulej,” qaltlu, “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom?”  Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

 

Il-Ħsieb

Għinni, Mulej!
Min jaf il-fidi tagħna f’liema livell tinsab?  Min jaf wara kollox minkejja li niddikjaraw li aħna nemmnu għadx għandna fina l-fidi?  Kemm tassew aħna nemmnu u nwasslu t-twemmin tagħna fir-realtà ta’ kuljum?  Dehret ħaġa stramba għad-dixxipli li mara Kangħanija tiġri wara Ġesù tgħajjat biex ifejqilha lil bintha mix-xitan.  Kemm ħafna drabi nagħmlu l-istess bħall-Appostli aħna wkoll.  Niġġudikaw u nkunu rridu neħilsu mill-proxxmu tagħna li jkun qed ifittex lilna għal kelma ta’ faraġ, għal kelma ta’ qsim il-qalb li jrid jaqsamha magħna.  Kemm-il darba niġġudikaw lin-nies fitti proprju minħabba l-insistenza tagħhom!

Il-mara Kangħanija hija ta eżempju għalina lkoll.  Baqgħet tinsisti għall-fejqan ta’ bintha mhux biss għall-imħabba li l-omm għandha lejn bintha iżda minħabba l-fidi kbira tagħha f’Ġesù.  U Ġesù faħħar il-fidi tagħha.

Il-Kelma

Meta l-Lhud irritornaw mill-eżilju tal-Babilonja u t-Tempju reġa sar iċ-ċentru tal-ħajja tan-nazzjon, kien hemm xi wħud li bdew jinsistu li l-barranin ma kellhomx dritt jipparteċipaw fil-ħajja tat-tempju.  Is-silta tal-lum teħodna proprju kontra dawn u tgħid li l-barranin għandhom ukoll id-drit li jkunu membri tal-poplu t’Alla.  Ma’ din is-silta mill-Ktieb ta’ Isaija, li nsibu fl-ewwel qari, imur ukoll is-Salm 66 li jingħad fis-Salm Responsorjali fejn naraw li huma l-popli KOLLHA li jfaħħru lil Alla.

San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, itenni li s-salvazzjoni tal-Pagani għandha twassal għas-salvazzjoni ta’ Israel.  Fil-Vanġelu, Ġesù jfejjaq lil bint il-mara Kangħanija, maħkuma mix-xitan.  Kristu jfaħħar il-fidi tagħha.

Il-Ħajja

1.  Kemm tkellem lil Alla b’insistenza fit-talb tiegħek?

2.  Kemm tassew tgħix ħajtek ibbażata fuq il-fidi tiegħek fi Kristu?

3.  Kemm inti qed tagħraf li f’kull azzjoni tal-ħajja tiegħek hemm bżonn l-intervent ta’ Ġesù.

Id-Djalogu

Għinni, Mulej, kull ħin.

 

read more

AGĦMLU L-QALB – Id-19-il Ħadd matul is-sena A – 13 t’Awwissu 2023

August 7, 2023

Id-19-il Ħadd Matul is-Sena

IT-TEMPESTA: AGĦMLU L-QALB!

Slaten 19:9A.11-13; Salm 94; Rumani 9:1-5; Mattew 14: 22-33

 Il-Vanġelu

U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa kienet diġà f’nofs  il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.  Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” “Ejja,” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej !” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu,”għaliex iddubitajt?” Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”

Il-Ħsieb

Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!
     Kemm-il darba konna f’tempesta?  Forsi mhux kulħadd qatt inqabad f’tempesta tal-baħar, iżda f’tempesta fil-ħajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna żgur li xi darba jew oħra għaddejna minnha.  Illum ftakar f’xi tempesta li għaddejt minnha.  Ara ftit x’kienu r-reazzjonijiet li kellek f’din it-tempesta.  Kemm għidt f’qalbek li Alla ħalliek jew, għall-kuntrarju, kemm iktar tlabt bil-qalb quddiem xi problema li tidher muntanja quddiemek.  Il-Mulej jurina llum li jekk inkunu nies ta’ talb, inkunu nies  ukoll ta’ fidi kbira.  Wara li talab mar magħhom fid-dgħajsa.  Meta qamet it-tempesta, minkejja li kellhom il-Mulej magħhom, l-Appostli ddubitaw, qabadhom il-biża’.  Aħna wkoll, minkejja li l-Mulej magħna, jaqbadna l-biża’ kull darba li naħsbu li l-Mulej insiena.  U hawn toħroġ fil-beraħ l-isfiduċja li ħafna drabi jkollna fina nfusna u anki f’Alla.  M’AĦNIEX NIES TA’ FIDI.

 
Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, għandna lill-profeta Elija jaħrab mir-reġina Ġeżabel li kienet qed tfittxu biex toqtlu.  Imur fuq il-muntanja Horeb fejn Alla juri ruħu f’żiffa ħelwa.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 84 għandna għajta lill-Mulej biex juri ruħu lilna lkoll.  Fit-Tieni Qari tal-lum għandna silta fejn naraw kemm San Pawl kien iħobb lin-nies ta’ ġensu u kemm tassew xtaq li dawn isalvaw.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna r-rakkont tat-tempesta u l-mod kif Ġesù waqqaf u kkalma l-baħar u l-irjiħat.  Iċanfar lid-dixxipli li huma nies ta’ fidi ċkejkna.

 

Il-Ħajja
  1. Kliem li għadu jidwi għalija u għalik sa llum:  “BNIEDEM TA’ FIDI ŻGĦIRA, GĦALIEX IDDUBITAJT”?
  2. Kemm tassew aħna konvinti mill-kliem li jgħidilna Ġesù llum:  AGĦMLU L-QALB JIENA HU.  TIBŻGĦU XEJN? Għaliex nibqgħu nies ulied il-biża?
  3. Il-Mulej iridna nuru li aħna dixxipli tiegħu billi nkunu wlied id-dawl f’dinja mgħarrqa fid-disperazzjoni.
  4. Infittxu lill-Mulej fis-sempliċita mhux f’affarijiet ikkumplikati.  Il-Mulej deher lil Elija f’żiffa ħelwa. Nitgħallmu nkunu qrib tiegħu fis-silenzju u s-sempliċità.

 

Id-Djalogu

Mulej, agħmel li jkolli l-kuraġġ

negħleb it-tempesti ta’ ħajti permezz tiegħek.

 

read more

TĦASSARHOM – It-18-il Ħadd matul is-sena A – 6 ta’ Awwissu 2023

July 30, 2023

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

TĦASSARHOM

Isaija 35:1-3;  Salm 144; Rumani 8:35-39; Mattew 14: 13-21

Il-Ħsieb

Ġesù jitma’ ħamest elef ruħ

Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.”  U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”. “Ġibuhomli hawn,” qalilhom. Mbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies.  U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa.  U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra  n-nisa u t-tfal.

 

Il-Ħsieb

agħtuhom intom x'jieklu
Il-Mulej Ġesu jieħu interess personali fil-kundizzjoni umana ta’ kull wieħed u waħda minna.  Il-Mulej jinteressah kollox.  Tinteressah il-ħajja kollha tal-bniedem u għalhekk tinteressah ukoll il-ħajja materjali ta’ kull wieħed u waħda minna wkoll.  Huwa għalhekk li l-messaġġ prinċipali tal-lum huwa li l-Mulej irid jitmagħna kontinwament, għax jaf li ħafna drabi nkunu bil-ġuħ u bil-għatx.  Jaf li d-dgħufija tagħna lkoll tagħmilna għatxana għalih.  Għal dan il-għan jixtieq li jagħtina ikel bl-abbundanza.  U propju hi din l-abbundanza li ħafna drabi ma nindunawx biha.  Ħafna drabi ma nindunawx li l-Mulej qiegħed jieħu interess fina personalment u jagħraf il-ħtiġijiet tagħna.  Imma l-Mulej huwa wkoll Mulej li jiddjaloga u għalhekk jixtieq jisma’ l-krib u t-talbiet tagħna. U kulħadd kiel u xaba’.  Din hi d-differenza bejn kif naħsbuha aħna u kif jaħsibha l-Mulej.  Aħna miegħu nkejlu kollox… quddies bil-ħin, qisna qed nagħmlu xi pjaċir lilu, u Hu magħna jagħtina bix-xaba’.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija fejn il-profeta qed jagħmel kuraġġ lil dawk li jinsabu fl-eżilju ta’ Babilonja.  Il-profeta Isaija jgħidilna li Alla minn rajh irid jagħmel patt.  Is-Salm Responsorjali tal-lum huwa meħud minn Salm 144 fejn għandna lis-Salmista jtenni li l-Mulej se jtaffi x-xewqat tagħna.  It-Tieni Qari hija silta ta’ San Pawl lir-Rumani fejn insibu li bis-saħħa ta’ l-imħabba li Alla sawwab fi qlubna nistgħu nirbħu kull tfixkil.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-figura ta’ Kristu bħala l-Messija mwiegħed li jqassam b’xejn ikel lill-foqra.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej jimxi magħna bl-abbundanza.  Huwa l-egoiżmu tal-bniedem għib li jġib il-faqar u l-inġustizzji anki materjali fid-dinja.
  2. Kemm qed nimpenjqa ruħi f’attivitajiet favur il-fqar u l-emarġinati?
  3. Kif nista’ nimxi mal-Mulej bl-abbundanza li jimxi lejna Hu?
  4. Il-Mulej tana ikel bix-xaba’ fl-Ewkaristija.  Kemm qegħdin nersqu lejh?
Id-Djalogu

Mulej, agħmel li fil-ħajja tiegħi ma nkunx egoist.

u li nersaq dejjem lejk

biex tagħtini s-saħħa ngħix aktar ta’ nisrani fis-soċjetà.

read more

IS-SALTNA TAS-SMEWWIET: TEŻOR U ĠAWHRA – 17-il Ħadd matul is-sena A – 30 ta’ Lulju 2023

July 26, 2023

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

IS-SALTNA TAS-SMEWWIET: TEŻOR U ĠAWHRA

Slaten 3, 5-6, 7-12; Salm 118; Rumani 8, 28-30; Mattew 13: 44-52

Il-Vanġelu

Il-parabbola tat-teżor moħbi 

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.”

Il-parabbola tal-ġawhra

“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.”

Il-parabbola tax-xibka

“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox.  Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti,  u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Il-qadim u l-ġdid

“Kollu fhimtuh dan?” “Iva” qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”

Il-Ħsieb

     It-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra prezzjuża li ntilfet ipoġġuna llum il-Ħadd fil-pożizzjoni ta’ tfittxija.  Tfittxija. Tfittxija għax-Saltna ta’ Alla.  Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ma nieqfu qatt nagħmlu din it-tfittxija.  Għaliex?  Għaliex ħafna drabi aħna, aljenati minn dak kollu li jdur madwarna,  NITILFU L-AKTAR ĦAĠA ESSENZJALI.  Din hija li nsegwu r-rieda tal-Mulej.  Kemm-il darba mmorru l-knisja u ma nindunawx bil-ġawhra prezzjuża tal-Kelma ta’ Alla u l-qawwa li tagħtina l-Ewkaristija?  Kemm-il darba għażilna dak kollu li hu materjali u ma ndunajniex li l-għażla tagħna, it-teżor tagħna, hi xi ħaġa li ma tispiċċax?  Kemm tassew f’ħajjitna qed nitolbu bħalma talab Salamun fl-Ewwel Qari tal-lum, fejn għamel rifjut ta’ l-affarijiet materjali u talab lill-Mulej jagħtih l-għaqal, il-għerf u d-dehen?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, għandna r-rakkont ta’ l-ewwel mumenti ta’ tmexxija tas-Sultan żagħżugħ Salamun, li bħala s-Sultan tal-Lhud jitlob lill-Mulej li jagħmel tmexxija sewwa tal-poplu Lhudi.  Is-Salm 119 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa għajta tas-Salmista li, bħal Salamun, jitlob li jkun jaf sewwa l-liġi tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, San Pawl irid jiżgura lill-Insara li huma msejħin għall-ħajja ta’ dejjem.  Lil dawk li sa mill-bidu għarafhom, Alla ried li jkunu jixbħu lil Ibnu Ġesù.  Fil-Vanġelu tal-lum ta’ San Mattew għandna żewġ parabboli fuq is-Saltna ta’ Alla.  Ġesù joħroġ fil-beraħ li għan-nisrani s-Saltna ta’ Alla għandha tkun l-akbar teżor.

Il-Ħajja
  1. Nafu x’inhi s-Saltna ta’ Alla?  Hija importanti għalina b’mod personali?
  2. Kemm tassew qed naħdmu għal din is-Saltna u f’din is-Saltna ta’ Alla?
  3. Salamun fl-Ewwel Qari talab lill-Mulej jagħtih id-dehen. Qatt tlabna aħna lill-Mulej jagħtina d-dehen għal dak kollu li għandna bżonn fid-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum?
  4. Kemm tassew qed nużaw dan id-dehen biex nifhmu aktar il-Kelma ta’ Alla u ngħixuha kuljum fil-qadi tad-dmirijiet tagħna?
Id-Djalogu

     O Mulej

     nitolbok li matul il-ħajja tiegħi, minkejja d-difetti,

     nifhem tassew xi trid minni

     fil-ħidma għas-Saltna tiegħek.

read more

ARA, ALLA L-GĦAJNUNA TIEGĦI –16-il Ħadd matul is-sena A – 23 ta’ Lulju 2020

July 20, 2023
Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

ARA, ALLA L-GĦAJNUNA TIEGĦI

Għerf 12,13, 16-19; Salm 85; Rumani 8, 26-27; Mattew 13, 24-43
 Il-Vanġelu

 Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’ Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja. ‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien  sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu  l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’ “

 Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha.”

 Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”

 Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

                            ‘Niftaħ fommi bil-parabboli,

                            nitkellem fuq ħwejjeġ

                            moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.’

 Mbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.” U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem.  L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-ħażin, u  l-għadu   li żeragħha huwa x-xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u  l-ħassada  l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Mbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’! ”

Il-Ħsieb

     Aħna wlied is-Saltna ta’ Alla, imma wlied li rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn li ma nitilfux is-sens ta’ direzzjoni tagħna.  Dan huwa t-tifsir tas-sikrana.  Irridu ngħixu fid-dinja spalla ma’ spalla mal-ħażen iżda ma nsirux ħżiena.  Din hija l-isfida kbira li għandu n-nisrani tal-lum, sfida li  trid tidher aktar meta nqisu li l-Knisja li tagħha aħna membri Ġesù jqabbilha maż-żerriegħa tal-mustarda, żerriegħa ċkejkna li tifrex ħafna l-friegħi kollha.

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ l-Għerf għandna l-frażi li rridu nżommuha fuq fommna ħajjitna kollha.  M’hemmx Alla ħliefek li tieħu ħsieb kollox.  Kemm aħna konvinti minn din il-frażi, kemm aħna konvinti li Alla ma jħallina qatt waħedna?  Il-għajn tal-ġustizzja hija l-qawwa t’Alla, itenni l-Ktieb ta’ l-Għerf.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 85 itenni li l-Mulej huwa tajjeb u jaħfer.

     Fit-tieni qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-akbar għajnuna fil-ħajja tagħna huwa l-istess Spirtu s-Santu li jidħol għalina.

     Fil-Vanġelu ta’ San Mattew inkomplu nisimgħu l-parobboli tas-Saltna t’Alla.  Is-Saltna li hija mqabbla maż-Żerriegħa tal-Mustarda kif ukoll mal-qamħ u s-sikrana.

Il-Ħajja
  1. Hemm bżonn li nifhmu li l-ħajja tagħna jeħtieġ li ngħixuha fid-dinja spalla ma’ spalla mal-ħażen.
  2. Iżda Alla ħaseb għal kollox.  Tana l-għajnuna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.
  3. Hemm bżonn nifhmu aktar u nħossuna aktar KNISJA.
  4. Fid-dinja n-nisrani jrid jgħix il-ħajja tiegħu b’mod sempliċi li jinfirex fuq l-eżempju tal-mustarda.
 
Id-Djalogu

     Mulej, għinni ngħix il-fidi tiegħi fis-sempliċità.

 

read more

ĦAREĠ JIŻRA’… – Il-ħmistax-il Ħadd matul is-sena A – 16 ta’ Lulju 2023

July 10, 2023

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

ĦAREĠ JIŻRA’…

Isaija 55, 10-11;  Salm 64; Rumani 8,18-23; Mattew 13, 1-23

Il-Vanġelu

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom : “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’! “

Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.  U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:

kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

u għalqu għajnejhom li ma

jmorrux jaraw b’għajnejhom,

u jisimgħu b’widnejhom,

u jifhmu b’moħħhom,

u hekk ibidlu ħajjithom

u jiena nfejjaqhom.’

“Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

“Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”

Il-Ħsieb

Il-Mulej illum jagħmlilna sfida:  “Min għandu widnejh ħa jisma’.”  Hija sfida iebsa iżda reali.  Ħafna drabi aħna ma rridux nisimgħu ’l-Mulej jew nagħmlu ta’ bir-ruħna li ma smajnihx għax ma rridux min jindaħlilna fit-tip u l-mod ta’ ħajja li qed ngħixu.  XEWK U FROTT huma ż-żewġ realtajiet tal-ħajja tagħna.  Frott u Xewk li jfissru mumenti sbieħ u oħrajn inqas sbieħ iżda li l-Mulej iridna ngħixuhom fid-dawl tal-kelma tiegħu.  Huwa Hu l-bidwi li jiżra’, huwa Hu li jsaqqi, huwa Hu li jaħsad.  Hemm bżonn li qalbna tkun qalb fertili għall-kelma tiegħu.

Ħajjitna tagħmel sens jekk nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.  Dak biss jista’ jkun ta’ ġid u ta’ sens għall-ħajja tagħna.  Ma naħlux ħin niskandalizzaw irwieħna b’dak u bl-ieħor jekk wara kollox aħna stess m’aħniex ta’ eżempju tajjeb għal dawk ta’ madwarna.  Il-Kelma tal-Mulej hija ċara llum dwar dan.  Hemm bżonn li naċċettaw il-kelma ta’ Alla u nifhmuha sew.

Il-Kelma

Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Isaija għandna lill-Profeta jħeġġeġ lil-Lhud fl-eżilju biex ifittxu lil Alla u jafdaw fih minħabba li l-kelma tiegħu għandha qawwa kbira.  Fis-Salm 64 għandna l-messaġġ li ż-żerriegħa hija l-Kelma ta’ Alla li jekk taqa’ f’art tajba tagħmel ħafna frott.  Fl-Ittra lir-Rumani għandna lil San Pawl jurina li meta dineb, il-bniedem kaxkar miegħu fil-ħażin il-ħolqien stess, b’mod li meta feda l-bniedem dan sar jaċċetta, jifhem u jgħix din il-kelma.

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew għandek għal qalbek il-kelma ta’ Alla? Kemm tassew taf dwarha?
  2. Kemm tassew din il-kelma qed tipprova tgħaddiha fl-għajxien tal-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
  3. Kemm tassew qed tapprezza li permezz ta’ din il-kelma qed jasallek il-messaġġ ta’ salvazzjoni lilek u lill-ħolqien kollu?
  4. Il-Kelma ta’ Alla għadha l-fanal li permezz tagħha qed nara fejn nimxi?
  5. Kemm qegħdin ngħinu lil xulxin biex nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna?
Id-Djalogu

Mulej, agħmel li naċċetta l-kelma tiegħek u ngħixha jum wara jum.

read more

FEJN SEJJER?- L-erbatax-il Ħadd matul is-sena A – 9 ta’ Lulju 2023

July 5, 2023

L-14 Ħadd Matul is-Sena

FEJN SEJJER?  QED JGĦIDLEK BIEX TMUR GĦANDU…

Żakkarija 9,9-10; Salm 144;  Rumani 8, 9.11-13; Mattew 11,25-30

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.

“Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”

 

Il-Ħsieb
Ejjew għandi, u jiena nserraħkom
F’liema direzzjoni sejjer fil-ħajja tiegħek?  Dejjem teqred… dejjem tgerger aktar ma jgħaddi ż-żmien?  Il-Mulej illum qed jagħmillek stedina li hija sfida kontra l-kurrent tal-ħajja.  Illum tfittex soluzzjoni kullimkien barra għandu.  Tipprova ssib mistrieħ f’kull rokna tad-dinja u ma tersaqx lejn il-qalb tiegħu.  Imma kemm ser indumu nagħmlu farsa mill-ħajja tagħna?  Kemm ser indumu nkunu boloh?  Qed jistedinna u ndawru wi   ċċna?

Fl-ewwel qari tal-lum għandna lil Żakkarija jeħodha kontra l-poplu Lhudi li wara l-eżilju kien qed jimmaġina xi ħaġa glorjuża… iżda Żakkarija jwiegħed li ġej Sultan Ġust li miegħu tasal il-ġustizzja.  Kemm-il darba aħna wkoll għamilna bħall-poplu Lhudi.  Min jaf x’immaġinajna li lest jagħmel magħna ħwejjeġ kbar u lanqas biss nindunaw.

Meta naqra l-Vanġelu tal-lum nifakar f’Santa Katerina ta’ Siena li għax intelqet f’idejn il-Mulej għamlet ħwejjeġ kbar u saħansitra l-Papa Pawlu VI għamilha Duttur tal-Knisja… u din kienet mara sempliċi u illitterata.

 

Il-Kelma

L-ewwel qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija fejn għandna l-poplu Lhudi li jirritorna mill-eżilju mingħajr setgħa politika.  Huwa poplu sbandat iżda Żakkarija jwiegħed Sultan ġust u umli.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, għandna tifħir lill-Mulej li huwa ta’ qalb ħelwa u umli.  It-tieni qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna twissija ta’ l-Appostlu biex ngħixu fid-dawl tar-rieda t’Alla u mhux skond il-ġibdiet tal-ġisem.  Fil-Vanġelu Ġesù jfaħħar lil min hu ta’ qalbu ċkejkna kif ukoll jistieden lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu biex imorru għandu.

 

Il-Ħajja
  1. Kemm tassew qed tafda ħajtek KOLLHA f’idejn Ġesù?
  2. Kemm għandek kuntatt miegħu?
  3. Kemm tassew qed tgħix mhux skond il-ġibdiet tal-ġisem? Kapaċi tikkontrolla lilek innifsek?
  4. Ġesù jfaħħar l-umiltà.  Inti inkluż?

 

Id-Djalogu

Mulej, għallimni niġi għandek.

 

read more

MIXJA WARA KRISTU: TELFA U GĦOTJA – It-13 il Ħadd Matul is-Sena A – 2 ta’ Lulju 2023

June 18, 2023

It-13 il Ħadd Matul is-Sena

MIXJA WARA KRISTU: TELFA U GĦOTJA

Slaten 34:8-11, 14-16; Salm 88; Rumani 6: 3-4, 8-11; Mattew 10:37-42

Il-Vanġelu

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu

 

Il-Ħsieb

     Il-mixja tagħna wara Kristu hija avventura…. avventura b’riskji kbar, riskji ta’ fidi, riskji ta’ ferħ, riskji ta’ ħajja.  Anki llum għadna nisimgħu nies li jmutu għall-fidi tagħhom.  Kellna l-każijiet ta’ Popieluszko fil-Polonja, l-Isqof Romero f’El Salvador, Don Pino Puglisi fi Sqallija, is-seba’ trappisti fl-Alġerija, nies li lkoll kienu qed iservu fuq id-direzzjoni tal-Mulej u ġew maqtula.  Min jaf kemm oħrajn imutu mingħajr

lanqas toħroġ aħbarhom!  Il-mixja wara Kristu hija telfa mhux biss tal-ħajja.  F’xi każijiet iżda, anki għal għajnejn id-dinja hija telfa.  Imma fil-mument tat-telfa toħroġ fil-beraħ l-għotja li nkunu tajna lill-Mulej.  Il-liturġija tal-lum tesprimi proprju dan… kemm tassew ilkoll kemm aħna qegħdin ningħataw bis-serjeta’ lill-Mulej?  Kemm tassew qed inħobbu lill-Mulej aktar mill-affarijiet għeżież u intimi tagħna?  Kemm tassew qed nagħtu tazza ilma friska lil dawk li huma fil-bżonn.  Kemm tassew qed niċkienu aħna biex jikber Alla fil-proxxmu?

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mit-Tieni Ktieb tas-Slaten.  Għandna lil Eliżew il-profeta jkompli l-missjoni ta’ Elija u jpatti lill-mara ta’ Sunem għall-mod kif laqgħet il-Profeta ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 88, għandna tifħir obbligu ta’ għana għat-tjieba tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari tal-lum mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, għandna r-rakkont kif aħna bil-magħmudija indfinna mal-Mulej biex ngħixu miegħu u nqumu.  Huwa wkoll eżempju għall-mod kif kull azzjoni tagħna trid tkun telfa biex wara jkun hemm rebħa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, insibu lil Ġesu’ jwissi li jeħtieġ li nħobbu lil Alla fuq kollox u b’hekk ninqatgħu mill-affarijiet tad-dinja.  Hemm bżonn li nħarsu ftit madwarna u ngħinu tassew lill-fqir u l-batut għax fih naraw il-preżenza kontinwa ta’ Ġesu’.

 

Il-Ħajja

  1. Illum huwa Ħadd ta’ riflessjoni. Kemm tassew aħna Nsara li qed nitilfu kontinwament biex jidher Ġesu’ fl-għemil tagħna?  Jew għadna ma fhimna xejn?
  2. Kemm tassew kapaċi nħarsu madwarna u ninqatgħu mir-realta’ tagħna biex ngħixu l-Vanġelu?
  3. Qatt tajt tazza ilma friska fil-ħajja tiegħek lil xi ħadd fil bżonn?

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni nikber kuljum

fl-imħabba vera lejk.

read more

San Pietru u San Pawl Appostlu – 29 ta’ Ġunju 2023

June 18, 2023

L-Evanġelju 

Stqarrija tal-fidi minn Pietru u l-primat tiegħu

(Mk 8, 27-30; Lq 9, 18-21)

 

Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa  lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

 

read more