QAM U QAJJEM – L-Għid il-Kbir [B] – Il-Ħadd 31 ta Marzu 2024

QAM U QAJJEM – L-Għid il-Kbir [B] – Il-Ħadd 31 ta Marzu 2024

March 25, 2024

Ħadd il-Għid [Sena B]

QAM U QAJJEM

Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; 1 Korintin 5: 6b-8; Ġwanni 20:1-9

Il-Vanġelu

     Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.  It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.

 EASTER 2014

Il-Ħsieb

     HALLELUJAH.  Il-Mulej qam tassew.  Il-Mulej kisbilna r-rebħa.  Aħna wkoll se nqumu.  Le, mhux biss għandna l-garanzija tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, mhux biss għandna l-garanzija li Kristu se jqajjem lilna wara din il-ħajja, iżda wkoll għandna ċ-ċertezza li dak kollu li nwettqu f’din il-ħajja jkun mistur fil-ħajja għall-eternità.  Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ l-Għid.  Kristu qam biex jerfa’ lilna mir-raqda ta’ kuljum, mill-monotonija ta’ ħajjitna, mill-medjokrità li ħafna drabi nitkaxkru fiha fil-ħajja ta’ kuljum.  Inti kemm inti fit-tajn u fil-ħama tal-vizzji u d-dnubiet ta’ ħajtek, il-Mulej illum QAM biex jerfagħna lejh, biex ma jħalliniex negħrqu aktar fil-ħama.

     Iżda rridu nemmnu.  Irridu nkunu konvinti minn dak li għamel Ġesù għalina.  Ilkoll kemm aħna rridu nsibu l-mument biex, kif ippruvajna nagħmlu f’dan ir-Randan, niftħu qlubna beraħ għalih.  Kristu qam biex ifejjaq il-ġrieħi ta’ l-umanità kollha.  Ma nistgħux nibqgħu ndawru wiċċna u nħallu l-ġrieħi mikxufa mingħajr kura.  Issa l-mument li, wara li għarafna li rebaħ għalina, inħalluh imissna u jfejjaqna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-ewwel predikazzjoni ta’ l-Appostli li hija bbażata fuq il-qawwa tal-passjoni, mewt u qawmient ta’ Kristu.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, għandna l-ferħ tal-Knisja fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt li jfisser salvazzjoni garantitia għall-bnedmin li jwieġbu għas-sejħa ta’ Kristu.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna l-eżempju tal-Lhud li kienu jarmu barra minn darhom il-ħmira l-ħażina.  Hekk ukoll in-nisrani jrid jarmi dak kollu li huwa ħażin biex jikseb il-qawmien fi Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Pietru u Ġwanni flimkien ma’ Miriam ta’ Magdala jkunu l-ewwel xhieda tal-qawmien ta’ Kristu.  L-aħbar tinxtered permezz tagħhom ma’ kullimkien.

Il-Ħajja
  1. Illum l-Għid il-Kbir. Tħossok ferħan?
  2. Kemm tassew bil-ħajja tagħna qed inkunu sinjali ta’ din l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu fuq il-mewt?
  3. Il-Mulej qam biex iqajjimna fuq tagħna bħala Nsara. X’impenn hemm f’ħajtek biex tiġġedded inti u ġġedded lil ħaddieħor? Tinsab involut f’xi ħidma tal-Knisja?
  4. Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni marru jxandru l-Aħbar. Inti tistħi xxandar l-Aħbar it-Tajba?
Id-Djalogu

  Grazzi, Mulej,

  li għaddejt minn passjoni ħarxa għalina

  biex tiksbilna l-qawmien għal dejjem.