ĦAJTEK F’IDEJK – It-33 Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Novembru 2024

ĦAJTEK F’IDEJK – It-33 Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Novembru 2024

November 9, 2024

It-33 Ħadd Matul is-Sena

ĦAJTEK F’IDEJK

Danjel 12, 1-3; Salm 15; Lhud 10,11-14,18;  Mark 13, 24-32

Il-Ħsieb

     “Imma f’dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu,  il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema. 

“Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

 

Il-Ħsieb

     Ix-xeni apokalitiċi li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu tal-lum forsi jista’ jkun li jbeżżgħu xi ftit, u tidħol mill-ewwel il-biża’ fik fuq l-aħħar żminijiet tad-dinja.  Iżda Ġesù mhux ibeżża’ jrid iżda jiftħilna għajnejna, jgħidilna li Alla huwa magħna u ħajjitna hija f’idejna bid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu.  Ġesù jwissina biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet biex naħdmu kemm jista’ jkun sabiex inwettqu kull ħin ir-rieda tal-Mulej fil-ħajja tagħna.  Il-Mulej ma jridx biża’, iżda fidi u ħidma.

     Illum Ġesù jfiehem lill-komunita ċkejkna tiegħu dwar it-tieni miġja tiegħu fil-glorja.  “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jasal”, jgħid Ġesù.  Għalhekk “kunu mħejjija”, tgħidilna l-Knisja f’dan il-Ħadd.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, juri li dawk li isimhom huwa miktub fil-Ktieb tal-Ħajja, jiġifieri dawk li ma rabtux qalbhom mal-ħażen, se jkunu salvati.  Dawn jirtu l-Ħajja ta’ Dejjem.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 15, itenni li għand il-Mulej hemm il-ħarsien u l-kenn tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra lil-Lhud, insibu li permezz tas-sagrifiċċju uniku tiegħu Kristu kiseb ir-rebħa fuq l-għedewwa tagħna.  Fil-Vanġelu, meħud minn San Mark, Ġesù jkellem lill-Appostli dwar il-jum tal-miġja tiegħu u jfehimhom kif għandhom iħejju ruħhom għal dan il-jum.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew aħna mħejjija biex immorru niltaqgħu mal-Mulej?
  2. Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej kontinwament qed jiġri warajna biex jgħannaqna miegħu?
  3. Kristu huwa l-unika għajn ta’ salvazzjoni għalina. Qegħdin nixorbu minn din l-għajn?
  4. L-aħħar taż-żmien ibeżżagħna. Għaliex?  Għadna marbutin wisq ma’ din id-dinja?

Id-Djalogu

  Mulej, inti ġejt u rġajt ġej,

  biex teħodna miegħek,

  nitolbok li ma tħallinix nintilef

  wara ideali li jintemmu fuq din l-art.

  Agħmel li l-ideal ta’ ħajti

  jkun bis Inti.