GĦALIEX ĦENJIN? – It-6 Ħadd Matul is-Sena: 17 ta’ Frar 2019

GĦALIEX ĦENJIN? – It-6 Ħadd Matul is-Sena: 17 ta’ Frar 2019

February 16, 2019

It-6 Ħadd Matul is-Sena

GĦALIEX ĦENJIN?

Ġeremija 17:5-8; Salm 1; 1 Korintin 15: 12:16-20; Luqa 6:17,20-26

 

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull na˙a tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: ‘Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti. Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”

Il-Ħsieb

Kemm qed inbatu minħabba Bin il-Bniedem-Ġesú?  Kemm tassew, fil-ħajja tagħna, qed nimxu kontra l-kurrent?  Kemm qed nagħżlu li nkunu foqra f’dinja li tippriedka biss il-ġid u l-kumdità?  Kemm tassew ħajjitna qed tkun skomda għal Ġesú?  Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi ninġarru mir-reklami tas-swieq ta’ madwarna li jmexxu u jiddettaw lis-soċjeta x’għandha tagħmel u kif għandha timxi. Hija soċjetà li ma tridx min ikun kritiku lejha b’domandi serji fuq it-tip ta’ ħajja li qed ngħixu.  Huwa għalhekk li Ġesú qed jagħmel dan id-diskors li huwa proġett għall-mod kif għandna nħarsu lejn il-ħajja tagħna u l-għażliet li nwettqu.  Huwa Ħadd fejn nagħmlu ftit eżami ta’ x’tip ta’ ħajja qegħdin ngħixu u x’għażliet se nagħmlu fil-futur.

 

Il-Kelma

L-Ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-profeta Ġeremija li jitkellem fuq l-istess idea mill-aspett pożittiv u wara negattiv.  Huwa jtenni li ħażin għalih il-bniedem li jpoġġi l-fidi tiegħu fi ħwejjeġ li jgħaddu u mbierek dak li jafda f’Alla.  Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 1, huwa tifħir għal dak il-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu għaliex dan huwa tant għaqli li “ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,”  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta San Pawl lill-Korintin insibu lill-Appostlu jfiehem ir-rabta kbira li hemm bejn il-qawmien ta’ Kristu u l-qawmien tagħna mill-mewt.  Aħna għad inqumu għax Kristu, li kien bniedem bħalna u lilna ġabarna fil-ġisem tiegħu, qam tassew.  Din hija l-garanzija għalina l-bnedmin.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesú jagħmel id-diskors tal-beatidudnijiet fejn ifaħħar lil dawk li f’ħajjithom ipoġġu fl-ewwel post is-saltna ta’ Alla.

 

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja li ngħixu kuljum hija kollha tlajja’ u nżul, ward u xewk, iżda kemm tassew aħna lkoll qegħdin nafdaw f’idejn Alla l-ħajja tagħna?
  2. Kemm huwa realtà l-fatt li ma nimxux fuq dak li jgħidilna l-ħażen iżda nqegħdu kollox fit-triq it-tajba ta’ Ġesú.
  3. Kemm Ġeremija kif ukoll Ġesú llum jgħidulna li n-nisrani jrid iżomm ruħu bogħod mill-kompromessi.  Kemm aħna tassew  konvinti minn dan?  Kemm tassew qed nagħtu kollox għall-Mulej?
  4. Setgħa u Flus. Ħafna drabi jagħmu lil bosta bnedmin, mhux biss lill politiċi jew lin-nies li jmexxu l-kummerċ.  Fil-ftit u fil-ħafna tiegħek, kemm tassew qed tuża l-ġid biex tgħix inti flimkien mal-proxxmu?  Hemm persuni
  5. li qed isibu l-għajnuna tiegħek fil-pront  mingħajr tnikkir?
  6. X’inhi l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tiegħek illum, issa?

 

Id-Djalogu

Mulej, inti sejjaħt ħienja

lil dawk li ma jintrabtux mal-ħwejjeġ li jgħaddu.

Għinna nfittxu kull ħin,

dawk l-affarijiet li jibqgħu għal dejjem,

it-teżori li huma mistura fis-sema.

Għinna biex bil-ġesti ta’ karità kontinwa tagħna,

mal-proxxmu li narawh kuljum,

niftaqru aħna

u nneħħu minna kull sens ta’ egoiżmu,

biex tidher aktar Inti, o Mulej!