SULTAN LI JSERVI – L-Aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika – 24 ta’ Novembru 2024

SULTAN LI JSERVI – L-Aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika – 24 ta’ Novembru 2024

November 9, 2024

L-Aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika

Solennità ta’ Sidna Ġesu Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu

IL-POTER TAS-SULTAN… FIS-SERVIZZ!

Danjel 7:13-14; Salm 92;  Apokalissi 1, 5-8; Ġwanni 18: 33b-37

 

Il-Ħsieb

     Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan  tal-Lhud?”  Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex ta’ hawn.” Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

 

Il-Vanġelu

     Illum tintemm is-sena liturġika tal-Knisja bil-festa ta’ Kristu Sultan ta’ l-univers kollu.  Ġesù, bħala Sultan, m’għandux poter li jirrenja iżda poter li jservi, kif naraw fil-Vanġelu tal-lum.  Il-liturġija tal-lum turina fejn tassew tinsab il-qawwa ta’ dan is-Sultan ta’ l-Univers kollu.  Mhix qawwa marbuta ma’ din id-dinja iżda hija qawwa mingħajr limiti għall-eternità.  Biex kiseb din il-qawwa Ġesù daħal fl-univers u miet għall-ħolqien biex seta’ jifdih bl-istess demm tiegħu.  U hawn beda d-djalogu ġdid ma’ l-umanità kollha, miegħi u miegħek.  Kemm tassew aħna grati li l-Mulej mhux biss ħalaqna iżda wkoll fdiena?  Kemm qed ngħixu dak li għallimna hu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?  Kemm qed nuru tassew li aħna parti minn din is-saltna?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel fejn is-silta hija applikata għal Ġesù fil-missjoni tiegħu ta’ Sultan.  Kristu ngħata mill-Missier ħakma, ġieħ u saltna biex il-ġnus u l-popli kollha jagħtuh qima.  Fis-Salm Responsorjali li ntennu fis-Salm 92 għandna innu lill-Mulej li llum qed infaħħru bħala s-Sultan tal-Ħolqien, ir-ras ta’ l-umanita l-ġdida.  Fit-Tieni Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi għandna kliem li jfaħħar lil Ġesu fil-passjoni, fil-qawmien mill-imwiet u fil-glorifikazzjoni tiegħu bħala sultan fis-sema biex jaħkem fuq il-ħolqien kollu.  Jeħtieġ li l-Insara jkunu ħabbâra tas-Saltna ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna silta mill-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu fejn jiġi mistoqsi jekk hux is-sultan tal-Lhud.  Ġesu jwieġeb li s-Saltna tiegħu mhix ta ‘ din id-dinja.

Il-Ħajja

  1. Aħna pajżana tas-sema pajjiżna. Għalfejn norbtu qalbna ma’ saltna li tgħaddi?
  2. Kemm tassew qed inqimu u naduraw Sultan wieħed fil-ħajja tagħna – Kristu?
  3. Ġesu jridna ngħinuh ixandar il-messaġġ ta’ saltnatu. Kif qed nagħmlu dan?  Kemm qed inkunu nies ta’ kliem u fatti fil-fidi u fil-ħajja tagħna?
  4. Il-Mulej tagħna huwa SULTAN LI JSERVI. X’qed ikun is-servizz tiegħek mal-proxxmu tiegħek?

Id-Djalogu

  Missierna,

  jitqaddes ismek,

  tiġi saltnatek,

  ikun dak li trid int

  kif fis-sema hekk ukoll fl-art.