Tiġġudikawx – Prayer Cafè – 2 t’Ottubru 2015
Is-sebgħa u għoxrin Ħadd matul is-sena
“Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem”
Inqrat is-silta mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 10, 2-16). Dan il-Vanġelu jittratta fuq is-suġġett tad-divorzju. Jurina kemm Ġesù ma kienx jimxi mal-kurrent imma kien jemmen fl-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel. Dan ir-rakkont ġara fil-Ġudea u dak iż-żmien jekk mara tinqabad f’adulterju kienet tiġi mħaġġra. Fit-tieni vers, bħas-soltu, il-Fariżej jippruvaw jonsbu lil Ġesù billi staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu u mhux viċi versa għax l-irġiel kienu dominanti. Ġesù rrispondihom b’mistoqsija oħra: “X’ordnalkom Mose?” u jfakkarhom x’kien il-pjan oriġinali t’Alla, li “t-tnejn isiru ġisem wieħed” meta jiżżewwġu. Mela dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu il-bniedem. Mela Alla ried li ż-żwieġ ikun komunita’ ta’ imħabba u bħala persuni indaqs u mhux f’pika bejniethom. Alla ried li din tkun xbieha ħajja tal-imħabba tiegħu, personali u sħiħa.
Il-Vanġelu jkompli li meta marru lura d-dar d-dixxipli komplew jiddiskutu fuq id-divorzju. Anke d-dixxipli sabuha diffiċli biex jifhmu l-Ġesù. Infatti qalulu “Mela ladarba din hi l-kundizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ.” Għax huma riedu li r-raġel dejjem ikun minn fuq! Iżda Hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata, jifhmuha..
Ġesù uriehom ukoll li bil-miġja tiegħu l-bidla mill-qiegħ fil-qlub tal-bnedmin setgħet isseħħ. Bi Kristu, l-bnedmin setgħu jibdew iħobbu bħal Alla. Għal dawk li jingħaqdu ma’ Kristu, iż-żwieġ sar Sagrament, jiġifieri sinjal li jurihom lil Kristu fosthom u jagħtihom il-ħajja u l-imħabba tiegħu. Dan ifisser li mhux x’ħin tiddejjaq fiż-żwieġ taqbad u titlaq għax iż-żwieġ huwa Sagrament. Dan ma jeħlisniex mill-iżbalji, mid-difetti fil-karattru, mill-inkwiet, il-mard u d-dwejjaq. F’ċirkostanzi diffiċli bħal dawn l-akbar prova hi li nħobbu xorta waħda lil xulxin bħal Kristu bħalma nsibu fl-ittra ta’ San Pietru (2:23-24) “meta għajjru lil Ġesù ma weġibx bit-tgħajjir, meta bata ma heddidx”. Jekk il-miżżewġin jagħrfu jħobbu bħalu, b’dan il-mod, huma jaraw iż-żwieġ tagħhom jissaħħaħ, kif iwegħdu fir-rit taż-żwieġ “fir-risq tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa”.
Il-Papa Franġisku, fit 2 t’April tas-sena l-oħra qal hekk “biex tagħmlu paċi m’hemmx bżonn iċċemplu lill-Ġnus Magħquda biex jiġu huma d-dar ħalli tagħmlu paċi. Biżżejjed ġest ċkejken, żegħila, tislima! U nkomplu l-għada! U għada nibdew mill-ġdid. U din hi l-ħajja, hekk irridu mmexxuha ’l quddiem, nimxu ’l quddiem bil-kuraġġ li rridu ngħixuha flimkien. Tliet kelmiet li għandna ngħiduhom dejjem fid-dar tagħna huma: jekk jogħġbok, grazzi, skużani”. It-tliet kelmiet maġiċi, jgħid il-Papa.
B’dawn it-tliet kelmiet, bit-talb tar-raġel u l-mara għal xulxin, billi nagħmlu paċi dejjem qabel tintemm il-ġurnata, iż-żwieġ jimxi ’l quddiem.
F’udjenza ġenerali oħra li saret f’ April ta’ din is-sena il-Papa Franġisku jħeġġiġna biex ma nibżgħux nistiednu lil Ġesù għall-festa tat-tieġ. “Ma nibżgħux nistednuh fid-dar tagħna, biex ikun magħna u jħares il-familja tagħna.” Eku mill-kliem qawwi tal-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II li kien qal: “Spalancate le porte a Cristo”. Iftħu l-bibien ta’ qlubkom beraħ għal Kristu!
Kompla jgħidilna biex ma nibżgħux nistiednu wkoll lil Ommu Marija. Fi kliem Papa Franġisku, l-Insara, meta jiżżewġu “fil-Mulej”, jinbidlu f’sinjal effikaċi tal-imħabba ta’ Alla. L-Insara ma jiżżewġux biss għalihom infushom: jiżżewġu fil-Mulej għall-ġid tal-komunità kollha, tas-soċjetà kollha kemm hi.
Fl-aħħar tal-Vanġelu, Ġesù jgħid lit-tfal biex jersqu lejH. F’dak iż-żmien, it-tfal kienu meqjusa l-inqas importanti fis-soċjetà Lhudija. Iżda Ġesu jgħid “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex b’qalb ta’ tifel ċkejken, ma jidħolx fiha ”. Irridu nemmnu fih u naċċettawh bl-istess innoċenza tat-tfal.
Mid-diskussjoni tqajjmu xi punti interessanti:
Fuq it-tema taż-żwieġ, ġie mfakkar li dan ix-xahar ser ikun hemm is-Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet fuq il-familja. Irridu noqgħodu attenti ħafna mill-midja minħabba t-tgħawwiġ u t-taħwid tal-fatti. Il-Papa, hu u ġej lura mill-Amerika kien mistoqsi mill-ġurnalisti rigward iż-żwieġ u d-divorzju. Hu kien ċar fir-risposta tiegħu: Iż-żwieġ huwa indissolibbli.
Niftakru li aħna ma nistgħux niġġudikaw, fuq ebda persuna, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħha: miżżewġa, divorzjata, omosesswali. Alla biss jista’ jiġġudika, aħna nistgħu biss nitolbu għal dik il-persuna.
Anke rigward it-tfal tagħna. Il-Mulej jrid li l-ġenituri jrabbu t-tfal sewwa. Jekk dawn meta jikbru, jġibu ruħhom ħażin, il-ġenituri ma jaħtux. Alla jiġġudika lit-tfal u mhux il-ġenituri, għax huma għandhom il-kuxjenza tagħhom.
Fl-aħħar inqrat kwotazzjoni li qalha l-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali fid 29 t’April ta’ din is-sena: “L-insara ma jiżżewġux biss għalihom infushom, jiżżewwġu fil-Mulej għal ġid tal-komunita’ kollha, tas-soċjetà kollha kemm hi”.