FOR GRANTED! – Is-28 Ħadd matul is-sena Ċ – 13 t’Ottubru 2019
It-28 Ħadd Matul is-Sena
FOR GRANTED!
2 Slaten 5,14-17; Salm 97; 2 Timotju 2, 8-13; Luqa 17, 11-19
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa
Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.
Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: «Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!» Kif rahom, qalilhom: «Morru uru rwieħkom lill-qassisin.» U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.
Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: «Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?» Imbagħad qallu: «Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.»
Il-Ħsieb
Meta Ġesù kien għaddej minn ħdejn is-Samarija u l-Galilija resqu lejh l-imġiddmin li talbuh il-fejqan. ĠesuÏjfejjaqhom iżda wieħed biss mar lura jirringrazzjah. Xi ħadd jgħid “imma Ġesù għandu bżonn il-grazzi tagħna?” Għandu bżonn grazzi umana? Iva, hemm bżonn li aħna ngħidu GRAZZI lill-Mulej għal dak kollu li jagħmel magħna. Hemm bżonn li ma neħduhx for granted. Hemm bżonn li ma nersqux lejh meta jkollna bżonn u wara ninsewh immedjatament. Dan huwa l-messaġġ li joħroġ mil-liturġija tal-lum. Il-Mulej iridna nħobbuh kif iħobbna huwa, mhux biss meta jkun kollox ħażin iżda anki meta nfiqu. Huwa għalhekk importanti li fil-ħajja tagħna, wara li nersqu lejh fis-sagrament tal-qrar, nersqu lejh nirringrazzjawh fl-Ewkaristija Mqaddsa.
Huwa neċessarju li nagħrfu li l-uniku fejqan tal-ħajja tagħna jista’ jinkiseb biss minn Kristu. Iżda huwa ferm importanti li lil Kristu ma neħduhx for granted u nersqu lejh biss meta niġu daharna mal-ħajt. Hemm bżonn li ma’ Kristu jkollna rapport ta’ affettività u ta’ mħabba miegħu u lejh. Hemm bżonn li nagħrfu wkoll li l-fejqan tagħna jkun tassew komplet meta nirritornaw biex ngħidu grazzi lil dak Kristu li huwa l-fejqan tagħna kuljum, forsi anki meta aħna ma nħobbuhx.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mit-Tieni Ktieb tas-Slaten, għandna l-fejqan ta’ Nagħman, il-Ġeneral Sirjan li kien marid bil-ġdiem. Fieq għax emmen li l-fejqan jiġi biss billi tobdi r-rieda ta’ Alla. Il-fejqan ta’ Alla huwa fejjiedi. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 97, insibu li bil-magħmudija aħna bdejna t-triq tas-salvazzjoni ta’ dejjem. Hemm bżonn li nagħrfu li din is-salvazzjoni rridu naħdmu għaliha meta nisimgħu mill-Kelma ta’ Alla u nwettqu r-rieda tiegħu fina. Fit-Tieni Qari, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju, insibu li l-ħajja tan-nisrani hija iebsa u tista’ wkoll twassal għall-jasar tal-persekuzzjoni, iżda ħadd ma għandu jaqta’ qalbu. Fuq l-eżempju ta’ San Pawl, aħna għandna nisiltu mill-qawmien ta’ Ġesù dik it-tama li permezz tagħha nkomplu naqdu d-dmirijiet tagħna. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-fejqan minn Ġesù ta’ l-għaxar imġiddmin. Wieħed biss idur lura biex jgħidlu grazzi.
Il-Ħajja
1. Għaraft li inti mġiddem? X’se tkun ir-reazzjoni tiegħek? Trid titnaddaf?
2. Kif qed tagħraf fejn tassew tista’ tikseb il-fejqan u t-tindif mill-ħajja tiegħek?
3. Kemm tassew qed twettaq fil-ħajja tiegħek dak kollu li jordnalek il-Mulej? Kemm qed tgħidlu grazzi?
4. Li tgħix ta’ nisrani mhux faċli u se tkun ippersegwitat. Kemm tassew inti lest li tbati għal ĠesuÏquddiem sħabek u niesek?
5. Ġesù ġibed fuqu l-mard tagħna. Lest tiftaħ qalbek beraħ miegħu u għalih?
Id-Djalogu
Jekk tal-ħtijiet inti tagħti każ, Mulej,
min jista’ jżomm sħiħ?
Għinni, Mulej, nagħraf il-ħażen tiegħi,
u nersaq lejk għall-fejqan.