TAZZA ILMA U SKANDLI! – Is-26 Ħadd Matul is-Sena – 29 ta’ Settembru 2024
Is-26 Ħadd Matul is-Sena
TAZZA ILMA U SKANDLI!
Numri 11:25,29; Salm 18; Ġakbu 5,1-6; Mark 9: 38-43, 45, 47-48
Il-Vanġelu
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.
Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.
Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex
Il-Ħsieb
Hemm bżonn li ninbidlu biex nimxu wara Ġesù. Il-bidla trid tkun waħda radikali, mill-qiegħ. Dan jenfasizza San Mark fil-messaġġ li jagħti fil-Vanġelu tal-lum. Hemm bżonn li jkollna qalb kbira lejn dawk li huma tal-Messija. Il-bidla tista’ sseħħ meta aħna nagħmlu bis-serjetà konverżjoni lejn il-Mulej, konverżjoni li tibda mill-fatt li aħna midinbin. Irridu nagħrfu x’inhu d-dnub tagħna u nagħmlu minn kollox biex inwarrbuh mill-għemil tagħna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tan-Numri, insibu lil MoseÏjibda jaqsam ma’ xi wħud id-don tat-tħabbir li iżda jibda jidher ukoll fost xi wħud li ma kinux magħhom fit-Tinda, il-post imqaddes. ĠożweÏ jgħir. MoseÏ jwissih. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, itenni li l-liġi tal-Mulej mhux talli ma tkissirx il-bniedem iżda tgħinu u tferrħu. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Ġakbu, għandna twiddib lill-għonja li ma jaqsmux mill-għana tagħhom. Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jwissi kontra d-dnub u l-iskandlu.
Il-Ħajja
- Bħala Nsara nistgħu nikbru fl-imħabba lejn Ġesù jekk minflok nippuntaw is-saba’ ta’ ħtija lejn min huwa fil-ħażen, neżaminaw ftit lilna nfusna.
- Ilkoll kemm aħna għonja ta’ xi ħaġa. Jeħtieġ li naqsmu dak kollu li għandna ma’ ħaddieħor.
- Id-dnub tagħna hemm bżonn li mhux nindunaw bih iżda nwarrbuh b’mod radikali minna.
- Kemm fl-Ittra ta’ San Ġakbu kif ukoll fil-Vanġelu ta’ San Mark issir enfasi għall-għajnuna u l-karità. Mingħajr dan il-pedament għalxejn tkun kull stqarrija tagħna bil-kliem li aħna tal-Mulej.
Id-Djalogu
Mulej,
għinni nagħraf il-ħtija tiegħi
biex tassew naqta’ minni kull dnub,
ħalli kull ħin
inwettaq biss ir-rieda tiegħek.