TAZZA ILMA U SKANDLI! – Is-26 Ħadd Matul is-Sena – 30 ta’ Settembru 2018

TAZZA ILMA U SKANDLI! – Is-26 Ħadd Matul is-Sena – 30 ta’ Settembru 2018

September 21, 2018

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

TAZZA ILMA U SKANDLI!

Numri 11:25,29; Salm 18; Ġakbu 5,1-6; Mark 9: 38-43, 45, 47-48

 

Il-Vanġelu

     Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

     Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.

     Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex

 

Il-Ħsieb

     Hemm bżonn li ninbidlu biex nimxu wara Ġesù.  Il-bidla trid tkun waħda radikali, mill-qiegħ.  Dan jenfasizza San Mark fil-messaġġ li jagħti fil-Vanġelu tal-lum.  Hemm bżonn li jkollna qalb kbira lejn dawk li huma tal-Messija.  Il-bidla tista’ sseħħ meta aħna nagħmlu bis-serjetà konverżjoni lejn il-Mulej, konverżjoni li tibda mill-fatt li aħna midinbin.  Irridu nagħrfu x’inhu d-dnub tagħna u nagħmlu minn kollox biex inwarrbuh mill-għemil tagħna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb tan-Numri, insibu lil MoseÏjibda jaqsam ma’ xi wħud id-don tat-tħabbir li iżda jibda jidher ukoll fost xi wħud li ma kinux magħhom fit-Tinda, il-post imqaddes.  ĠożweÏ jgħir.  MoseÏ jwissih.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, itenni li l-liġi tal-Mulej mhux talli ma tkissirx il-bniedem iżda tgħinu u tferrħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Ġakbu, għandna twiddib lill-għonja li ma jaqsmux mill-għana tagħhom.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jwissi kontra d-dnub u l-iskandlu.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nsara nistgħu nikbru fl-imħabba lejn Ġesù jekk minflok nippuntaw is-saba’ ta’ ħtija lejn min huwa fil-ħażen, neżaminaw ftit lilna nfusna.
  2. Ilkoll kemm aħna għonja ta’ xi ħaġa. Jeħtieġ li naqsmu dak kollu li għandna ma’ ħaddieħor.
  3. Id-dnub tagħna hemm bżonn li mhux nindunaw bih iżda nwarrbuh b’mod radikali minna.
  4. Kemm fl-Ittra ta’ San Ġakbu kif ukoll fil-Vanġelu ta’ San Mark issir enfasi għall-għajnuna u l-karità. Mingħajr dan il-pedament għalxejn tkun kull stqarrija tagħna bil-kliem li aħna tal-Mulej.

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni nagħraf il-ħtija tiegħi

  biex tassew naqta’ minni kull dnub,

  ħalli kull ħin

  inwettaq biss ir-rieda tiegħek.