corpus-christi

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA – Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – Sena A – 11 ta’ Ġunju 2023

June 5, 2023

Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

IL-ĠISEM TIEGĦU GĦALINA

Dewtoronomju 8, 2-3; 14b-16a; Salm 147; Korintin 10: 16-17; Ġwanni 6 : 51-58

 

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies:  “Jiena hu l-Ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: «Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

Il-Ħsieb

min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem
Il-Mulej tela’ fis-sema, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, enfasizza l-preżenza qawwija tat-Trinità Qaddisa u llum iħallilna Ġismu u Demmu għalina biex nikbru fil-fiduċja u fl-għajxien tal-fidi tagħna.  Kemm għandna llum għaliex ngħidulu grazzi lill-Mulej!  Kemm tassew ma nafux napprezzaw il-ġid kbir, l-għajnuna bl-abbundanza li jagħtina l-Mulej kuljum.  Ħallielna ġismu u demmu.  X’seta’ jħallilna aktar sabiex ikun ċert li ma naqgħux, li se jibqa’ magħna dejjem sa l-aħħar taż-żminijiet?  Kemm tassew inkunu grati lejn il-Ħallieq meta nagħmlu ġimgħat, xhur u xi kultant snin ma nersqu biex nirċievu l-EWKARISTIJA – il-Ġisem u d-Demm ħaj ta’ Kristu għalina. Min jaf kemm-il darba ersaqna għat-tqarbin b’indifferenza.  Ġesù ħallielna Ġismu u Demmu biex iħeġġiġna b’nar ta’ mħabba u aħna nitilgħu għax hekk drajna, nersqu lejn l-artal mingħajr l-ebda sens ta’ dak li ser nirċievu, noħorġu mill-knisja u jibqa’ kollox l-istess.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jfakkar fl-opri kbar li wettaq magħhom Alla fid-deżert, l-ilma li ħareġ mill-blat kif ukoll il-manna li temagħhom.  Huwa għalhekk importanti li lkoll kemm huma jagħrfu l-kobor t’Alla għalihom.  Fis-Salm 147 għandna lis-Salmista jkanta innu ta’ tifħir quddiem l-għeġubijiet li Alla għamel mal-poplu tiegħu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Korintin, juri l-unità li toħroġ mill-Ewkaristija.  “La l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.  “Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jitkellem ċar li hu l-ħobż tal-ħajja.

Il-Ħajja

1.  Ġesù jrid jagħtina ġismu u demmu biex nibqgħu ħajjin.  Għaliex nibqgħu nagħżlu l-mewt?

2.  Il-Mulej idawwalna u jgħinna fil-mixi tagħna permezz ta’ l-Ewkaristija.  Kemm qed niffrekwentaw u nifhmu dak li nirċievu?

3.  Kemm qed inferrgħu l-imrar tagħna quddiem Ġesù fl-Ewkaristija Mqaddsa?

4.  Jekk trid bidla sħiħa u għajnuna kbira fil-ħajja tiegħek trid tersaq aktar u tifhem l-Ewkaristija.

Id-Djalogu

Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

read more

NITMAGĦKOM ĦOBŻ ĦAJ – Corpus Christi – 29 ta’ Mejju 2016

May 16, 2016

It-Tifkira Solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

NITMAGĦKOM  ĦOBŻ  ĦAJ

Ġenesi 14: 8-20; Salm 109; 1 Korintin 11,23-26; Luqa 9:11b-17

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet  tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.” Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!” Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.” Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.  Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies.  U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Il-Ħsieb

     Min jaf kemm-il darba tlajna nitqarbnu fil-ħajja tagħna?  Xi tħoss meta tirċievi l-Ostja?  Ħsiebek huwa dejjem f’Ġesù?  Jew hemm mumenti meta titla’ għax jitla’ kulħadd u ma tagħtix każ u ma tħoss xejn minn dak li tkun qed tirċievi? Kemm tassew il-Mulej qed nagħtuh l-aqwa ħsieb tagħna u l-qalb kollha tagħna meta huwa jinżel fina biex jibqa’ magħna kull ħin?

     Huma domandi li llum irridu nagħmluhom bis-serjetà fil-Festa Solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.  Ġesù mhux biss bagħat Difensur, mhux biss hemm il-preżenza trinitarja fina;  iżda niżel huwa stess permezz ta’ Ġismu u Demmu biex jibqa’ fina u biex, kif itenni San Tumas D’Aquino, aħna nsiru allat bil-qawwa li tagħtina l-Ewkaristija Mqaddsa.  Il-qawwa ta’ l-Ewkaristija hija xi ħaġa li mhux biss jgħallimhielna Ġesù b’dak li ħallielna iżda kull bniedem li ried tassew jingħaqad ma’ Alla għadda minn mumenti qawwija ta’ relazzjoni intima ma’ Alla permezz ta’ l-Ewkaristija.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna lil Abraham li ġej lura minn rebħa fuq l-għedewwa.  Jiġi milqugħ mis-Sultan Melkisedek li jpoġġilu quddiemu ħobż u nbid bħala sinjal ta’ ħbiberija u ferħ.  Melkisedek jagħmel minn din l-ikla sinjal ta’ ħbiberija bejnhom it-tnejn u Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 109, għandna lil Melkisedek imfaħħar għal dak li għamel.  B’hekk huwa sar xbieha ta’ Kristu.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill Korintin, għandna lil San Pawl itenni li bil-kelma ta’ Ġesù Kristu, il-ħobż u l-inbid isiru l-Ġisem tiegħu li jingħata u d-Demm tiegħu li jixxerred bħala l-Patt il-Ġdid bejn Alla u l-poplu tiegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum,  meħud minn San Luqa, għandna r-rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż lill-folol bil-ġuħ.

Il-Ħajja

  1. Lilna wkoll il-Mulej kuljum jarana bil-ġuħ u jagħmel il-miraklu.
  2. Magħna wkoll il-Mulej ma jkejjilx bix-xiber iżda jitmagħna bl-abbundanza kif għamel mal-poplu ta’ Israel bil-ġuħ. Kemm qed nindunaw b’dan il-miraklu li qed jitwettaq magħna kuljum permezz ta’ l-Ewkaristija?
  3. Kemm aħna nies ta’ fidi kbira li nemmnu fil-qawwa ta’ l-Ewkaristija bħala sagrament ta’ għaqda ma’ Alla, sagrament ta’ għaqda fil-Knisja u bejn il-bnedmin?
  4. Meta nirċievu l-Ewkaristija nemmnu fil-qawwa li qed nirċievu? Kemm tassew qed inħossu l-bidla fina? Kemm qed nagħtu xhieda ta’ dak li nirċievu?  Lesti li, permezz tal-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija, inkunu dixxipli ta’ tama fl-ambjent tagħna?

 

Id-Djalogu

     Inti ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

     Ġesù tagħna ħenn għalina,

     Int titmagħna u tħarisna,

     Inti lilna ġid turina.

     Amen.

 

read more