IL-MADONNA TA’ FATIMA – taħdita minn Fr. Hayden Williams – Prayer Cafè – 28 t’April 2017
Kien hemm diversi messaġġi fid-dehriet ta’ Fatima. L-ewwel ma jispikkaw huma l-profanazzjoni, is-sagrileġġi u l-indifferenza li bihom hu offiż Alla. Fit-tielet dehra, l-Anġlu qal lit-tfal li Alla hu disprezzat ħafna minn nies ta’ qalb iebsa, speċjalment l-offiżi lejn Kristu fl-Ewkaristija. L-aħħar kliem tal-Madonna kien “La toffendux iktar lil Mulej Alla tagħna għaliex Hu diġa’ offiż ħafna”
Lúcia Santos, Jacinta and Francisco Marto, the three children whom the Virgin Mary revealed her famous “three secrets” in Fátima, Portugal.
Mela l-ewwel messaġġ ta’ Fatima hu li Alla huwa offiż. Meta l-Madonna tidher tibki, bħal ma ġara f’Sirakuża, id-dmugħ ta’ Marija jissimbolizza n-niket t’Alla. Ġesu’ wkoll beka quddiem ir-rifjut. L-offiża lejn Alla hi r-rifjut t’Alla. Alla hu offiż għax Huwa rrifjutat.
It-tieni messaġġ hu li mhux Alla biss offiż, imma anke Marija. F’Fatima toħroġ ħafna r-rabta li hemm bejn Ġesu’ u l-Madonna. Din l-għaqda tal-qlub ta’ Ġesu’ u Marija nsibuha rappreżentata fil-Midalja Mirakoluża. Fit-13 ta’ Lulju, l-Madonna titlob li Luċija biex isir tpattija għad-dnubiet magħmula kontra l-qalb bla tebgħa ta’ Marija. Fl-10 ta’ Diċembru 1925, meta Ġesu’ deher lil Luċija fil-kunvent, qalilha “Aqsam it-tbatija mal-qalb tal-omm imqaddsa tiegħek, miksija bix-xewk li bihom in-nies ingrati jinfduha kull waqt u m’hemm ħadd li jagħmel xi att ta’ tpattija biex ineħħihom”. Dak kollu li joffendi lil Alla, joffendi wkoll lill-qalb ta’ Marija.
Messaġġ ieħor li ħareġ mid-dehriet ta’ Fatima hu l-konsegwenzi tad-dnub. L-ewwel wieħed hu li fid-dinja m’hemmx paċi. Il-paċi ma jfissirx biss nuqqas ta’ gwerer, imma li l-bniedem ikun paċi miegħu nnifsu, m’Alla u mal-ħolqien. Id-dnub ikisser ir-relazzjoni tal-bniedem m’Alla, ma’ ħutu l-bnedmin, mal-anġli u mal-ħolqien. Il-Madonna f’Fatima turina li l-għerq tan-nuqqas ta’ paċi hu d-dnub.
Konsegwenza oħra tad-dnub hi li l-bnedmin qed imorru l-infern. Luċija tikteb dwar id-dehra tal-infern li kellhom fit-13 ta’ Lulju. L-infern hu l-qtugħ totali minn Alla. Bid-dnub titlef lil Alla minn ħajtek u dan hu l-infern. Ġesu’ ġabilna s-salvazzjoni sħiħa. Il-Knisja tgħallimna dwar l-eżistenza tal-infern, imma ma tistgħax tgħid li hemm xi ħadd l-infern, għaliex hekk tkun qed tiġġudika. Imma l-Madonna tista’ tgħidilna b’ċertezza li n-nies qed imorru l-infern. Il-Knisja tgħallimna li jekk ma naċċettawx lil Ġesu’ bħala s-salvatur tagħna, inkunu qegħdin f’riskju li nitilfu ruħna. L-infern mhux xi ħaġa li neħduha biċ-ċajt. Min jgħid li Alla tant Hu ħanin li mhu se jħalli lil ħadd imur l-infern ikun qed jiżbalja, għax Alla ma jistgħax jimponi Lilu Nnifsu fuqna. L-imħabba ma timponiex relazzjoni fuq ħaddieħor. Il-bniedem għandu l-liberta’ li jagħżel. Il-viżżjoni tal-infern lit-tfal ta’ Fatima hi akkumpanjata bit-tama. Id-dehriet tal-Madonna jġibu t-tama.
Konsegwenza oħra tad-dnub hi l-persekuzzjoni tal-Knisja. Fuq dan jitkellem it-tielet sigriet ta’ Fatima. Bħal ma hi offiża l-qalb ta’ Ġesu’ u l-qalb ta’ Marija, hekk nistgħu ngħidu hi l-qalb tal-Knisja.
Madankollu, Fatima għandha messaġġ ta’ ħniena. Waħda mill-isbaħ sentenzi hi l-messaġġ li l-Anġlu ta lit-tfal fit-tieni dehra tiegħu. “Il-qlub imqaddsa ta’ Ġesu’ u ta’ Marija għandhom pjanijiet ta’ ħniena fuqkom”. F’hiex jikkonsisti dan il-pjan ta’ ħniena? Alla hu offiż, allura l-ewwel talba hi ta’ riparazzjoni. Il-Madona stess qalet “Farrġu lil Alla”. Meta Ġesu’ kien fil-Ġetsemani kull ma talab lill-appostli kien li jishru ftit Miegħu. L-anġlu deher ifarraġ lil Ġesu’. Mar-riparazzjoni tmur il-konverżjoni tal-midinbin, waħda għax inpattu għad-dnubiet tal-midinbin, u l-oħra għaliex jekk dawn jikkonvertu Alla ma jibqgħax offiż. Aħna rridu nferrħu lil Alla u Alla jifraħ bina. It-talba tal-anġlu għar-riparazzjoni lejn Alla u l-konverżjoni tal-midinbin tgħid hekk: “Alla tiegħi, jiena nemmen Fik, jiena nadurak, nittama Fik u nħobbok. Jiena nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux Fik, ma jadurawkx, ma jittamawx Fik, u ma jħobbukx”.
It-tieni talba li tahom l-Anġlu fit-tieni dehra wkoll tittratta dwar riparazzjoni u talb għall-konverżjoni: “L-iktar imqaddsa Trinita’, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, jiena nadurak profondament u noffrilek il-ġisem, id-demm, ir-ruħ, u d-divinita’ l-iktar prezzjużi ta’ Ġesu’ Kristu, u li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bit-tpattija għall-profanazzjonijiet, sagrileġġi, u ndifferenzi li bihom huwa offiż u, għall-merti nfiniti tal-qalb l-iktar imqaddsa Tiegħu u l-qalb bla tebgħa ta’ Marija, jiena nitolbok għall-konverżjoni tal-imsejkna midinbin”. L-ewwel priorita tan-nisrani għandha tkun ir-relazzjoni tiegħu m’Alla.
It-talb u s-sagrifiċċji huma l-għodod li tagħtina Marija. L-Anġlu qal lit-tfal ta’ Fatima: “Itolbu, itolbu ħafna ħafna. Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Alla bħala tpattija għad-dnubiet u konverżjoni”. Il-Madonna tgħidilhom li għad ibatu ħafna, imma l-grazzja t’Alla tkun il-faraġ tagħhom. Is-sofferenza f’ħajjitna, meta tkun magħqudha m’Alla, tieħu l-valur tal-fidwa permess ta’ Ġesu’ Kristu. Issir talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin. Ġesu’ fuq is-salib talab: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Il-Madonna tgħid lit-tfal biex jitolbu ħafna u jagħmlu sagrifiċċji għall-midinbin, għax ħafna erwieħ imorru l-infern għax m’hemm ħadd min jissagrifika ruħu u jitlob għalihom. Il-katekeżi jgħid li r-realta’ tal-infern, lilna li nemmnu, mhux tbeżżana trid, imma tħeġġiġna biex nevanġelizzaw.
Fil-pjan ta’ ħniena ta’ Fatima nsibu l-preżenza partikolari ta’Marija bħala għajnuna għal dawn iż-żminijiet. Lil Luċija qaltilha: “Ġesu’ jixtieq li jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja devozzjoni lejn il-qalb bla tebgħa tiegħi”. Qaltilha wkoll: “Qed tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt mhu se nitilqek. Il-qalb bla tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla”. Dal-pjan ta’ ħniena mhux se magħmluh weħidna, imma ma’ Marija.
Fid-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tal-Madonna hemm żewġ aspetti – il-konsagrazzjoni tar-Russja, u t-tqarbina fl-ewwel sibt tax-xahar. Ir-Russja kienet qed ixxerrred il-kommuniżmu ateju, li hu offiża u ċ-ċaħda t’Alla. Titlob ukoll li nikkonsagraw lilna nnfusna lilha.
Marija talbet li t-tqarbin ta’ riparazzjoni għandu jsir għal ħames darbiet konsekuttivi fl-ewwel sibt tax-xahar, jintalab ir-rużarju, u ssir kwarta meditazzjoni fuq il-misteri tar-rużarju. Hi tgħid “Agħmluli kumpanija”. Ġesu’, fid-dehra Tiegħu lil Luċija, fissrilha għaliex it-tqarbina ssir għal ħames darbiet konsekuttivi – bħala tpattija għal ħames dnubiet prinċipali: l-offiżi kontra l-immakulata kunċizzjoni, kontra l-verġinita’ tal-Madonna, kontra Marija bħala omm Alla u omm l-umanita’, kontra l-immaġni tagħha, u l-indifferenza u l-bruda li nnisslu fit-tfal lejn il-Madonna.
Meta Marija wieġbet lil Luċija qaltilha: “Jien is-Sinjura tar-Rużarju”. Kważi f’kull dehra titkellem dwar ir-rużarju għal paċi fid-dinja u l-waqfien mill-gwerra. Il-Madonna nnifisha tatna t-talba li ngħidu bejn posta u oħra: “O Ġesu’ tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna minn nar tal-infern u ħu l-ġenna l-erwieħ tal-mejtin kollha, speċjalment dawk li l-iktar għandhom bżonn il-ħniena Tiegħek”.
Jekk nisimgħu u ngħixu skond il-messaġġi ta’ Fatima, allura sseħħ il-vera paċi. Meta naċċettaw lil Alla jkollna l-paċi. Il-Madonna stess qalet: “Fl-aħħar il-qalb bla tebgħa tiegħi għad toħrog rebbieħa”. Fatima hi messaġġ ta’ tama. Il-qalb miftuħa għal Alla, ippurifikata bil-kontemplazzjoni t’Alla, hi aqwa minn kull kanun u minn kull tip ta’ arma. Fiha l-iva ta’ Marija – il-kelma li ħarġet minn qalbha – bidlet l-istorja tad-dinja, għax biha ġie s-Salvatur fid-dinja. Grazzi għall-iva tal-Madonna, Alla seta’ jsir bniedem fid-dinja tagħna u jibqa’ hekk għaż-żminijiet kollha. Ix-xitan għandu setgħa f’din id-dinja, bħal ma naraw u nesperjenzaw il-ħin kollu, imma Ġesu’ qalilna: “Jien dejjem magħkom” – dan hu l-messaġġ ta’ Fatima.