September 26, 2013
Posted by: kerygma
minn David Tanti
Papa Franġisku: “Ma nistgħux nkunu nsara part-time. Jekk Kristu Hu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, Hu jkun preżenti f’kull ma nagħmlu.”
.
Dan il-kliem huwa relevanti ħafna għalina l-insara – anke għalina li naħdmu fi ħdan il-Moviment, iktar u iktar issa li ser nagħtu bidu għal-laqgħat ta’ nhar ta’ Ġimgħa u fl-istess ħin, fid-dawl tal-Vanġelju tal-Ħadd li ġej (is-26 Ħadd tas-sena Ċ), il-Vanġelu tar-raġel sinjur u Lazzru. [pullquoteright] “Ma nistgħux nkunu nsara part-time. Jekk Kristu Hu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, Hu jkun preżenti f’kull ma nagħmlu.” Papa Franġisku [/pullquoteright]
.
B’dan il-kliem tal-Papa, li għalkemm huwa ftit, għandu tifsira importanti ħafna f’ħajjitna, għandna nifhmu li m’għandniex biss nippriedkaw u nitkellmu fuq Kristu imma rridu nħalluH ikun fiċ-ċentru ta’ ħajjitna permezz ta’ dak kollu li nagħmlu.
.
Fil-Vanġelu tar-raġel sinjur u Lazzru, naraw kif biex ngawdu lil Alla fl-eternita’, irridu ngħixuH f’din id-dinja. Nistgħu ngħixu lil Alla l-ħin kollu, billi nippriedkawH mhux biss bil-kliem iżda b’kull ma nagħmlu. Għalina l-insara trid tiġi naturali li kull ma nagħmlu, nagħmluh b’imħabba u mhux b’egoiżmu: waqt ix-xogħol, waqt mumenti ta’ rilassament, waqt li qed nsuqu, mal-familja, mal-barrani, mal-istramb, mal-fqir, mas-sinjur; bażikament il-ħin kollu u ma kulħadd irridu nkunu xhieda tal-imħabba ta’ Alla għalina!
.
Aħna u naħdmu biex inxandru ’l Ġesù nistgħu naljenaw rasna u filwaqt li nitkellmu dwar Kristu u nxandruH bil-kliem, nagħmlu l-oppost bl-għemil, anke bl-imġieba tagħna bejnietna. Għalhekk, ejja naħdmu u nitolbu ’l Alla biex inkunu kapaċi ngħixuH il-ħin kollu, u nkunu nsara full-time u mhux part-time, nsara bil-kliem u l-fatti, mhux bil-kliem biss – insara ta’ veru!
.
Fid-dawl ta’ dan il-kliem hija relevanti ħafna it-talba ta’ San Franġisk:
.
Talba tal-Paci
Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.
Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ.
La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien;
la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddieħor jien;
la tħallix li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.
Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu. Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura.
Għax meta mmutu, nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem.