Prayer Café #5 (31 Ħadd Ċ)
31 Ħadd ta’ matul is-sena.
Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru 2013
Dawn huma mumenti biex nirriflettu ftit fuq il-ħajja tagħna fejn nieħdu ftit edukazzjoni biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja nisranija tagħna. U b’dan id-diskors, Fr. Charles beda l-laqgħa tal-Prayer Café għax-xahar ta’ Novembru 2013.
Kompla jgħid li dan ix-xahar mhux ix-xahar tal-mejtin imma tal-ħajjin. Hu jara li dawn il-festi huma maqsumin fi tlieta: il-festa tal-qaddisin, il-festa tal-mejtin u l-festa tagħna. Għax aħna, ukoll imsejħin għall-qdusija li tfisser tama. Aħna qed nimmiraw għal ħajja oħra.
Aħna l-bnedmin ma tantx nitkellmu fuq il-mewt. Imbagħad jiġi żmien li nilbsu l-iswed u nibku. Pero’ fl-istess ħin, f’dan iż-żmien, tmur f’ħanut u ssib saqajn maqtugħin, skeletri, irjus eċċ. Din il-festa tal-Halloween ikkundannata b’mod ċar mill-knisja. Aħna niċċelebraw il-ħajja, aħna wlied id-dawl għalhekk għandna il-blandun fil-knisja.
Għandna dmir niftakru fil-mejtin. Fr. Charles qasam magħna ħsieb żgħir. Waqt funeral ħafna jilbsu l-iswed u jkunu mbikkma. Min jaf il-mejjet hux diġà ferħan dak il-ħin mal-Mulej?
Il-Vanġelu
Dawn il-laqgħat jgħinuna ħafna qal Fr. Charles, pero’ aħna rridu nagħmlu l-H.W. id-dar. Dan il-vanġelu huwa ritratt tagħna lkoll. In-nies, f’dan il-vanġelu kienu qed jagħtu t-taxxa mhux lill-gvern, bħalma nagħmlu aħna, imma lill-Imperu Ruman, ħakkiem barrani. Għalhekk il-folla lil Żakkew kienet tarah ikrah, għax kien korrot.
Imma Żakkew xtaq jara lil Ġesu’ minn aspett ta’ kurżita’. Hawnhekk nidhru aħna. Immorru l-quddies u naraw Ġesu’ x’sa joffri.
Żakkew mar jiġri biex jara lil Ġesu u mhux bil-lajma. Kellu ħeġġa u għamel minn kollox biex jarah. Hawnhekk bdiet dieħla l-fidi.
Aħna ma nistgħux nibqgħu nitolbu meta jkollna aptit. L-atleti ma jimxux bl-aptit, ma jittrenjawx biss meta jkollhom aptit. Aħna xi kultant fil-ħajja tagħna ma jkollniex aptit nitolbu. Il-ħeġġa ma tkunx hemm għax il-problemi jħawduna. Ma jkollnix moħħna kwiet. Ma jimpurtax, qal Fr. Charles, il-Mulej jaf. U hu tana parir sempliċi imma prattiku ħafna: issuġġerixxa li tajjeb li nżommu prayer book tagħna u meta inħossuna bla ħeġġa u bla aptit biex nitolbu, naqbdu dan il-prayer book u nibdew naqraw minnu. Iva bħall-pappagal imma Ġesu’ jaf. Importanti hu li ma nieqfux nitolbu meta ma jkollniex aptit.
Ġesu’ jagħti ordni mal-ewwel lil Żakkew u uża ismu. Għax Ġesu’ jafna b’isimna. Żakkew kollu ferħan laqgħu għandu, għax issa l-kurżita’ telqet. Iżda n-nies flok ferħu, iġġudikaw.
Żakkew tilef ġidu kollu imma rebaħ lil Ġesu’. Għax meta l-imħabba ta’ Ġesu’ tidħol ġo fik m’hemmx limiti.
Għalhekk importanti li tagħti spażju lil Alla f’ħajtek bħal Żakkew.