TEMMEN… MA TEMMINX – it-2 Ħadd tal-Għid, sena A – 16 t’April 2023
It-2 Ħadd ta’ l-Għid
TEMMEN… MA TEMMINX
Atti 2,42-47; Salm 117; 1 Pietru 1, 3-9; Ġwanni 20,19-31
Il-Vanġelu
Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Il-Ħsieb
San Tumas hekk ġralu wkoll … bħall-bniedem tal-lum ried imiss biex jemmen. U inti li forsi dejjem tiddubita Ġesù qed jistiednek issa mhux biss biex tmissu iżda biex jidħol fik. L-Ewkaristija huwa l-mument tal-verità li permezz tiegħu l-Mulej jinvadi l-qlub tagħna, il-ħajja tagħna, u jseħħ tassew it-tisħiħ tal-fidi.
Il-Kelma
L-ewwel qari mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli juri li l-għaqda ta’ l-ewwel insara kienet permezz ta’ l-Ewkaristija u t-talb. Is-Salm 117 itenni li aħna wkoll bħall-ewwel insara għandna nfaħħru lill-Mulej li ġabarna flimkien bħala Nsara. Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li nsibu fit-tieni qari, hemm silta li aktarx kienet innu li jingħad waqt il-magħmudija fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. Kemm it-twelid ġdid u l-ħajja ġdida ġew mogħtija lilna minn Kristu.
Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-każ ta’ Tumas li ma emminx qabel ra. Ġesù jfaħħar lil dawk li ma rawx u emmnu għax kbira hija l-fidi tagħhom.
IL-Ħajja
- Minn fejn tingħaraf il-fidi tiegħek… minn ħajtek?
- Kemm tassew għandek fidi f’Alla f’dak kollu li twettaq?
- X’tagħmel fil-mument li tonqos il-fidi tiegħek?
- Kemm tassew qed tħossok ma’ ħutek l-Insara familja waħda fit-talb u l-Ewkaristija?
Id-Djalogu
Mulej tiegħi u Alla tiegħi.