Ġebel Ħaj – Prayer Café: 7 ta’ Novembru 2014
Il-laqgħa Prayer Cafè tal-lum, il-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru 2014 bdiet b’talba. Imbagħad saru xi ħsibijiet:
Il-Konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran:
- Illum il-Qari jieħu post il-Qari tat-32 Ħadd matul is-Sena u huwa ddedikat għat-tifkira tal-Konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran li tinsab Ruma. F’din il-knisja il-Papa għandu l-katedra tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u ragħaj tal-Knisja kollha.
Id-Dmir u l-attitudni tagħna lejn il-Papa u l-awtoritá tal-Knisja:
- Bħala membri tal-Knisja, id-dmir tagħna huwa li nuru fedeltá sħiħa għat-tagħlim li l-Papa jxandrilna biex iwettaqna fil-fidi ta’ Kristu. Mhux il-mument biss li nħarsu lejh bħala mexxej iżda wkolla bħala gwida spiritwali.
- Kemm-il darba nisimgħu min jikkritika u juri ċertu dissens fil-Knisja. Dan ħafna drabi ma jkunx ġej minn diskussjoni għaqlija (bħal filkaż ta’ kummissjonijiet pastorali, sinodi, laqgħat ta’ evalwazzjoni eċċ.) imma jkun ġej minn sens ta’ suppervja għaliex l-iskop huwa ta’ ħsara.
- Illum għalhekk huwa l-mument fejn aħna niddikjaraw l-għaqda tagħna mal-Papa u nkunu qalb waħda miegħu u Ġebel Ħaj tal-Knisja fis-soċjetá tagħna.
Hawnekk nqara l-Evanġelju tal-Ħadd li ġej id-9 ta’ Novembru: San Ġwann Kapitlu 2, Versi 13-23.
Wara l-qari tal-Evanġelju saru xi ħsibijiet dwar din is-silta:
X’risposta jkollu kieku wieħed jistaqsi għaliex inbniet xi knisja partikulari?
- Ċertament li r-risposta trid tkun li din ġiet mibnija biex tkun id-Dar ta’ Alla. Mhix sempliċiment post ta’ laqgħat jew auditorium jew xi post fejn isiru l-kunċerti u d-drama.
- Din id-Dar għandha skop wieħed: Biex issaħħaħ ir-relazzjoni TAGĦNA ma’ Alla. Il-knisja hija post tal-komunitá ta’ Alla. Hemm niltaqgħu bħala grupp f’post qaddis li fih inkunu fil-preżenza speċjali ta’ Alla.
- Dik il-fjamma żgħira tixgħel quddiem it-tabernaklu hija sinjal li Alla qiegħed jgħix verament hemmhekk. Dan mhux sinjal imma preżenza reali ta’ Ġesú fostna. Per Eżempju: F’ċertu knejjes ortodossi, bħala sinjal ta’ rispett joħorġu mil-knisja mexjin b’lura biex ma jagħtux darhom lejn dak li hu mportanti għalihom. Aħna kultant ma nurux dan it-tip ta’ rispett lejn id-dar ta’ Alla u Alla nnifsu li sippost nemmnu li jinsab fiha.
- F’dan l-Evanġelju li smajna, Ġesú jimtela’ b’rabja qaddisa meta daħal fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u sab li aktar kien jixraq li dan il-lok ikun imsejjaħ suq milli tempju ta’ Alla.
- X’jistgħu ikunu dawn l-affarijiet li kieku Ġesú jiġi f’xi knisja illum ma jkunx jixtieq li jara?
“It-tempju jeżisti biex tadura lil Alla. U proprju għalhekk huwa punt ta’ riferiment tal-komunitá, magħmula minn persuni li huma huma stess tempju spiritwali fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu.” Papa Franġisku
Il-Papa spjega kif skont l-istorja tat-Tempju t’Alla:
- Tibda bl-Arka tal-Patt li l-poplu Lhudi kien iġorr miegħu. Din tissemma’ fil-Ktieb tal-Eżodu u kien fiha t-twavel tal-liġi, il-bastun ta’ Aron, kontenitur bil-manna kif ukoll it-Torah, il-liġi ta’ Alla. (Ara Eżodu 37) Din kienet il-preżenza ta’ Alla fost il-poplu magħżul tiegħu.
- Salamun iddeċieda li jibni Tempju, bini ddedikat lil Alla li ridt tmur hemmhekk biex inti tqim lil Alla.
- Dan sar tempju ħaj: Ġesú Kristu; li permezz tiegħu aħna ningħaqdu kompletament ma’ Alla bħala ġebel ħaj ta’ dan it-tempju li huwa l-Knisja.
- Kollox ikompli anke wara l-mewt f’Ġerusalemm tas-sema fil-glorja ta’ Alla.
F’dan id-diskors il-Papa qal ukoll li fit-tempju ta’ Alla tmur biex:
- Titlob
- Tfaħħar lil Alla
- Tiżżi ħajr
- Tadura (fuq kollox biex tadura: il-Papa jinsisti li l-adorazzjoni hija mportanti aktar minn kull innu liturġiku) It-tempju jżid il-Papa għandu jkun post ta’ talb, u mhux ta’ xi ħaġa oħra.
It-Tieni Qari: Aħna wkoll it-Tempju ta’ Alla – fina jgħammar l-Ispirtu s-Santu
Wara din id-diskussjoni dwar l-evanġelju nqara it-tieni qari ta’ nhar il-Ħadd li ġej (1Kor 3, 9-11.16-17) u tkellimna dwaru.
- Kull wieħed/waħda minna huwa t-tempju ta’ l-Ispirtu Qaddis t’Alla. Fina tgħammar it-Trinitá bil-grazzja tagħha. Kull wieħed/waħda minna huwa tempju ħaj fejn jgħix Alla. Fil-fatt jekk jinqered il-bini tat-tempju (il-knisja tal-ġebel) l-iktar ħaġa mportanti tibqa ħajja; Aħna: il-Knisja t’Alla tibqa soda.
- Kemm dawk li jħarsu lejna, jew jisimgħuna jitkellmu huma konxji li għandhom quddiemhom tempju ħaj fejn jgħammar Alla ġewwa fih? Kemm qegħdin jaraw ħwejjeġ qaddisa mwettqa minna jew kemm qegħdin jisimgħu ħwejjeġ qaddisa mingħandna?
- Ta’ min jara x’inhu jseħħ fit-tempju tagħna; jekk dak li nagħmlu jaqbilx ma’ dak li nemmnu u nistqarru. Għandna nieqfu u neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk aħniex verament it-Tempju ta’ Alla.
- “Jekk xi ħadd iħobbni jżomm kelmti, u Missieri u jiena niġu ngħammru għandu.”(Ġw 14,23)
- Il-Papa Franġisku saħaq li għandna nippurifikaw ruħna permezz:
- Tat-talb
- Tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni
- Bl-Ewkaristija
- Wieħed mill-modi ta’ kif nistgħu nagħmlu eżami tal-kuxjenza huwa billi naraw kemm qegħdin nimxu mal-Beatitudnijiet. (Lq 6, 20-26)
Il-laqgħa spiċċat bit-talb fejn nqara is-Salm responsorjali ta’ nhar il-Ħadd li ġej:
Salm 45
Rit: Tifraħ il-belt ta’ Alla!
Kenn u qawwa hu Alla għalina;
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed,
jew jiġġarrfu l-muntanji f ’nofs il-baħar.
Hemm xmara li s-swieqi tagħha
jferrħu l-belt ta’ Alla,
il-għamara qaddisa tal-Għoli.
F’nofsha hemm Alla, ma titħarrikx,
jgħinha Alla mat-tbexbix tal-għodwa.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb.
Ejjew, araw x’għamel Alla,
il-għaġeb li għamel fuq l-art.
Talba ta’ l-Għeluq:
O Missier, inti tajtna lil Ibnek Ġesú bhala t-tempju l-ġdid ta’ dan il-patt il-ġdid bejnietna. Dan it-tempju mhux mibni b’idejn umani imma mill-Ispirtu s-Santu. Filwaqt li nilqgħu bil-fidi l-Kelma tiegħu, agħmel li aħna nistgħu ngħixu f’dan it-tempju permezz ta’ Ġesú Kristu u b’hekk inkunu nistgħu nagħtuk qima fl-Ispirtu u l-veritá. Iftaħ għajnejna ghall-bżonnijiet ta’ ħutna li huma wkoll membri ta’ dan il-Ġisem ta’ Kristu sabiex filwaqt li nservuhom inkunu qegħdin nagħtu qima lilek. Nitolbuk dan permezz ta’ Kristu Ġesú sidna. Ammen.