TEMPESTA TA’ TWEMMIN – It-12-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 23 ta’ Ġunju 2024

TEMPESTA TA’ TWEMMIN – It-12-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 23 ta’ Ġunju 2024

June 16, 2024

It-12-il Ħadd Matul is-Sena

TEMPESTA TA’ TWEMMIN

Ġob 38, 1.8.11; Salm 106; 2 Korintin 5, 14-17; Mark 4:35-41

Il-Vanġelu

     Dakinhar, xħin sar filgħaxija qalilhom: “Ejjew naqsmu  għax-xatt l-ieħor.” Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.  U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela  bl-ilma.  Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu m’hu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Mbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.

     U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”  U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

Il-Ħsieb

     Ħajja mimlija tempesti.  Ħajja mimlija għawġ.  Ħajja mimlija difetti u dipressjoni… insomma litanija ta’ għawġ.  Possibbli ma hemm xejn sabiħ fil-Ħajja?  Taħt it-toqol tas-salib tara biss dmija?  Taħt it-toqol tas-slaleb tal-ħajja ħafna drabi ftit tara dwal.  Iżda kemm tassew ilkoll kemm aħna nifhmu li Ġesù jinsab magħna dejjem?  Ġesù jinsab magħna

sa l-aħħar taż-żminijiet u qatt m’hu se jħallina waħedna.  Kemm tassew aħna konvinti li anki fil-mument tat-tempesti

kbar ta’ ħajjitna lkoll kemm aħna rridu nħarsu lejn Ġesù

bħala dak li jqawwilna l-għemil u d-deċiżjonijiet tagħna permezz tal-fidi?

     Ġesù kontinwament iqum u jsikket l-irwiefen ta’ ħajjitna.  Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn dawn it-tempesti.  Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn mumenti ta’ qtigħ il-qalb.  Ilkoll kemm aħna rridu kontinwament nisimgħu ċ-ċanfira ta’ Ġesù:

Dal-biża’ kollu għaliex?  Mela ma għandkomx fidi?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ Ġob.  Fuq

Ġob waqgħu diżgrazzji u tbatijiet kbar.  Sa fejn jaf hu Ġob ma

għamel l-ebda ħażen.  F’din is-silta Alla jkellem lil Ġob u jurih li moħħ il-bniedem qatt ma jista’ jifhem is-setgħa ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 106 fejn għandna tifħir lill-Mulej għaliex hu tajjeb, għax it-tjieba tiegħu hi għal dejjem.  Fit-Tieni Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin għandna lil San Pawl itenni li Kristu qam mill-imwiet.  Lil dawk li jingħaqdu miegħu fil-fidi, jgħaqqadhom miegħu billi jagħtihom sehem minn ħajtu u

jagħmilhom ħolqien ġdid.

     Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-ġrajja tat-tempesta li permezz tagħha San Mark ried jurina min hu Ġesù.  Ġesù jsikket lir-riħ u lid-dixxipli mill-biżà tagħhom.

Il-Ħajja

  1. Ġesù qed jgħid lili u lilek jekk għandniex il-fidi.
  2. Fil-ħajja tagħna, fil-mumenti tat-tempesti, ħafna drabi jaqbadna l-biża’. Imma għaliex nibżgħu?  Minn xiex nibżgħu?  Għaliex ngħixu fil-biża?
  3. Il-fidi tagħna li aħna ngħixu qed tiżra’ fina l-biża? Fejn hija l-qawwa u l-kuraġġ li jiġu mill-fidi tagħna?
  4. Tempesti se niltaqgħu magħhom kull ħin. Kemm qed tgħinna negħlbuhom il-fidi tagħna?
  5. Bħala Nsara konvinti li għandna lil Ġesù dejjem magħna?

Id-Djalogu

  Ġesù għinni negħleb il-biżà matul ħajti.

  Ġesù, nafda fik

  f’kull proġett li nwettaq.

  Għinni biex nirbaħ it-tempesti kbar ta’ ħajti.