“MULEJ, MIN JISTA JSALVA?” – It-28 Ħadd Matul is-Sena – 13 t’Ottubru 2024
It-28 Ħadd Matul is-Sena
“MULEJ, MIN JISTA JSALVA?”
Għerf 7, 7-11; Salm 89; Lhud 4: 12-13; Mark 10: 17-30
Il-Vanġelu
Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ‘l ommok.” U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla! Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.” Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej. U ħafna li huma ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel.”
Il-Ħsieb
“Mur biegħ kulma għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor kbir fis-sema.” Hekk wieġeb Ġesù liż-żgħażugħ għani meta dan wera x-xewqa li jitlaq kollox għal wara Ġesù. Ġesù għamillu dawn il-kundizzjonijiet qabel qallu biex jimxi warajh. Iż-żagħżugħ, li jirrapreżenta lil ħafna minna, qarras wiċċu għax kellu ħafna ġid. Kien marbut ma’ tant affarijiet ta’ din l-art. Kien skjav ta’ proġetti li, minkejja li kienu ta’ ġid, ta’ valur materjali, lilu naqqsulu l-libertà li jagħmel għażla ħielsa għal Ġesù. Minn hawn nistgħu naraw ukoll jekk aħna għandniex ir-rieda ħielsa li nimxu wara Ġesù u nitilqu kollox. Ġesù jitlob minna lkoll radikalità fl-għażla tagħna għalih. Jew miegħu jew kontra tiegħu. M’hemmx triq ta’ kompromess fin-nofs. Itenni li ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus.
Il-ħajja tagħna, bl-għażliet li nwettqu, trid tkun mument fejn ilkoll kemm aħna naċċettaw ir-rieda tagħna f’dak kollu li nwettqu u niltaqgħu miegħu kull ħin. Dan huwa proġett iebes. Għalhekk l-appostli tennew: “Mulej, min jista’ jsalva?” Pietru mar pass ieħor: “X’se nieħdu issa li tlaqna kollox?” Ġesù jwieġeb. Iwieġeb li se nieħdu anki persekuzzjonijiet. Il-liturġija tal-lum tifħilna għajnejna u qalbna beraħ għall-messaġġ radikali biex nagħmlu għażla ċara għalih. Għandna l-kuraġġ inwettquha?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, insibu innu li l-għerf huwa don u rigal kbir ta’ Alla li jissupera kull ġid ta’ l-art. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn salm 89, għandna karba biex il-Mulej ikun l-għajnuna tagħna għax mingħajru
ħajjitna ma hi xejn. Fi-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, għandna tifsira tal-qawwa tal-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla toħloq kollox, issaħħaħ il-bniedem, turih lilu nnifsu u tqawwih. Fil-Vanġelu ta’ San Mark illum għandna d-domanda taż-żagħżugħ għani kif ukoll l-ispjega ta’ Kristu fuq min se jsalva. Id-domanda ta’ l-appostli u ta’ Pietru kienu domandi prattiċi. Il-Mulej juri li se jħallas min din id-dinja stess, flimkien ma’ persekuzzjonijiet li se jiltaqa magħhom, lil min se jipprova jgħix il-Kelma ta’ Alla.
Il-Ħajja
- Bħala Nsara rridu nippjanaw ħajjitna fuq il-Kelma ta’ Alla Fuqha rridu naraw ir-rieda ta’ Alla fl-għażliet tagħna. Qegħdin inħalluha taqta’ fina bħal xabla b’żewġt ixfar?
- Kemm tassew qegdin infittxu li fil-ħajja tagħna ngħixu skond l-għerf li jagħtina l-Mulej u mhux skond il-ġid materjali?
- Qatt stqasejt jekk qalbek hix marbuta ma’ Alla jew mal-ġid u proġetti materjali?
- Kemm tassew kapaċi fil-ħajja tiegħek tinqata’ u tkun ħieles minn dak li għandek biex timxi wara Ġesù.
- Meta ssegwi lil Ġesù meta timxi u titkellem miegħu, tħossok liberu?
- Ġesù jħallasna minn din id-dinja stess.
Id-Djalogu
Mulej, grazzi għal dak kollu li tipprovdili kuljum.
Għinni ma nintrabatx miegħu
iżda nużah għall-ħtiġijiet tiegħi u tal-proxxmu,
naqqax minni kuljum bil-kelma tiegħek
l-egoiżmu li jista’ jinbet fija,
ħalli nħoss il-veru ħelsien
li ksibtilna bil-fidwa tiegħek.