AWTORITÀ BIEX TAQDI – Id-29 Ħadd Matul is-Sena – 20 t’Ottubru 2024
Id-29 Ħadd Matul is-Sena
AWTORITÀ BIEX TAQDI
Isaija 53: 10-11; Salm 32; Lhud 4: 14-16; Mark 10: 35-45
Il-Vanġelu
Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Ghandha,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”
L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”
Il-Ħsieb
Awtorità biex taqdi. M’huwiex slogan iżda l-ideal nisrani ta’ servizz. “Min ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Idea li hija kontra l-kurrent ta’ żmienna. Il-kultura tal-lum teżalta lill-awtorita u tonfoħ kull awtorita biex tidher, iżda fl-istess nifs titfa’ ruxxmata suspetti lejn l-istess awtorita. Il-Mulej iżda jridna nkunu ta’ servizz, u aktar ma tkun fl-awtorita aktar għandek isservi lil għajrek bil-possibbilta tiegħek kollha. Ġesù jpoġġi l-eżempju tal-missjoni li ġie biex iwettaq b’qadi f’din id-dinja, “biex jagħti ħajtu għall-kotra.” Hekk tfisser il-vera mħabba meta inti tagħti kollox mingħajr l-ebda interess għal għajrek… u Ġesù kien l-Iben ta’ Alla. Fis-soċjeta tagħna hemm bżonn ta’ min imexxi iżda huwa importanti li kull awtorità toħroġ il-qawa tagħha. Kull awtorità li imponiet ħolqot stat ta’ tirannija u ġabet stmerrija. Bħala Nsara għandna nknu ta’ servizz kontinwu, hi x’inhi l-awtorità li nħaddnu u nħaddmu.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, il-profeta jsemmi lill-qaddej t’Alla li ntgħażel minn alla biex jirrappreżenta l-komunità u jġib fid-dinja l-ġustizzja u l-paċi. Minkejja dan, jiġi msawwat u maqtul. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 32, huwa talba lill-Mulej ħa tkun fuqna t-tjubija u l-barka tiegħu. Fit-Tieni Qari għandna silta mill-Ittra lil-Lhud fejn Kristu qiegħed fil-glorja tas-sema wara li bata u miet għalina l-bnedmin. Huwa dejjem lest li jgħin lil dawk li jersqu lejh fil-qawwa tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Mark naraw li Ġesu għadu kemm ħabbar għat-tielet darb l-passjoni tiegħu. Id-dixxipli ma fehmuhx. anzi, ulied |ebedew bdew ifittxu l-glorja. Ġesu jurihom xi tfisser tmexxi. Tagħme sens biss jekk isservi.
Il-Ħajja
- Kemm fhimt s’issa f’ħajtek il-missjoni salvifika ta’ Ġesù?
Kemm tassew qed tgħixha fil-ħajja tiegħek?
- Fil-ħajja ta’ kuljum, kull bniedem li jgħix għandu l-
awtorità bil-mod kif jitkellem u jaġixxi. Dan ukoll huwa
poter u awtorità. Kemm tassew qed ngħixu għal
ħaddieħor? Kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor? Kemm qed
ngħinu lil ħaddieħor?
- Kull tmexxija, kemm spiritwali u ċivili, għandha bżonn
l-għajnuna u l-koperazzjoni tagħna. Bħala ċittadin ta’
pajjiż u membru ta’ komunità nisranija qed naqdu
dmirna sewwa għal dak li tordna l-awtorità għall-
ġid komuni?
Id-Djalogu
Mulej, dawwal lil kull min għandu l-awtorità,
biex jużaha b’għaqal,
għall-ġid komuni,
u b’servizz lill-proxxmu fil-ħtieġa.