TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid – 26 ta’ Mejju 2019

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX! – Is-Sitt Ħadd tal-Għid – 26 ta’ Mejju 2019

May 20, 2019

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!

Atti 15: 1-2, 22-29; Salm 66;  Apokalissi 21:10-14, 22-23; Ġwanni 14, 23-29

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

      “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.  Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu

 

Il-Ħsieb

     Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna.  M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk wara ma nħarsux il-kelma tiegħu għaliex hija din il-kelma li tagħtina l-ħajja kull ħin.  Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi.

     Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja.  Jaf li ħafna drabi nwegħdu ħafna iżda wara ma nagħmlu xejn.  Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà.  U dan jgħodd għal kulħadd, kemm min iġorr responsabbiltà ta’ familja kif ukoll dawk li jġorru responsabbiltajiet ta’ tmexxija għolja fil-pajjiż.

     Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna.  Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn insibu li fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet kienet qamet kwistjoni dwar jekk il-pagani li jikkonvertu għandhomx jgħaddu mir-riti tar-reliġjon Lhudija.  Il-Knisja ta’ Antijokja għaddietha lill-knisja f’Ġerusalemm u sar l-ewwel Konċilju li stieden lil kulħadd għall-għaqda u l-imħabba, għax fil-Knisja ma jeżistux Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu  Ġesù.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 66, jurina li għaliex aħna magħqudin ma’ Kristu għandna sehem mill-barkiet imwegħda fl-imgħoddi minn Kristu nnifsu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, jittratta s-sbuħija tal-Knisja u jħares lejha meta tilħaq il-milja tagħha fis-sema.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum għandna lil Ġesù jgħid li Alla nnifsu jiġi joqgħod fina meta aħna lkoll inwettqu l-kelma tiegħu.  Hija l-preżenza Trinitarja li tmexxina.  Din hija l-imħabba kbira li Ġesù jwiegħed lilna jekk inħobbuh bil-fatti u bl-għemejjel tagħna.

Il-Ħajja

  1. Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù. Din mhix risposta għal domanda li konna nwieġbu fil-klassi tal-katekiżmu.  Hija d-domanda għall-ħajja tagħna lkoll.  Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?
  2. Irridu bħala Nsara nitolbu u naħdmu għall-unità fil- Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ġie mtenni li fil-Knisja m’hemmx Lhud jew Grieg iżda lkoll ħaġa waħda fi Kristu.  Qed naħdmu u nitolbu bħala Nsara għal dan?
  3. Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?
  4. “Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?
  5. M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.

Id-Djalogu

  Mulej, illum stedintna biex

  ma nitħawdux u ma nibżgħux;

  taf li aħna bnedmin.

  Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,

  u ngħixu ħajjitna miegħek

  sabiex tkun dejjm magħna.