Prayer Cafè – 13 t’Ottubru 2017
Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment. Imbagħad ingħad il-Manifikat.
Il-Manifikat hu l-innu li nisġet Marija fil-laqgħa tagħha ma’ Eliżabetta. Nistgħu nieqfu superfiċjalment quddiem dan l-innu – omm Alla qed tfaħħar lil Mulej tal-ħwejjeġ kbar li għamel magħha. Nistgħu nieqfu hemm – u nistgħu nidħlu iktar fl-azzjoni. Marija, tfajla ta’ 15-il sena, ftit jiem qabel kellha d-dehra tal-Anġlu li ħabbrilha li se tkun omm Alla. Jekk nieqfu hawn, ngħidu kemm kienet iffurtunata. Fil-fatt kienet xi ħaġa ferm diffiċli. Kif se tgħid lil ġenituri? Dik l-ewwel “iva” ta’ Marija ġabet piż kbir magħha. X’se tgħidlu lill-għarus tagħha? Ta’ bniedem li kien żgur kien se jaħseb li kien hemm tradiment. Il-Lhud kellhom liġi li mara li toħroġ tqila barra miż-żwieġ tiġi mħaġġra. Hawn nibdew naraw dil-ġrajja b’mod differenti.
Naraw il-tieni “iva” ta’ Marija. Titlaq kollox biex tmur tgħin lil Eliżabetta. Daqsxejn ta’ tfajla tagħmel vjaġġ ta’ 150 kilometru – minkejja li l-ewwel “iva” tagħha setgħet tħammrilha wiċċha u tesponijha għat-tħaġġir. Ġużeppi seta’ m’aċċettax dak li qallu l-anġlu. Marija għarfet ir-riskji ta’ dik l-“iva” u ġarrithom fuq spallejha. Riskju ieħor kien il-vjaġġ. Ma beżgħetx timxi t-triq, u spiċċat tfaħħar lil Alla.
Meta aħna nkunu taħt il-piż tal-ħajja u kollox jidher ġej ħażin, spiss neħduha kont’Alla. Il-problema hi l-fidi għamja. Irid ikollna fidi qawwija. Mhix faċli! Insaqsu: kif għaddej minn dan kollu u Alla ma jismagħnix? Niftakru fis-sitwazzjoni ta’ Marija meta għamlet dan l-innu ta’ tifħir lil Alla. Mhux talli ma gergritx, imma qalet “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. Meta nkunu magħfusin, xorta għandna nfaħħru lil Alla.
Hawnhekk inqara’ l-Vanġelu tal-Ħadd – il-Parabbola tal-Festa tat-Tieġ – Mt XXII vs 1 – 14. Din hi waħda minn sensiela ta’ parabboli li Ġesu’ ndirizza lejn il-mexxejja tal-Lhud. Ried jurihom li ma kellhom l-ebda privileġġ speċjali li ser jidħlu l-ġenna ghax kienu Lhud. Sejħilhom għall-festa u ma marrux. Tilfu ċ-ċans. Ġesu’ ried juri lilhom u lilna lkoll għaliex għandna naħdmu biex immorru l-ġenna. San Pawl kellu dehra tal-ġenna u qal “l-ebda għajn qatt ma rat u ebda widna qatt ma semgħet”. Ġesu’ qal din il-parabbola biex jgħina nifhmu. Qed iqabbel is-saltna tas-sema ma’ festa – il-festa li tara lil Alla wiċċ imb’wiċċ. Wara din il-ħajja r-ruħ tagħna ser tkum qed tgawdi lil Alla. Bħalma aħna nkunu nixtiequ niltaqgħu ma’ xi ħadd għażiż wiċċ imb’wiċċ, avolja bil-mezzi tal-komunikazzjoni nistgħu nitkellmu u narawh kuljum, hekk ir-ruħ għatxana li tiltaqa’ m’Alla. Wara din il-ħajja ħa nkunu nafu lil Alla b’mod intimu. Biex naslu s’hemm irridu nirsistu. Il-premju tieħdu jekk tkun ħdimt għalih.
Hawnhekk Fr. Reno ħalla ftit ħin għal mistoqsijiet. Waħda minnhom kienet dwar x’hemm u x’toqgħod tagħmel fil-ġenna. Il-parabboli jqabblu l-ġenna ma’ festa tat-tieġ biex jgħinuna nifhmu. Hija r-ruħ li tgawdi, imma moħħna jrid spjegazzjoni. Il-firda ta’ persuni mill-għeżież tagħhom hi iebsa u ta’ niket, imma nafu li qegħdin fil-post li tant ħadmu għalih.
Mistoqsija oħra kien “Min ma jemminx, kif se tfehmu dan kollu?” Min jaħseb li mal-mewt jispiċċa kollox, qed ipoġġi l-bniedem fuq l-istess livell ta’ annimal. Imma dan mhux hekk, għax il-bniedem għandu l-ispiritwalita’. Mistoqsija oħra kienet dwar il-Ġudizzju. Dan isir minn Alla biss. Ġesu’ qal “Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati”.