Prayer Cafè: ID-29 ĦADD TA’ MATUL IS-SENA – AWTORITA’ BIEX TAQDI – taħdita mis-sur Joe Huber, il-Ġimgħa 19 t’Ottubru 2018.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara nqara l-Vanġelu tal-Ħadd, Mark 10: 35-45 – it-talba li Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, għamlu lil Ġesu’ – li wieħed joqgħod fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug ta’ Ġesu’ fil-glorja Tiegħu.
Din is-silta tkellimna dwar it-tentazzjoni tal-poter, tas-setgħa. Dawn iż-żewġt appostli kienu l-istess tnejn li ftit taż-żmien qabel kienu preżenti għat-Trasfigurazzjoni. Meta għamlu din it-talba, probabilment f’moħħhom kien għad għandhom id-dehra tal-glorja, u m’aċċettawx il-kliem li kien qallhom Ġesu’ ftit qabel – li ried ibati u jmut qabel ma jerġa jidher f’dik il-glorja. Ma ridux jaċċettaw li biex tasal għal glorja trid bilfors tgħaddi mit-tbatija.
Din il-ġrajja seħħet fi triqthom lejn Ġerusalemm, fejn Ġesu’ kellu jbati, fejn in-nies riedu jonsbuh, bħal Fariżew li stiednu għall-ikla. Jista’ jkun li fina hemm xi ftit minn din l-ipokrisija? Aħna l-ħin kollu nagħmlu l-kompromessi f’ħajjitna. Il-Papa Franġisku juża l-espressjoni “x-xitan edukat” – li jidħol fin fin, iħabbat, jitolbok biex jgħaddi. Kultant, fis-suppervja tagħna, naħsbu li nistgħu niqfulu, imma fil-ftit il ftit ikun qed imexxilna qalbna.
Dan l-episodju ġara wara t-tielet tħabbira tal-Passjoni. L-attitudni ta’ Ġakbu u Ġwanni hi materjali, tad-dinja. Ftit qabel, Ġesu’ kien qal lil Pietru “xitan” għax kien qed jaħseb bil-mentalita’ tad-dinja u mhux t’Alla.
Iż-żewġ dixxipli għandhom dak li jissejjaħ “selective hearing” – nifhmu biss dak li jaqblilna. Fil-mentalita’ tal-Lhud, is-saltna tfisser saltna temporali. Ma setgħux jiċħdu il-kultura Lhudija tagħhom. Għalihom is-saltna kienet tfisser il-ħelsien mill-ħakma Rumana. Meta qed jaraw is-saltna f’dan id-dawl, huma qed jitolbu postijiet fejn jistgħu jaqsmu s-setgħa. Ftit qabel, l-Appostli kienu qalgħu ċanfira oħra mingħand Ġesu’, għax fit-triq kienu qagħdu jiddiskutu min minnhom kien l-ikbar. It-tweġiba ta’ Ġesu’ kienet “Min irid ikun l-ewwel irid ikun l-ilsir ta’ kulħadd”.
Jista’ jkun li din id-diskussjoni qanqlet lil Ġakbu u l-Ġwanni biex jitolbu dan il-privileġġ. L-oħrajn ma kinux inqas minnhom – irrabjaw għalihom – għaliex intom u mhux aħna? L-Evanġelista ma jgħidilniex għaliex irrabjaw, imma bħala bnedmin nistgħu nimmaġinaw. Ġiethom l-għira. It-talba saret ukoll b’ċerta arroganza: “dak li ser nitolbuk irridu li ttihulna”. Jużaw l-imperattiv, nuqqas ta’ umilta’. L-ambizzjoni dejjem kienet fil-bniedem, illum forsi iktar minn qabel. L-egoiżmu llum sar predominanti.
Issa, minkejja li Ġakbu u Ġwanni donnhom ma fehmux dak li kien għadu kemm kellimhom fuqu Ġesu’, Hu juri li l-missjoni Tiegħu hi dik li jgħin lil bniedem jagħraf lilu nnifsu, jagħraf it-triq li twasslu għas-salvazzjoni, it-triq tas-sagrifiċċju. Allura jistaqsi “Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li ser nixrob Jien, u titgħammdu bil-magħmudija li ser nitgħammed jien?”. Forsi b’ċerta preżunzjoni jwieġbu iva. Ġesu’ jurihom li l-kalċi u l-magħmudija Tiegħu għandha rabta mal-mewt Tiegħu u dik tal-appostli stess. B’dawn iż-żewġ elementi, Ġesu’ qed juri li qed jieħu fuqu d-dnubiet tad-dinja kollha, akkost li jtemm ħajtu biex iwassal fi tmiemha l-missjoni li l-Missier fdalu f’idejh.
Aħna moħħna fis-setgħa, imma t-triq li għadda minnha Ġesu’ ma kinitx triq ta’ tlellix, ta’ xi karriera. San Ġwann il-Battista kien qal “Dan hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”.
Iż-żewġ appostli ma fehmux il-kelma ta’ Ġesu’ – inkella fehmuha kif jaqblilhom. Dan il-punt għandu jgielna nirriflettu. Il-preżunzjoni tidher kemm hi dgħajfa fit-tmiem ta’ ħajjitha. Meta raw il-gwaj, l-appostli kollha telqu, għalkemm wara sabu l-kuraġġ li jaffrontaw anke l-mewt, meta fihom niżel l-Ispirtu s-Santu.
Aħna wkoll ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-Ispirtu t’Alla. Kif qal il-Papa Franġisku, “L-Ispirtu s-Santu hu l-ħmira li tgħolli l-għaġna ‘l barra”. Dak li ġara lill-appostli jiġri lilna wkoll. Meta jibdew imexxuna r-raġunamenti umani, ikun “ix-xitan edukat” li jbegħdna mill-ħajja evanġelika, u allura bejnietna jinħoloq nuqqas ta’ ftehim, ġlied, disgwid, etċ. Iktar minn qatt qabel qed insiru mgħallmin tagħna nfusna. Nippretendu li aħna ndipendenti, li nistgħu ngħaddu mingħajr it-tagħlim tal-Knisja. Il-veru dixxiplu, anke jekk għandu xi pożizzjoni għalja fis-soċjeta’, irid jibqa’ dejjem wild Alla, dejjem Alla hu missieru. Infatti, fis-Sinodu dwar iż-żgħażagħ, intqal li liż-żgħar hemm bżonn li ngħallmuhom kif ikunu ċittadini tajbin, onesti, għax dawn, meta jikbru, leħinhom se jħalli timbru fuq is-soċjeta’ – timbru ta’ mġieba eżemplari fid-dawl tal-Vanġelu, anke jekk dan jista’ jiswa tbatija.
Dan jorbot ma’ dak li qal Ġesu’ lid-dixxipli Tiegħu – “Tafu intom dawk in-nies li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet jaħkmu fuqhom u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhomn fuqhom. Fostkom, imma, m’għandux ikun hekk. Min irid ikun kbir irid ikun qaddej, min irid ikun l-ewwel, irid ikun ilsir, għax anke Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra”.
Ġesu’ jrid jgħid li l-kilba tas-setgħa titwieled mall-bniedem. Hi tentazzjoni kbira. Irridu nħaddmu din is-setgħa anke fiċ-ċrieki żgħar tagħna – fil-familja, fil-parroċċa. F’dak li nagħmlu ħafna drabi jkun hemm element ta’ arroganza. B’hekk jiżdied id-disgwid, l-għira, t-tqassis. Bejnietna m’għandux ikun hekk. Min għadnu l-poter, għadnu l-obbligu li jħaddmu, mhux għal vantaġġ tiegħu, imma biex itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tas-soċjeta’. Meta aħna nkunu egoisti, nkabbru fina l-indifferenza.
Irridu nsaqsu lilna nfusna: l-imħabba kif qed inħaddmuha? Hi superfiċjali, nistennew ħlas lura, jew hi altruista? Irridu nagħtu bla ma nistennew xejn lura. Irridu nagħtu l-ħin tagħna, r-riżorsi tagħna. Il-ġid qiegħed hemm biex jintuża għall-oħrajn.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna – it-talba li tgħinna ngħelbu l-arroganza.