Prayer Cafè: IT-TIENI ĦADD TAR-RANDAN – taħdita mis-Sur Joe Huber, il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu, 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Imbagħad inqara l-Vanġelu minn San Luqa, k96, v287-36 ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’ fuq it-Tabor.
Ir-Randan u l-Avvent huma “t-tempi forti” – żminijiet qawwija – li fihom il-Knisja tistedinna biex nagħmlu sforz akbar ħalli ntejbu l-ħajja spiritwali tagħna, biex dejjem nagħmlu passi l-quddiem, u naturalment nipperseveraw, mhux wara li jgħaddu nerġgħu lura fejn konna qabel!!
Matul dawn il-ġimgħat il-Knisja tippreparana għall-Għid il-Kbir, il- qofol kollu tat-twemmin tagħna, b’serje ta’ Vanġeli li jgħinuna nirriflettu aħjar fuq il-mixja tagħna lejn l-iskop għalfejn ninsabu fid-dinja – il-ħajja ta’ dejjem.
Il-Ħadd li għadda kellna t-Tentazzjonijiet. Il-Knisja ttina dis-silta biex tgħinna nirriflettu, nifhmu li Ġesu’ kellu jgħaddi mill-istess tiġrib li ngħaddu minnu aħna biex toħroġ l-umanita’ kollha Tiegħu, biex jurina li t-tentazzjonijiet nistgħu negħlbuhom – kif qal il-Papa Franġisku – mhux bid-djalogu max-xitan, imma bil-Kelma t’Alla u bil-familjarita’ tagħna magħha.
F’dan it-tieni Ħadd, il-Knisja ttina t-Trasfigurazzjoni – il-glorja, it-teofanija (Alla juri min hu Ibnu) l-oħra wara dik tal-Magħmudija.
Wara li affronta t-tentazzjonijiet, issa Ġesu’ qed jurina għala hu tajjeb li nitqabdu kontra l-ħażen, li nagħmlu ħilitna biex ngħelbu lilna nnfusna, li “vale la pena” nitqabdu spiritwalment, għax l-Għid ifisser li ngħaddu minn dil-ħajja għal stat li San Pawl jgħidilna li la għajn qatt ma rat, la widna qatt ma semgħet x’ħejja Alla għal dawk li jħobbuh.
Ħajjitna spiss donnha bla kulur, ċatta, rutina, imma l-ħajja fi Kristu, qribu, tfisser li ngħaddu minn dil-medjokrita’ u nidħlu fi stat ta’ ħajja ġdid, mill-medjokrita’ ngħaddu għas-sbuħija, mhux dik fiżika li tipproponielna l-ħin kollu d-dinja, il-maskra li, skond il-Papa Franġisku, jekk nilbsuha Alla ma jagħrafniex!
Ifisser li mlll-vanaglorja (kelma li kien iħobb isemmi San Ġorġ Preca) nimxu lejn il-vera glorja, dik ta’ Alla, ninsew l-egoiżmi tagħna, li naħsbu li aħna ċ-ċentru ta’ kollox, biex nixbħu lil Ġesu’ fl-għotja, fl-imħabba vera.
Fit-Trasfigurazzjoni, Ġesu’ qed juri biċ-ċar li hu l-verita’, li tiddi aktar mix-xemx, sopranaturali: donnu jiftħilna purtiera, li simbolikament tiċċarrat fit-tempju fil-ħin ta’ mewtu fuq il-Kalvarju – il-mewt li tiftħilna l-bieb tal-Ġenna.
Fuq it-Tabor Ġesu’ juri d-divinita’ Tiegħu biex jipprepara lid-dixxipli, u lilna, ħalli jaffrontaw il-passjoni li kellu jgħaddi minna, bit-tama u bil-konvinzjoni li dak li hemm imħejji għal min jaċċetta r-rieda tal-Missier f’ħajtu, hu ta’ min jagħti kasu u jaċċettah f’ħajtu.
Ma nistgħux ninsew li fit-tagħlim Tiegħu, f’waħda mit-tħabbiriet tal-passjoni, lid-dixxipli kien qalilhom (Mk: 10:29) “Tassew ngħidilom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.
Donnu li tant isemmi affarijiet tajbin li se jiġru fid-dinja, li ma nagħtux importanza lill-aħħar waħda: il-persekuzzjoni. Jekk irridu nfasslu verament ħajjitna fuq dik ta’ Kristu, l-persekuzzjonijiet ma mistgħu nwarrbuhom bl-ebda mod. Jonqosna biss li nimtlew bit-tama u nsaħħu l-fidi bit-twemmin li xorta waħda “vale la pena” li ngħixu għall-verita’. Il-verita’ x’inhi? Hi Ġesu’, Iben Alla li ġie fid-dinja biex jurina liema hi l-verita’ li lesta tissallab mhux biss għall-ħbieb, imma wkoll għall-għedewwa.
Kif qed naffrontaw il-provi tal-ħajja? Jew nippruvaw ngħelbuhom bil-ħiliet tagħna biss? Insibu li minflok inħollu l-kobob inkunu qed ngħaqqduhom aktar! Iinkella nħarsu lejhom bħala waqtiet li bihom nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’Alla, għaliex Hu jaf għaliex iġarrabna. Bħal ma qal Ġob: “nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla u l-ħażin le?”
F’ħajjitna lkoll kemm aħna għaddejin, u għad ngħaddu, minn mumenti ta’ dlam, mumenti li fihom donnu xejn ma jista’ jiċċaqlaq: kif ngħidu, is-sabiħ malajr jgħaddi imma l-ikrah donnu ma jkun irid jintemm qatt! F’dawn iċ-ċirkostanzi x-xitan għandu ħakma iktar fuqna, jissuġġerilna biex nintelqu, li ndendlu geddumna u nippruvaw naraw għaliex u f’min se nwaħħlu. It-tentazzjoni tax-xitan f’dal-waqtiet hi: “Qed tara l-fidi tiegħek fejn wasslitek?”
Hemm ħafna li jsostnu li Alla kien nieqes, ma mpurtahx mill-kampijiet tal-konċentrament. Veru? Jaqaw San Massimiljanu Kolbe, Edith Stein, mhux fil-kamp tal-konċentrament kienu? Tgħid dawk ma kienux preżenza t’Alla bix-xhieda tagħhom? Il-verita’ hi li f’dawk il-postijiet ta’ dlam il-bniedem qal lil Alla: “Hawn mhux postok” u r-riżultat nafu lkoll x’inhu.
L-istess jiġri fil-ħajja tagħna. Nirriflettu ftit kemm-il darba waqajna fil-kompromessi mal-fidi tagħna u b’dak li għamilna. Lil Alla għidnilu: “F’din tindaħallix. Hawn irrid nagħmel fattija”.
Imma f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-qrubija tagħna mal-Mulej turina li għad ma wasalniex fit-terminus, dak li nkunu qed inġarrbu jkun biss wieħed mill-istages tal-vjaġġ. Importanti li ma nippruvawx ninżlu minn fuq is-salib, imma nitolbu biex, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, nagħrfu kif inġorruh. Nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu għandu jkun iċ-Ċirinew tagħna fil-mumenti tad-dlam.
Importanti li mid-dlam ngħaddu għad-dawl, niskopru s-sbuħija tar-rabta tagħna mal-Mulej. Għal dan kemm l-istedina tal-Knisja fiż-żmien tar-Randan biex inżidu aktar it-talb, is-sawm u l-karita’. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesu’ nsaħħuha biss bit-talb.
Insibu ħin biex nitolbu, jew il-ġurnata tagħna hi mimlija tant li t-talb inqisuh bla mportanza? It-trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’ saret waqt li kien qed jitlob, waqt li kien f’għaqda intima mal-Missier. Kollox, kull ma nagħmlu, hu aktar importanti mit-talb?
Madanakollu nafu li hu fil-ħin tat-talb li l-Mulej jista’ jdawwalna, jurina t-triq, jurina x’inhu l-aktar importanti u urġenti, kif għandna naffrontaw ċerti sitwazzjonijiet. Attenti, għax ħafna drabi t-talb tagħna, kif qal reċentament il-Papa Franġisku, jkun talb biex nissodisfaw ix-xewqat tagħna, ninsew li fil-Missierna ngħidu: “ikun li trid Int”.
Forsi din hi l-qabża ta’ kwalita’ li titlob minna l-Knisja fi żmien ir-Randan: inwarrbu ftit għalina waħedna, inwarrbu mill-ħafna banalitajiet u preġudizzji li jaħkmuna bla ma nindunaw, u ninżlu ftit aktar fil-fond ħalli nifhmu x’inhu l-proġett ta’ Alla għalina, biex nagħraf il-limitazzjonijiet tiegħi u, bħal ma qed itammbrilna spiss il-Papa Franġisku, nammetti li jien midneb, imma midneb maħfur, u għax maħfur, ikolli l-qawwa li naħfer lil min jagħmilli l-ħsara. B’hekk nistgħu nsaħħu l-fidi.
It-teofanija tat-Tabor hi: ” Isimgħu Lilu. Dan hu Ibni l-Maħbub”.
Biex nagħrfu s-sabiħ, ma nistgħux naħarbu minn dan il-kmand li tana l-Missier fuq it-Tabor, ma nistgħux nieqfu biss fuq dak li jidher, jeħtieġ li nisimgħu biex l-atteġġjamenti tagħna jsiru dejjem aktar jaqblu mal-messaġġ li ġabilna Ġesu’. Nisimgħu l-Vanġelu, imma s-smigħ waħdu mhux biżżejjed. Irridu nħallu l-Kelma t’Alla tidħol ġo qalbna, biex tibdilhielna, u dak li nisimgħu imbagħad nipprattikawh. anke meta jiswielna tbatija, offiżi, twarrib, inġustizzji …. il-persekuzzjonijiet li semmejna qabel.
Ħafna ma jimxux wara Ġesu’ għax l-aljenazzjoni ma tħallihomx jifhmu u jagħrfu s-sbuħija ta’ dil-mixja, jibqgħu dejjem jgħixu bis-superfiċjalita’, jimpurtahom biss mill-qoxra ta’ barra għax aktar jimpurtahom li jfaħħruhom u jammirawhom in-nies.
Is-sbuħija tal-fidi mhix estetika, xi ħaġa li tidher, mhix “beauty parlour”. Is-sbuħija tal-fidi fi nterna, tiġi mill-qalb li tħobb sa ma tweġġa’ (Madre Tereża), li taf tingħata għall-oħrajn b’mod li tinsa’ lilha nfisha.
Il-messaġġ tat-Trasfigurazzjoni jfisser li n-nisrani jgħix f’mixja biex jifhen aħjar il-missjoni li għandu li bis-saħħa tagħha hu konvint li għad ikun ma xi ħadd li hu ferm sabiħ li tkun Miegħu għall-eternita’.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.