Fil-Glorja t’Alla – Prayer Cafè: 27 ta’ Frar 2015
Laqgħa li saret il-Ġimgħa nhar is-27 ta’ Frar 2015
It-Tieni Ħadd tar-Randan.
Il- laqgħa bdiet billi inqara l-Evanġelu skont San Mark (9, 2-10)
Is-silta tirrakkonta l-Misteru tat-Trasfigurazzjoni : meta Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni fuq il-muntanja Tabor. Il-kelma trans tintuża meta xi ħaġa tinbidel minn ħaġa għal oħra. Figurazzjoni tfisser figura jew persuna. Fuq it-Tabor, Ġesù inbidel minn bniedem għall-figura ta’ Alla. Pietru bil-biża, tħawwad u ma jafx x’kien ħa jaqbad jgħid. Għalkemm kienu jafu li Ġesù huwa Alla għax kienu rawh jagħmel il-mirakli, kienu għadhom qatt ma rawh f’sura ta’ Alla. Pietru, tant ħassu tajjeb hemm fuq, li kien għalih bena tlett tined: waħda għal Ġesù, waħda għal Mose’ u waħda għal Elija biex jibqgħu f’dik il-Glorja. Dak il-ħin Pietru nesa lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru għax ħass paċi u ferħ liema bħalu, kif aħna għad inħossuna fil-Ġenna. Tfajjel staqsa lil Papa Franġisku jekk il-kelb tiegħu jmurx il-Ġenna ukoll. Il-Papa ma kisirlux qalbu u qallu iva. Imma żgur li aħna meta nkunu l-Ġenna tant inkun fi stat ta’ paċi u ferħ li jiġrilna bħal Pietru u ninsew lil kulħadd. Ma jkollnix għalfejn infittxu u nsibu lil qrabatna għax ma jkun jonqosna xejn.
Ġesù bħala bniedem kien jifraħ u kien jibki bħal ma għamel fuq il-Golgota. Mela fuq it-Tabor Ġesù kien fil-Glorja u fuq il-Golgota ħa l-mewt. Din tista’ tgħodd għal ħajjitna: daqqa nkunu għaddejjin tant tajjeb li ma nixtiequx li dak iż-żmien jispiċċa (bħal ma qal Pietru li xtaq jibqa’ hemm) u mill-banda l-oħra jkun hemm żmien meta tant ikun ħażin li tridu jispiċċa malajr u jiġrilna bħal Ġesù li ngħidu “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni”. Meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli tkun il-prova tagħna ta’ kemm għandna fidi f’Alla u għalkemm xi kultant ma nħossuhx, il-preżenza tiegħu tkun hemm. Din hi ħajjitna daqqa fuq u daqqa isfel.
Din hi ħajjitna daqqa fuq u daqqa isfel.
Kif d-deheb irid jgħaddi min-nar biex jissaffa hekk ukoll aħna irridu ngħaddu mit-tbagħtija biex nissaffew ukoll.
Hawn infetħet d-diskussjoni. Qamet il-mistoqsija li kif jista’ jkun li meta tkun qed tieħu pjaċir x’imkien, ninsew lil ta’ madwarna. Ġie spjegat illi dan jiġri biss meta naraw lil Alla għax ma jkun jonqosna xejn. L-eqreb ħaġa ta’ meta jiġri dan bħalissa, li għadna hawn, hija meta per eżempju tkun f’xi irtir li tant tħossok qrib il-preżenza ta’ Alla, la ma tkunx trid li l-ħin jgħaddi u jispiċċa.
Inqagħlet il-mistoqsija ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu ma’ nies li jkunu tilfu lil qrabathom. Kif tispjegalhom li dawk il-mumenti ta’ niket huma għalina imma mhux għal min ħalliena. It-tweġiba mhix faċli. Hemm diska li tgħid li l-ħajja hija vjaġġ u mhux destinazzjoni: irridu naslu f’punt fejn ħajjitna tinbidel. L-unika risposta li ssib quddiem il-mewt hija bil-fidi: dik il-persuna tkun marret tieħu l-premju ta’ dejjem, dak li tkun ħadmet għalih.
Instemgħu esperjenzi personali ta’ uħud li tilfu lil qrabathom u għalkemm il-firda ovvjament ħassewha ħafna, kkonfermaw li l-fidi f’Alla biss iżżommok għaddej. Irid ikollok fidi kbira u trid tkun tant sod fiha, għax jekk le, f’mumenti iebsa bħal dawn tista’ saħansitra titlef dik il-fidi li jkollok.
Issemmew każi fejn ulied jitilfu l-ġenituri t-tnejn ta’ eta’ żgħira. Dawn huma iktar diffiċli biex wieħed jispjegalhom minħabba li l-fidi tagħħom tkun aktar fqira u dgħajfa. Hawn jidħol ix-xogħol tal-parrinijet li jieħdu post l-ġenituri biex jaraw li dawn l-ulied jkomplu fit-triq it-tajba.
Inqalet ukoll l-mistoqsija għaliex dehru Mosè u Elija u mhux qaddisin oħra. Għal poplu Lhudi dawn kienu żewġt irjus kbar ħafna dawk li bl-ingliż ngħidulhom ‘figure heads’ . Mosè huwa s-simbolu tal-Liġi filwaqt li Elija huwa wieħed mill-akbar profeti. Fiha tifsira oħra fejn Ġesù għaqqad it-Testment l-Antik (Elija) mat-Testment il-Ġdid (Mosè).
Tqajjem ukoll il-punt ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu ma ateju. Ingħata parir li jekk ma tkunx ippreparat sew l-aħjar ma tiddiskuti xejn miegħu.
Ġiet mistoqsija ukoll għaliex dawn il-persekuzzjonijiet li għaddejjin bħalissa. Fil-fatt il-persekuzzjoni kontra l-Insara qatt ma waqfet imma sempliċiment għax ma jingħatawx prominenza fil-media.
Fl-aħħar inqrat storja fejn raġel li kien jipprova jibda l-ġurnata bis-sewwa, kien jitlef kull xewqa tajba li jkollu meta jmur fuq ix-xogħol għax kien jiltaqa’ ma’ baħar ta’ inkwiet: min jgħid ħaġa, min jgħid oħra, min jirrabja, min jidgħi, min jgħid kontra dak u kontra l-ieħor. Kien iħoss dalma taqa’ fuqu. Veru li madwarna nsibu baħar ta’ dlam imma jekk wieħed ikollu ftit tad-dawl, mhux sew li jintefa’ d-dawl tal-qalb ukoll. Hemm proverbju Għarbi li jgħid li jekk għallinqas ma tistax tkun kewkba, kun għallinqas musbieħ.
Il-laqgħa spiċċat bit-talba tal-Missierna.
Laqgħa oħra issir nhar it-13 ta’ Marzu peress il-weekend li ġej ser ikun hemm tlett ijiem irtir is-Seminarju.