Fittaġni – Fidi – Gratitudni – Prayer Cafè – 23 t’Ottubru 2015
Evanġelju ta’ San Mark 10,46-52.
Bħalissa qegħdin naqraw mill-evanġelju ta’ San Mark Kapitlu 10 fejn Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu qiegħed miexi lejn Ġerusalemm. Fl-evanġelju tal-lum tissemma l-belt ta’ Ġeriko. It-triq minn Ġeriko għal Ġerusalemm kienet prattikament deżert tal-blat u d-distanza kienet li persuna b’saħħitha tieħu xi tmien sigħat biex timxiha. Mhux faċli għalhekk timmaġina lil Ġesù għaddej minn dan l-ambjent ostili jipprietka u jfejjaq. Fl-evanġelju ta’ San Mark dan huwa l-aħħar miraklu qabel ma jidħol Ġerusalemm; il-fejqan tal-għama ta’ Ġeriko. Interessanti li fl-evanġelju ta’ San Mark biss insibu l-isem ta’ dan l-għama; kien jismu Bartimew.
Ġesù ma kienx qiegħed waħdu fit-triq imma kien hemm kotra kbira ta’ nies miexja, kulħadd miexi lejn Ġerusalemm. Fost din il-kotra kbira ta’ nies, anonimi; kien hemm wieħed tallab għama jismu Bartimew. X’kellu speċjali dan l-isem? Kellu isem u kien qiegħed mal-ġemb tat-triq. Meta sema’ li kien ġej Ġesù beda jgħajjat u jgħid: “Ġesù Bin David ikollok ħniena minni.” Dan ir-raġel kien probabbli li sema’ fuq Ġesù. Ħafna bdew isikktuh imma hu aktar beda jgħajjat sakemm ġibed l-attenzjoni ta’ Ġesù. Ġesù waqaf u staqsieh xi jrid. Interessanti li kif Ġesù staqsieh xi jrid in-nies ta’ madwaru ma baqgħux jgħajjtu miegħu imma bdew jgħidulu biex jagħmel il-qalb. Din tiġri kemm-il darba fil-ħajja tagħna meta pereżempju niġġudikaw lil xi ħadd fuq l-ewwel impressjoni imbagħad wara kelma ta’ xi ħadd inbiddlu l-ideja tagħna fuq dik il-persuna. Ġesù reġa staqsieh xi jrid u wara li l-għama qallu li jixtieq jerġa jara. Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” Interessanti li din il-persuna baqgħet miexja wara Ġesù.
Nistgħu naqsmu dan il-miraklu fi tliet stadji:
- L-Għajta. Nistgħu niddeskrivuha bħala fittaġni u wiċċ tost għaliex l-għama kien qiegħed jissikka lil Ġesù sabiex ifejqu. Però dan l-evanġelju juri r-realtà tagħna llum għaliex juri t-talb tagħna xi jfisser. It-talb ifisser dak kollu li aħna nagħmlu u ngħidu. Dan l-għama ried il-fejqan u nsista ma’ Ġesù għal dan il-fejqan. Nistaqsu lilna nfusna: Jiena u inti kemm għandna ħin biex nitolbu? Triq iddaħħalha it-talb bħala parti minn ħajtek. Kemm qed nittratta ħin kuljum biex nitlob? Kulħadd jista’ jsib ħin biex jitlob jew jaqra xi ħaġa spiritwali. Ir-relazzjoni tal-għajta tagħna ma’ Ġesù trid tinbena ftit ftit. Meta jkun hemm xi ħaġa li Ġesù jkun jaf li mhix għall-ġid tiegħu, huwa se jagħtini anke sinjali għaliex mhux se jagħtihieli. Il-problema hija n-nuċċali tal-fidi tagħna. Xi kultant il-fidi tagħna hija bħal meta jittappan in-nuċċali tagħna u ma nibqgħu naraw xejn.
“Il-fidi tiegħek fejqitek.” Din is-sentenza hija qawwija, il-fidi mhix faċli. Hemm bżonn li l-fidi nrawwmuha ġewwa fina, anke meta ngħaddu minn żminijiet li m’għandix aptit nitlob. Tinsiex li meta tipprova tagħmel xi ħaġa tajba ħa ssib mill-ewwel xi ħadd li jipprova jkissrek; mill-ewwel u bil-fatti.
Fil-folla ta’ quddiem Ġesù kulħadd kellu l-bżonnijiet, però kien wieħed li kellu l-kuraġġ jgħajjat jgħajjat għall-għajnuna. Kien jaf li hu xi ħadd speċjali għaliex qallu Bin David, u anke sejjaħlu Rabbuni, mgħallem. Irridu nifhmu li dan ir-raġel għamel il-pass importanti li staqsa lil Ġesù. Għandna l-kuraġġ li niffittaw lil Ġesù f’fidi? Bartimew kellu l-fidi li tgħajjat u taġixxi. Ma rridux noqogħdu b’idejna marbuta. Ġesù qiegħed hemm għalina imma aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna.
Nirriflettu wkoll li aħna rridu wkoll ngħinu lil min jitlobna l-għajnuna jew naraw li għandhom bżonn.
Nitolbu wkoll lill-Mulej li jdawwarna b’nies li jgħinuna ninbidlu. Ma nistennewx li nbiddlu lil dawk ta’ madwarna biex jiġu jaqblu magħna imma mportanti wkoll li naraw kif nistgħu ninbidlu aħna sabiex aktar naqblu ma’ dawk ta’ madwarna.
Il-fatt li dan ir-raġel talab l-għajnuna turi wkoll l-umiltà tiegħu.
- Il-Fejqan. Minħabba li Ġesù huwa mimli ħniena, huwa fejjqu. Meta dan ir-raġel ra li hemm il-grazzja lesta għalih, huwa neħħa l-mantar minn fuqu u ġera lejn Ġesù.
Kull darba li nirċievu l-Ewkaristija, aħna qegħdin nirċievu lil Ġesù fina. Kemm għandna fidi f’dan Ġesù li jkun preżenti fina? Ejjew naħsbu kemm l-Ewkaristija hija xi ħaġa kbira. Għaliex immorru l-quddiesa ġimgħa wara ġimgħa u nibqgħu l-istess?
- Il-Gratitudni. Dan l-għama imfejjaq beda jara u beda jimxi wara Ġesù fit-triq. Wara li fieq huwa rringrazzja lil Ġesù u baqa’ miexi warajh. Irridu nkunu grati meta naqilgħu xi ħaġa li nkunu tlabna u anke meta naqilgħu l-affarijiet tajba li forsi ma nkunux tlabna għalihom. Ejjew napprezzaw l-affarijiet li għandna li forsi niħduhom ‘for granted’ bħad-dawl elettriku, l-ilma, id-dar fejn noqogħdu, il-familja, il-karozza, l-iskola u l-edukazzjoni eċċ.
Tajjeb li nagħmlu ma’ ħaddieħor it-tajjeb li aħna stess inkunu qlajna. B’hekk inkunu qegħdin inħaddmu l-fidi tagħna; b’affarijiet tanġibbli. Il-ġesti żgħar tal-ħajja tagħna huma mera tal-ħajja u l-fidi tagħna.
Kwotazzjoni: Ġesù qatt ma ddejjaq li jkun mal-marid:
“Aħjar Knisja mweġġa’ u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq milli Knisja magħluqa.” Papa Franġisku