Il-Ħajja ta’ Dejjem – Prayer Café: 31 t’Ottubru 2014
“Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem.”(Ġw 6, 40)
L-evanġelju li tlabna permezz tiegħu waqt il-laqgħa bi preparazzjoni għall-Jum tal-Għid tal-Imwiet kien meħud mill-Evanġelju ta’ San Ġwann Kapitlu 6, Vrus minn 37 sa 40.
Li nara lill-Iben ifisser li nkun iltqajt mal-persuna ta’ Ġesú, tgħallimt fuqu, min kien, x’kien jagħmel u x’kien it-tagħlim tiegħu. Peró dan mhux biżżejjed għaliex hemm bżonn il-fidi.
Li nemmen ifisser li jkolli fiduċja f’dan Ġesú li miegħu inkun iltqajt. Fiduċja tfisser li temmen, tagħmel u tħossok parti minn dak kollu li l-Mulej Ġesú jgħallimna jew jitlob minna. Meta inti temmen tkun għalhekk qiegħed tirċievi mingħand Ġesú il-ħajja ta’ dejjem. Il-Ħajja ta’ dejjem diġá bdiet minn din id-dinja.
X’inhi l-mewt?
Nafu li l-mewt iġġiegħel lin-nies isofru, jibku u jaqtgħu qalbhom fost diversi emozzjonijiet oħra. Imma hija hekk biss?
Il-mewt hija passaġġ mill-ħajja eterna li diġá bdiet; għall-kumplament tal-ħajja tagħna magħqudin ma’ Alla. L-ewwel pellegrinaġġ ta’ ħajjitna aħna nagħmluh hawnhekk fuq din l-art. Il-mewt hija għalhekk il-kontinwazzjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ li jwassalna biex ningħaqdu mal-Mulej Ġesú fil-ġenna fejn kif qalilna San Pawl hemm jistenniena: “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”(1Kor 2, 9)
Il-Knisja tistedinna biex darba f’sena niftakru f’dawk li diġá għaddej minn dan il-passaġġ. Hemm rabta Spiritwali kbira bejn il-membri tal-Knisja fuq din l-art u dawk fis-sema. Aħna lkoll obbligati li bħalma ngħinu lill-proxxmu tagħna li jinsab madwarna fiżikament, hekk ukoll ngħinu bit-talb lil dawk li qegħdin diġá fil-ħajja l-oħra. B’hekk il-mewt issir rebħa u bidla li rebaħ Kristu permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
Fil-mewt aħna l-bnedmin insibu s-sliem etern għaliex ningħaqdu għal dejjem ma’ dan Alla li ħalaqna. Il-Mulej mhux ser jitlaq lil dawk li fil-ħajja tagħhom għamlu l-għażla tiegħu.
“Mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda ta’ min bagħatni.”(Ġw 6, 38)
Aħna r-rieda ta’ min qegħdin nagħmlu? Tagħna, ta’ min jinfluwenzana, tas-suq kummerċjali/reklami, xi grupp li nappartjeni għalih jew forsi ta’ min għandu prinċipji u valuri differenti minn dawk Kattoliċi? Tajjeb li nirriflettu għaliex ngħidu ċertu affarijiet jew kif inġibu ruħna quddiem ċerti valuri jew sitwazzjonijiet.
“Ir-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani.” (Ġw 6, 39)
Hawnhekk Ġesú qed jurina kemm aħna mportanti għalih bħala bnedmin li aħna xbiha ta’ Alla. Issemmew waqt il-laqgħa parabboli bħal tan-nagħga l-mitlufa u tal-Iben il-Ħali fejn naraw kemm huma mportanti l-persuni għal Ġesú. Il-persuni li għal Ġesú huma mportanti mhumiex biss il-ġusti u dawk ta’ subgħajhom dritt imma wkoll il-midimba.
Ġie moqri wkoll l-ewwel Qari fejn insibu l-faraġ fil-Mulej li huwa d-Difensur tagħna: “Jien naf li d-difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum. U wara li jintemm ġildi, mingħajr laħmi nara ‘l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi.”(Ġob 19, 25-26)
Il-laqgħa intemmet bil-Qari ta’ Salm 22 fejn insibu l-istqarrija li “l-Mulej huwa r-Ragħaj u s-Salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi, quddiem min għandi nitwerwer?”(Salm 26, 1)