Il-liberta’ tal-imħabba u tal-qadi – Prayer Café: 24 t’April 2015
Fil-bidu nqara l-Vanġelu tar-raba’ Ħadd tal-Għid, mill-evanġelju ta’ San Ġwann kapitlu 10, versi 11 sa 18, il-Vanġelu tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Fil-bidu ntqal li interessanti wieħed ikun jaf li kienet drawwa tal-Lhud fi żmien Kristu li meta ikolhom nagħaġa jew ħaruf li jitbiegħed kontinwament mill-merħla, ir-ragħaj kien jiksrilha sieq minnhom u jġorrha hu kull fejn jieħu l-merħla, sakemm din terġa’ tfiq.
Din is-silta hi stedina biex niftakru fir-Ragħajja… fil-vokazzjonijiet. Aħna lkoll għandna vokazzjoni. F’dan il-Vanġelu għandna diskors mqanqal ta’ Ġesù, fejn Hu qed jagħmel polemika mal-mexxeja tal-Lhud. Dan għaliex ir-ragħaj it-tajjeb huwa dak li jiġbor il-merħla u jista’ jasal li jagħti ħajtu għaliha. Min-naħa l-oħra, min hu mikri; ir-ragħaj li jmexxi n-nagħaġ li m’humiex tiegħu, dak li qed jagħmel, qed jagħmlu għall-interess tiegħu nnifsu; hu merċenarju. Ir-ragħaj veru, jaħdem għax iħobb. Għall-kuntrarju tal-merċenarju, dan ma jfittix l-interessi tiegħu anke jekk ikollu jissagrifika ħafna – saħansitra l-istess ħajtu. Il-lupu li jaħtaf u jferrex in-nagħaġ huwa d-dnub.
Fil-Ktieb ta’ Eżekjel insibu:
‘Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ħażin għalikom ir-rgħajja ta’ Iżrael li jirgħu lilhom infushom!’ [Eżek:34:2]
Min jirgħa lilu nnifsu? Min huwa self-centered u jieħu ħsieb l-interessi tiegħu nnifsu biss. Ġesù għamel il-kontra. Ġie fid-dinja u ta lilu nnifsu, biex jiġbor f’ġemgħa waħda, l-ulied ta’ Alla li kienu mxerdin.
Hawnhekk ma nistgħux ma nsemmux l-indifferenza, li ħafna drabi jsemmi il-Papa Franġisku, lejn it-traġedja li qiegħda sseħħ fil-Mediterran. L-isqof Scicluna ukoll semma dan meta fl-Omelija fil-Festa ta’ San Publiju (19/04/2015) qal li inutli li fil-festi noqogħdu nżeffnu l-istatwi imbagħad naraw dik il-mibgħeda kollha fil-medja soċjali. F’dan il-kuntest il-kliem ta’ Eżekjel jagħmel ħafna sens:
“ma’ wiċċ l-art kollha xterdet il-merħla tiegħi, u ma hemm ħadd min jistaqsi għaliha, ma hemm ħadd min ifittixha.” [Eżek:34:6]
Imma Alla l-Missier impurtah; tant impurtah li bagħat lil Ibnu.
Il-Papa Franġisku qal “Dawn huma rġiel u nisa bħalna, ħutna li qed ifittxu ħajja aħjar, bil-ġuħ, ippersegwitati, miġrugħin, vittmi tal-gwerrer; qed ifittxu ħajja aħjar. Kienu qed ifittxu l-feliċità…” (Diskors Regina Coeli 19/4/2015)
…U minflok sabu l-qabar.
Dino Boffo, li kien direttur tal-istazzjon TV2000 kien qal li: “il-Mediterran sar il-qabar tal-falliment tal-globilazzazjoni”. Dan għaliex il-globalizzazjoni qarbet u rikbet fuq xulxin il-kulturi u globalizzat ukoll l-Indifferenza, kif qal il-Papa meta mar Lampedusa.
Dan il-Vanġelu għandu jkun mudell għal dak li qed immexxi; għall-kap. U sfortunatament ħafna drabi mhux nimxu fuq dan il-Mudell ta’ Kristu imma qigħdin nimxu fuq il-Mudell ta’ Kajjin: “U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” U hu wieġbu: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija” [Ġen:4:9] ; Dan hu l-Mudell tal-indifferenza. Hu din hi l-attitudni li ħafna drabi nieħdu aħna.
Is-soluzzjoni ta’ dan huwa dak li qed jipproponi Ġesù: il-liberta’ tal-imħabba u tal-qadi!
Jew se nkunu rgħajja bħalma jridna l-Mulej, jew le. Ma Alla hemmx triq tan-nofs. Ir-ragħaj it-tajjeb huwa wieħed: Ġesù; jew nixbħu lilu jew nintilfu. U nistgħu naslu biex nixbħu lil Ġesù, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biss. L-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinna biex naħsbu kif kien jaħseb Ġesù. U għalhekk irridu nitolbuh jgħinna.
Għalhekk tajjeb li nitolbu:
- għalina nfusna biex ngħixu ħajjitna fuq il-mudell ta’ Ġesù.
- biex ir-rgħajja tagħna – l-isqfijiet u s-saċerdoti – ikunu jixbħu l-veru Ragħaj it-Tajjeb: Ġesù.
- għall-vokazzjonijiet; biex aktar żgħażagħ ikollhom il-kuraġġ.
Il-Papa Franġisku, waqt l-omelija ta’ Ħadd il-Palm (29/3/15), qal li l-umilta’ ma tiġix mingħajr umiljazzjoni. Meta Kristu ħasel saqajn l-appostli, umilja ruħu u ħabb sal-aħħar! Hekk ukoll għamel fuq is-salib. Jekk naraw dan f’dawl nisrani, aħna naċċettaw l-umiljazzjoni għax nkunu qegħdin nixbħu lil Kristu. Inħobbu u Naqdu.