Kristu jgħix ġewwa fija – Prayer Cafè – 27 ta` Mejju 2016
Solennitá tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesú. Lq 9: 11b-17.
F’din is-silta d-dixxipli kienu ġejja lura ferħana għax kien irnexxielhom jagħmlu il-mirakli. Ġesú kien qiegħed jgħidilhom biex imorru jistrieħu ftit u marru lejn Betsajda; ħalli jinqatgħu ‘il bogħod miċ-ċentru tal-belt. Peró n-nies xorta sabuhom; u Ġesú kompla magħhom allavolja kienu għajjiena.
Dan il-post imwarrab għandu sens importanti għalina għaliex jissimbolizza l-periferiji tas-soċjetá tagħna fejn hemm xorta waħda jgħixu ħafna nies li huma maqtugħa jew imwarrba mis-soċjetá.
Issa wieħed kien forsi jistenna li l-evanġelju ta’ dan il-Ħadd ikun tal-aħħar ċena. Peró huwa proprju dan il-qari mill-evanġelju ta’ San Luqa tar-rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż li l-Knisja tippreżentalna. Hawn Ġesú qiegħed jitma’ 5,000 raġel minbarra n-nisa u t-tfal. Parti kbira mill-evanġelju hija djalogu bejn Ġesú u l-appostli. Niftakru li l-jum kien wasal biex jintemm u l-appostli talbu lil Ġesú biex lin-nies jibgħatuhom fl-irziezet u l-irħula ħalli jistrieħu u jieklu. Iżda Ġesú qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.”
Huma qalulu li m’għandhomx aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ġesú qal lid-dixxipli biex lin-nies ipoġġuhom gruppi jew komunitajiet ta’ ħamsin ħamsin. Il-punt prinċipali huwa li Ġesú qal lid-dixxipli biex jagħtuhom huma x’jieklu. Ġesú l-ewwel ħa il-ftit tad-dixxipli, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet; li huwa insinifikanti quddiem dik il-folla kollha. Imbagħad tiġi t-tieni parti fejn sar il-miraklu minn Ġesú. Ġesú refa’ għajnejh lejn is-sema, bierek u qasam dan l-ikel. Peró dan l-ikel tah lid-dixxipli ħalli jkunu huma li jagħtuh lin-nies.
Dan il-proċess huwa l-proċess ewkaristiku. Fil-bidu Ġesú qagħad jgħallimhom fuq is-saltna t’Alla u fejjaq dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan, fejqan kemm materjali kif ukoll spiritwali. Ġesú fejjaq lil min kien jeħtieġlu l-fejqan. Ġesú beda dan il-proċess billi jistaqsi: “Temmen?”
Meta aħna mmorru l-quddiesa u nirċievu l-Ewkaristija, qegħdin nemmnu f’dak li qegħdin nirċievu?
Xi tfisser l-Ewkaristija għalina? Xi tfisser li tirċievi l-Ġesú ġewwa fik? Bil-lingwa Ingliża tintuża l-espressjoni ‘Holy Communion’; li tfisser li Ġesú jingħaqad miegħi, jinterjorizza ruħu fija. Dan il-privileġġ, qabel kullħadd kien tal-Madonna li kellha fiha lil Ġesú. Meta nirċievi lil Ġesú jiena nsir tabernaklu ħaj, jiena nsir Ġesú ieħor. San Pawl ukoll, għalkemm forsi mhux f’kuntest ewkaristiku jgħid fl-ittra lill-Galatin: “Mhux jien ngħix imma Kristu jgħix ġewwa fija.” Dak huwa d-dixxiplu, dik il-persuna li Kristu jgħix u jieħu kontroll assolut tal-persuna.
Jekk nerġgħu induru għar-rakkont tal-aħħar ċena nindunaw li fl-evanġelju ta’ San Ġwann li forsi huwa l-aktar appostlu u persuna marbuta ma’ din il-ġrajja, ma nsibux ir-rakkont tal-qsim tal-ħobż. San Ġwann għandu sitt kapitli fejn jgħid x’ġara fl-aħħar ċena. Huwa jibda dan ir-rakkont tal-aħħar ċena bil-ħasil tar-riġlejn. Dan il-vanġelu jinqara nhar Ħamis ix-Xirka fejn lanqas ma naqraw is-silta tal-qsim tal-ħobż. Fil-kuntest Lhudi, il-ħasil tar-riġejn fl-ikla kien isir mill-ilsir li jkun hemm fid-dar. Żgur li ma kienx isir minn sid id-dar, hekk kif għamel Ġesú lill-appostli. San Ġwann beda b’din il-ġrajja billi jgħid: “Qabel il-festa tal-Għid billi kien jaf Ġesú li waslet is-siegħa tiegħu, biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.” Dak il-ħin Ġesú fetaħ qalbu għalihom b’mod assolut. U dan huwa proprju il-preludju għas-sagrament tal-Ewkaristija. Is-sagrament tal-Ewkaristija rridu nifhmuh f’dan il-kuntest tal-imħabba, l-imħabba ta’ Ġesú għal dawk ta’ madwaru.
Din hija missjoni ta’ servizz. Ma nistax ma nitqanqalx għas-servizz lejn il-Knisja u l-oħrajn. Ġesú qalilna li m’hemmx imħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Għalhekk meta ngħidu li Ġesú qiegħed ġewwa fija , irridu nifhmu dan il-ġest ta’ mħabba li Ġesú għamel għalina. Ġesú qiegħed ikellimna u jfejjaqna bil-preżenza reali tiegħu fina.
Ejjew nitfgħu l-impenn u l-fiduċja kollha tagħna f’Alla u Alla jieħu ħsiebna. Ġesú uża l-ftit li kellhom id-dixxipli u tema 5,000 ruħ b’dan il-ftit ikel.
X’inhi l-missjoni tagħna? Meta San Ġwann jibda dan il-punt taċ-ċenaklu sar-rakkont tal-passjoni, Ġwanni jitlef ismu u jibda jiġi msejjaħ ‘id-dixxiplu l-maħbub’. Għaliex isir dan? Għaliex id-dixxiplu l-maħbub huwa jiena u inti. Jekk irrid jiena nista’ npoġġi ruħi li jiena d-dixxiplu l-maħbub li kelli rasi ma’ sider il-maħbub. Fit-traduzzjoni nsibu li d-dixxiplu l-maħbub kien fi ħdan Ġesú. Aħna għalhekk inkunu fl-Ewkaristija ħaġa waħda ma’ Ġesú. Bħalma l-omm fil-ġuf tagħha tmantni lit-tarbija tagħha, hekk Ġesú jmantni lilna li nkunu fi ħdanu. Ġesú huwa fi ħdan il-Missier u aħna fi ħdan Ġesú.
Ejjew nisimgħu lil Ġesú ħalli huwa jkellimna u jfejjaqna.
Talba/riflessjoni: Santa Tereża ta’ Avila: “Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek, m’għandux idejn u riġlejn fuq din l-art ħlief tiegħek, tiegħek huma l-għajnejn li bihom Ġesú juri il-ħarsa ta’ ħniena tiegħu lejn id-dinja; tiegħek ir-riġlejn li bihom iterraq jagħmel il-ġid, tiegħek huma l-idejn li bihom Ġesú ibierek lid-dinja kollha, tiegħek l-idejn, ir-riġlejn u l-għajnejn; inti il-ġisem tiegħu, Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek.