Missjoni – Prayer Café: 15 ta’ Mejju 2015
Prayer Café 15 ta’ Mejju 2015: Lapsi
Il-laqgħa bdiet bħas-soltu bit-talba tal-Moviment. Wara inqrat is-silta meħuda mill-għeluq tal-Evanġelju ta’ San Mark li tirrakkonta fid-dettal kif Ġesù tal-missjoni lill-Appostli qabel ittella’ fis-sema. Il-festa magħrufa bħala Lapsi.
Inqrat is-silta ukoll mill-għeluq tal-Evanġelju ta’ San Luqa li tirrakkonta l-istess ġrajja għalkemm iktar fil-qosor u bla dettalji żejda. Dawn huma l-uniċi żewġ evanġelisti li jirrakontawlna din il-ġrajja. Dan ifisser li l-Mulej tela’ s-sema u ġie kollox fi tmiemu?
Iżda filwaqt li ż-żewġt Evanġelji jagħlqu b’din il-ġrajja, fl-Atti tal-Appostli insibu l-istess ġrajja – x’aktarx miktub ukoll mill-istess id tal-evanġelisti – propju fil-bidu u b’aktar dettall. Ġesù qalilhom ukoll “meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Lhudija kollha u s-Samrija u sa truf l-art”. Tissemma ukoll kif “żewġt irġiel lebsin l-abjad jgħidu lill-Appostli “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”. Ġesù jwiegħed li ħa jibgħat Spirtu difensur u b’hekk turi li hemm kontinwazzjoni tal-preżenza ta’ Ġesù fostna u mhux spiċċa kollox mat-tlugħ fis-sema.
Tana missjoni biex inxandru l-Kelma t’Alla. Fil-fatt dan hu l-għan tal-Movement Kerŷgma! Illum naraw l-bżonn tal-impenn anke tal-lajċi fi ħdan il-Knisja fin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Ma jiswa xejn li jkollok eluf kbar ta’ saċerdoti u ma jkollokx lajċi jew viċi versa li jkollok ħafna lajċi u ma jkollokx min jamministra s-Sagramenti. Mhux il-kwantità imma l-kwalità tgħodd. Kull wieħed u waħda minna għandu l-missjoni biex iwassal l-Bxara it-tajba sat-tarf tad-dinja. Ma jfissirx li rridu nitilqu fl-artijiet imbegħda għax din il-missjoni tista’ tagħmilha fl-ambjent ta’ madwarna: fid-dar, fil-familja, fl-uffiċju, fil-fabbrika, mal-ħbieb: inkunu fejn inkunu. Illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn tal-evanġeliżżazzjoni.
Illum il-Knisja għandha influwenza anke fuq il-kultura. F’sempliċi reklam tal-kafè naraw rappreżentazzjoni tal-Ġenna b’San Pietru mal-Anġli mixjin fuq is-sħab! Ma nistgħux naqbdu u nwarrbu r-reliġjon minn fostna. Żball li forsi d-dinja ta’ llum qed tipprova tagħmel: twarrab elfejn sena ta’ storja, tagħlim u kultura!
Aħna lkoll nagħmlu parti mill-knisja u l-knisja ikollha xi ħaġa nieqsa mingħajrna. Aħna għandna missjoni x’nagħmlu f’din id-dinja. Issa jew nagħmluha sew jew ħa naħarbu minn dan ix-xogħol li ħallielna Ġesù.
Hawn infetħet id-diskussjoni. Ġew diskussi diversi temi rrelatati ma’ dan il-Vanġelu: l-Ġenna u l-Ġenna tal-Art. Fil-verità il-Ġenna mhux post fiżiku imma fejn titgawda l-glorja ta’ dejjem.
Meta qamet il-mistoqsija jekk min mhux mgħammed u ma jemminx hux diġa’ kkundannat skont m’hemm fl-istess Evanġelju, intqal li aħna liberi. Alla jagħtina ċans li nidinbu imma jagħtina ċans ukoll li nirrikonċiljaw bis-Sagrament tal-qrar. Hu jaf li aħna dgħajfin u naqgħu. Anke l-Papa jqerr darba kull ħmistax! Tana l-għodda biex insalvaw!
Anke nies ta’ reliġjonijiet oħra: jekk dawn jimxu sewwa fir-reliġjon tagħħom, jistgħu jsalvaw ukoll! Kristu stess qal li ‘għandi nagħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel’ Alla sal-aħħar sekonda jibqa’ jagħtina ċ-ċans li nsalvaw! Ma ninsewx li l-ħalliel t-tajjeb li ġie mwiegħed l-Ġenna fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu.
Il-laqgħa ntemmet billi nqrat storja u bit-talba tal-Missierna.