Waqt il-laqgħa ‘Prayer Cafe’ tal-20 ta’ Mejju, trattajna s-suġġett tat-Trinita Mqaddsa. Wara li ntqalet it-talba tal-Moviment Kerygma, nqara l-vanġelu tal-Ħadd li jmiss mehud minn Ġw 16:12-15. Dawn li ġejjin huma xi punti li ssemmew waqt id-diskussjoni tal-laqgħa.
Il-Kredu jibda’ “Jiena nemmen f’Alla,…..” u wara Alla hemm komma, meta jgħid Alla, “Alla” jinkludi l-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier huwa l-ewwel persuna tat-Trinita. Il-Kredu huwa stqarrija tal-fidi. Nistqarru pubblikament li dawn huma l-affarijiet li nemmnu fihom. Il-Kredu huwa l-pedament ta’ dak kollu li aħna nemmnu fih. Jew ha temmen f’kollox jew ma temminx, ma tistax temmen f’Ġesu u ma temminx fil-Knisja. Għalkemm ikollna d-dubji ma nistgħux nippruvaw l-esitenza t’Alla bix-xjenza, iżda rridu r-rivelazzjoni t’Alla. Il-Knisja tgħallimna li ma nistgħux niskopru lil Alla bil-kapaċita tagħna biss. Naslu għall-kunċett li jeżisti xi ħadd li hu qawwi iktar minna u li ħalaq l-univers, iżda ma nistgħux nispjegawh xjentifikament.
Dak li nafu dwar Alla hu dak li Alla nnifsu għoġbu jirrevelalna.
Iktar nafu x’mhuwiex:
- Mhux kreatura bħalna
- M’għandux bidu u tmiem
- Mhux suġġett għaż-żmien /qatt ma jixjieh
Alla kien u baqa’ misteru kbir.
X’nafu dwar Alla?
It-Trinita hija l-għaqda bejn it-tlett persuni: l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Fejn jidħol Alla wieħed, fejn jidħlu t-tlett persuni? Jekk jiżdiedu l-Allat jew il-persuni hemmhekk ikun hemm zball. It-twemmin f’Alla wieħed ġej mil-Lhud. Kellhom talba li tispikka fi żmien fejn il-politejizmu (twemmin f’ħafna allat) kien prattika normali.
“Isma, o Izrael: Alla tagħna l-Mulej waħdu. Ħobb, mela lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6: 4-5).
Ir-Rivelazzjoni dwar it-Trinita
- Ġesu stess irrevela t-Trinita u ċċara t-tagħlim li diġa kien hemm dwar il-Missier.
- L-Appostli fehmu li Kristu huwa Alla. “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafulna l-Iben il-waħdieni t’Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18)
- Ġesu għallimna dwar il-Missier għax Hu l-Iben, wieħed mit-tlitt Persuni tat-Trinita.
- L-Appostli fehmu wkoll li l-Ispirtu s-Santu hu t-tielet Persuna tat-Trinita, meta Ġesu wegħdhom li se jibgħatu fuqhom wara li jitla’ s-sema.
Pentekoste: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibgħatilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verita, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.” (Ġw 15:26-27)
It-Trinita Mqaddsa huma tliet ‘Persuni’ distinti bi rwoli differenti.
- Il-Missier hu l-Ħallieq
- L-Iben hu s-Salvatur
- L-Ispirtu s-Santu hu dak li jigwida u jqaddes. Hu dak li jigwidana nsiru qaddisin.
It-Trinita hija l-GĦAQDA bejn dawn it-Tlett Persuni. Fil-bidu meta Alla ħalaq id-dinja, l-Ispirtu s-Santu kien itir fuq il-baħar. “U l-Ispirtu t’Alla kien jitajjar fuq wiċċ l-ilma.” (Ġen 1:2). Fil-magħmudija ta’ Ġesu, it-tlett persuni tat-Trinita ħadmu flimkien. Meta tgħammed Ġesu beda l-ħajja pubblika tiegħu. Fil-magħmudija instema l-vuċi t’Alla “dan hu Ibni l-għaziz, fih insib il-għaxqa tiegħi” u niżel l-Ispirtu s-Santu forma ta’ ħammiema. Żewġ mumenti li juru ċar li waqt li xi ħadd għaddej bil-missjoni tiegħu l-oħrajn qegħdin jaħdmu f-GĦAQDA miegħu.
Alla hu kommunjoni – għaqda – ta’ tlett persuni; li jgħinu lil xulxin. Aħna maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, mela aħna wkoll maħluqin biex inkunu f’kommunjoni ma’ persuni oħra (relazzjonijiet onesti u twajba, kif suppost).
- Ir-rivelazzjoni ta’ Alla bħala Missier.
Huma ħafna ir-reliġjonijiet li jsejħu lil Alla “Missier”. Il-Lhud isejjħulu Missier għax ħalaq id-dinja. “Mhux Missier wieħed għandna ilkoll kemm aħna? Mhux Alla wieħed ħalaqna?” (Mal 2:10)
Għalina l-Insara, Alla mhux biss Missierna għax ħalaqna, imma aktar minħabba l-Patt l-Ġdid. Fih ġabar l-umanita kollha, għamilna kollha uliedu, u salvana permezz ta’ Ibnu Ġesu.
Fil-Kredu, aħna nistqarru l-fidi fil-Missier. Hawn żewġ punti importanti:
-Alla hu l-bidu ta’ kollox
-Alla hu tjieba u mħabba
Alla hu l-bidu ta’ kollox; Alla kien minn dejjem. Kollox ġej minnu. Alla hu aqwa mill-bniedem.
Alla hu tjieba u mħabba: Hu tajjeb u bħala Missier iħobb lill-uliedu kollha b’imħabba bla qies. Xi kultant, Alla jiġi mxebbaħ ma Omm ukoll, għax hi l-omm li tagħti l-ħajja u tħobb ħafna. “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom” (Is 66:13)
Il-Missier irrevela lilu nnifsu permezz tal-profeti. Anke Ġesu kompla jirrevelaH. Ġesu rrivela lil Alla bħala “Missier”. Dan jurina wkoll li Alla l-Missier hu l-Missier vera ta’ Ġesu, għax Ġesu ma kellux bniedem bħala Missieru. Infatti fil-Kredu nistqarru li hu “imnissel mhux magħmul”. Ġesu hu verament l-Iben t’Alla. “Dan hu ibni l-għażiż” (Mt 3:17) Dan ifakkarna wkoll li Ġesu kellu relazzjoni speċjali mal-Missier. “Ħadd ma jagħraf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jagħraf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lill-Iben irid jgħarrafulu” (Mt 11:27).
- Ġesu bħala l-Iben t’Alla
L-Appostli fehmu min kien Ġesu u stqarrew dan dwaru:
“Il-Verb li fil-bidu kien ma’ Alla, u hu Alla” (Ġw 1:1)
“X-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1:15)
“Id-dinja tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tas-sustanza tiegħu” (Lh 1:3)
Meta l-Knisja fformulat il-Kredu ta’ Niċea (325WK), imxiet fuq l-istess passi tal-Appostli. Stqarret li l-Iben t’Alla hu “tal-istess natura” mal-Missier. Ġesu hu Alla wieħed miegħu.
Fil-Konċilju Ekumeniku li sar f’Kostantinopli, fis-sena 381WK, żammet l-istess frazi. “L-Iben Waħdieni ta’ Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien, Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier.”
- L-Ispirtu s-Santu bħala Alla
Il-Missier u l-Iben ġew irrevelati mill-Ispirtu s-Santu.
Qabel miet, Ġesu ħabbar li se jibgħat Difensur Paraklitu li hu l-Ispirtu s-Santu li kien diġa tkellem “b’fomm il-profeti” (Kredu ta’ Nicea). Issa l-Appostli se jirċevuh biex jaħdem fihom, jwassluhom “lejn il-verita kollha.” (Ġw 16:13), u jgħinhom fil-missjoni tagħhom.
Ġesu rrevela lill-Ispirtu s-Santu bħala persuna divina oħra, it-Tielet Persuna tat-Trinita. F’Pentekoste, l-Ispirtu s-Santu ġie fuq l-Appostli, u t-Trinita dehret fil-milja tagħha.
L-Ispirtu s-Santu “Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u ma l-Iben” (Koncilju ta’ Kostantinopli 381AD).
Fis-sena 447, il-Papa Ljun żied il-kelma ‘filoque’ mal-Kredu, li tfisser li l-Ispirtu s-Santu “ġej mill-Missier u mill-Iben”.
Din l-istqarrija ngħatat bħala Domma. Dan ifisser li l-Missier u l-Iben huma natura waħda – Alla- u li l-Ispirtu s-Santu ġej minnhom.
Il-problema kienet li dan it-tagħlim li ħallew l-Appostli għax ma ħallew xejn bil-miktub, meta telqu huma, bdew jgħallmuh lill-kumplament tan-nies u hawn kien ikun hemm interpretazzjoni żbaljata u inħalqu l-ereżijiet. Dawn bdew jagħmlu l-ħsara, bdew ifixxklu in-nies u allura n-nies ma setgħux jieħdu ideja ċara fuq it-Trinita. Il-Knisja hawn kellha l-irwol li tiċċara it-tagħlim interpretati ħażin. Din għamlitu permezz tal-Konċilji Ekumeniċi, fejn ħafna drabi mal-Konċilji tal-Knisja ħarġet il-Kredu jew inkella xi domma tal-fidi.
Teżisti talba Ewkaristika li tagħhilna San Pawl u din turi li mill-bidunett kien hemm it-twemmin fit-Trinita. “Il-Grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu, l-Imħabba t’Alla u l-Għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll” (Kor 13:13).
It-Trinita hi waħda, aħna ma nemmnux fi tlett allat imma f’Alla wieħed li fih tlett Persuni. It-tieni Konċilju ta’ Konstantinopli isejħila ‘It-Trinita Konsustanzjali’ ( Konċ ta’ Kostantinopli II 553 AD). Kull persuna tat-Trinita għandha l-istess natura u huma Alla kollha kemm huma.
“Il-Missier hu dak l-istess li hu l-Iben dak l-istess li hu l-Missier, il-Missier u l-Iben dak l-istess li hu l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri Alla wieħed fin-natura tiegħu” (Konċ Lateran IV 1215WK ).
It-Tliet Persuni tat-Trinita huma distinti minn xulxin. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma magħżulin minn xulxin. “Dak li hu l-iben mhux il-Missier u dak li hu l-Missier mhux l-Iben, u dak li hu l-Ispirtu s-Santu mhuwiex dak li hu l-Missier jew l-Iben.” (Konċ ta’ Toledo XI, 675 WK).
Il-Missier – Ħallieq
l-Iben – Feddej
L-Ispirtu s-Santu – Gwida
“Hu l-Missier li jnissel, hu l-Iben li jitnissel, u hu l-Ispirtu s-Santu li jiġi” (Konċ Latern IV, 1215WK).
Il-Missier – li nissel lil Ġesu
L-Iben – dak li ġie mnissel
L-Ispirtu s-Santu – dak li jigwida.
It-tliet Persuni ma jaqsmux lil Alla wieħed fi tlieta. San Girgor Nazjanżenu jgħid: “Alla wieħed, setgħa waħda, Alla wieħed fi Tliet Persuni, Tlieta magħżulin minn xulxin, Divinita mingħajr naturi jew sustanzi mhux indaqs, mingħajr xi żjieda li tkabbar jew nuqqas li jċekken…Hi l-unita infinita ta’ Tliet Infiniti: Alla kollu kemm hu kull wieħed fih innifsu, imma Alla wieħed fi tliet Persuni meqjusin flimkien” (San Girgor Nazjanzenu, Orationes).
Dak kollu li ħalaq Alla ġej tat-Tliet Persuni flimkien. Għax f’Alla m’hemmx ħlief natura waħda: it-Trinita m’għandhiex l-istess ħidma waħda.
Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu mhumiex tliet prinċipji tal-ħlejjaq, imma prinċipju jew bidu wieħed”.(Konċ ta’ Firenze, 1442).
“Alla hu Missier li minnu ġej kollox, Mulej Ġesu li permezz tiegħu sar kollox, u Spirtu s-Santu li fih hemm kollox” (Konċ ta’ Kostantinopli II, 553).
Il-ħajja nisranija għandha tkun f’għaqda ma’ kull waħda mit-Tliet Persuni divini, mingħajr ma tifridhom b’ebda mod minn xulxin. Kull min jagħti glorja lill-Missier, jagħtiha bl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu; min jimxi wara Kristu, jagħmel dan għax jiġbdu l-Missier. “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja (Ġw 6:44). “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla huma wlied Alla (Rum 8:14).
Mod kif nistgħu nifhmu t-Trinita Mqaddsa hu li nimmaġinaw fjura bi tlett petali – meta jinfetħu kollha flimkien joħorġu s-sbuħija ta’ dik il-fjura. It-tlett petali qegħdin jaħdmu flimkien. L-istess kif fit-Trinita nsibu lil Alla l-Missier li ħalaq id-dinja,nissel il-bniedem iżda dan ħadha kontra Alla u daħħal id-dnub – Alla ried isalva lill-bniedem akkost ta’ kollox u bagħat lil Ibnu, li xogħlu kien dak li jgħallem u jifdi l-bniedem iżda d-dinja ma aċċettatux ( infatti daħal fuq maxtura u spiċċa msallab fuq salib) imbagħad ġie mibgħut l-Ispirtu s-Santu biex jissiġilla dak li għallem l-Iben. It-Tlett persuni huma kumplimentari għal xulxin – Alla li jaħlaq – l-Iben li jifdi u jgħallem lil bniedem – l-Ispirtu s-Santu li jdawwal dak li għallem Ġesu. U hawn jibdew il-problemi – mhux għax ma nafux il-misteri – l-problema hi li ma niċċaqqalqux. Kemm nużawh lill-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna? Hu se jgħina nifhmu l-Kelma t’Alla, kulħadd b’mod differenti. Is-sagramenti kollha jitbierku bit-Trinita. Mela aħna li rċevejna s-sagramenti għandna qawwa kbira taħdem ġewwa fina. Aħna pero kultant ngħażlu li ma nifhmuhiex. Alla tagħna mhux Alla astratt imma Alla li kellimna bl-għemil u bil-kliem. Hija importanti l-ħtieġa tat-talb u tal-formazzjoni fil-ħajja tan-nisrani. Dan kien il-għan li twaqqaf il-Moviment Kerygma. Biex permezz ta’ dawn il-laqgħat nkabbru l-formazzjoni nisranija tagħna.
Fl-aħħar tal-laqgħa nqrat il-kwot : You may not understand something right now, but one day you will.
Il-laqgħa spiċċat billi għidna t-talba tal-Missierna flimkien.