TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX – Prayer Cafè – 29 t’April 2016
TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX
Is-Sitt Ħadd tal-Għid
Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment. Imbagħad inqara’ l-Vanġelu minn San Ġwann, kapitlu 14, versi 23 – 29.
“Il-Missier hu akbar minni”. Din hi stqarrija li tqajjem ħafna kritika u tħassib. Aħna nitgħallmu li fit-Trinita’, it-Tliet Persuni huma ndaqs. Mela għalfejn Ġesù qal hekk?
Trinita’ fil-fatt hemm tnejn – it-Trinita’ tas-Sema, meta għandek Alla, fil-persuna tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fis-sema, u hemm it-Trinita’ fid-dinja – meta Ġesù ha l-libsa tagħna ta’ bniedem , u neża l-libsa ta’ Alla. Allura sar inqas mill-Missier. Fit-Trinita’ tas-Sema, kif kien mill-bidu, Ġesù la għandu bidu u l-anqas tmiem. Ġesù għandu bidu biss bħala bniedem. Bħala Alla m’għandux bidu. Meta Ġesù jgħid “Il-Missier hu akbar minni” qed jgħid hekk għax Ġesù huwa bniedem. Ġesù sar bniedem biex imut għalina, għax bħala Alla ma jistgħax imut. Biex jirbaħ il-mewt, kellu jmut u jerga’ jqum.
Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jibda bil-kelma “il-Verb”. Hu, mill-bidu, jrid juri li Ġesù hu l-Iben t’Alla. Filwaqt li t-tliet evanġelisti l-oħra jitrattaw ħafna fuq is-Saltan t’Alla u d-dixxipulat, San Ġwann jiffoka l-iktar fuq il-ħajja eterna. Insibu lil Ġesù jirrelata l-hin kollu mal-Missier. Isemmi li Ġesù mibgħut mill-Missier sittin darba.
Biex aħna nsalvaw, Ġesù għalina jrid ikun it-Triq tan-nofs. Ġesù tana l-quddiesa biex nissieħbu miegħu fl-offerta lill-Missier. Il-quddiesa u l-kelma t’Alla – il-Bibbja – huma ħaga waħda. Fil-Bibbja aħna nsibu risposta għal dak kollu li niltaqgħu miegħu fil-ħajja llum, per eżempju, il-ġrajja ta’ meta Mose’ feraq l-ilma tgħallimna li għal Alla xejn ma hu mpossibli. Fl-istorja ta’ Ġob insibu risposta għat-tbatija.
It-twemmin fil-ħajja eterna beda mill-Ktieb ta’ Danjel u laħaq il-milja tiegħu f’Ġesù. Il-bniedem veru, li jipprova jgħix tajjeb u jħobb, ma jmutx, imma jagħlaq għajnejh għal din il-ħajja u jiftaħhom għall-ħajja eterna. Ġesù kien ċar fuq dan meta qal “Ħejjejtilkom post għalikom”.
Hawnhekk saret riferenza għall-qawmien fl-aħħar tad-dinja u t-tifsira ta’ ġisem glorifikat – ġisem li m’għadux izjed taħt il-qawwa tad-dinja – qlibna għas-sopranatural.
Riferenza oħra kienet għall-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb. Il-qassis u l-levita ma missewx lill-midrub għax kienu sejrin it-tempju u ma riedux jitniġġsu. Ġesù jrid jgħid x’inhu l-ikar importanti, li tħenn jew li tmur it-tempju? L-istess ried ifisser meta qal li jekk ħuk għandu xi ħaga kontrik, ħalli hemm l-offerta u mur irranġa miegħu.
Meta Ġesù qal lil Pilatu li dik ma kenitx is-Saltna Tiegħu, hu ried ifisser li dawk ma kenux il-virtujiet Tiegħu. Ġesù ma ġiex biex jiggieled – Ġesù ġie biex iħobb biss. Aħna wkoll għandna din is-sejħa. L-ewwel ħsieb tagħna għandu jkun li nħobbu u naħfru.
Ġesu’ jgħid li ħa jibgħat l-Ispirtu s-Santu, mhux biex jgħallimna xi ħaġa ġdida, għax Ġesù għamel rivelazzjoni kompluta. L-Ispirtu s-Santu jgħina u jfakkarna f’dak li qal Ġesù u jipprofondih izjed. L-ispirtu s-Santu għadu kuljum jgħidilna x’hemm moħbi fil-Bibbja. Ġesù telaq biex jigi l-Ispirtu s-Santu u jkun preżenti f’kulħadd. “M’inthomx ħa tibqgħu ltiema”. Qabel ma miet, Ġesù tahom il-Paċi għax kien jaf li kienu ser jaqtgħu qalbhom. Bl-Ispirtu s-Santu aħna nsiru tempji Tiegħu. Hekk kif fit-tempju – il-Knisja – insibu l-faraġ – hekk ukoll aħna rridu nkunu ta’ faraġ għall-oħrajn.
Il-laqgħa għalqet bil-ħsieb “Għandek bzonn l-Ispirtu s-Santu biex, meta tgħejja, jimbuttak Hu” – mill-ktieb “X’għamiltli, Mulej?” ta’ Patri Elija Vella OFM.