Priedki

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK! – Is-6 Ħadd tal-Għid [B] – 5 ta’ Mejju 2024

April 27, 2024

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK!

Atti 10: 25-26, 34-35, 44-48; Salm 97; 1 Ġwanni 4, 7-10; Ġwanni 15: 9-17

Il-Vanġelu

 Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.

“Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kull ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom.  Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

Il-Ħsieb

ħobbu lil xulxin
     Fil-mixja tagħna matul iż-żmien ta’ l-Għid rajna ħafna drabi lill-Mulej ikellimna bil-ġrajjiet ta’ mħabbtu qabel il-kliem tiegħu.  San Ġwann, fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra tiegħu, itenni li għandna nħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla.  Iżda meta tisma’ stejjer dwar abbużi tat-tfal, tifrik u ġlied fil-familji wara ftit snin ta’ ħajja miżżewġa, meta tisma’ nies li jiġġakbinaw lil xulxin fuq il-post tax-xogħol, meta tara stejjer ta’ aħwa mifruda għal snin sħah minn xulxin minħabba xi ġlieda jew nuqqas ta’ qbil… dan kollu jindika li għadna lanqas bdejna nifhmu xi jrid il-Mulej minna, xi jrid jgħidilna l-Mulej meta jtenni li għandna nħobbu kif ħabbna hu.

     Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna nagħmlu deċiżjonijiet ċari meta ngħidu li nħobbu lil xi ħadd.  Tħobb ma jfissirx li tibgħat xi kartolina, iżda jfisser li int tagħmel minn kollox għal dik il-persuna, saħansitra tkun lest li titlef ħajtek.  Madre Tereża ta’ Calcutta tgħidilna li tħobb ifisser li tibqa’ toffri lilek innifsek sakemm tbati.  Iżda l-Vanġelu falz li qed tippriedka d-dinja huwa Vanġelu li jedifika l-egoiżmu tal-persuna umana, huwa indikazzjoni biex tikber inti u ċċekken lil ta’ madwarek.  Għalhekk, anki llum, is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu għadu skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna pass importanti fl-istorja tal-Knisja meta jiġi kkonvertit u mgħammed l-ewwel wieħed li ma kienx Lhudi:  Kornelju.  San Pietru jgħid li Alla jilqa’ lil dawk kollha li għandhom il-biżà t’Alla, jiġifieri li jixtiequ jwettqu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħhom u jixtiequ jagħmlu s-sewwa.  Is-salvazzjoni ta’ Kristu hija miftuħa għal kulħadd.  Hekk itenni s-Salm 97 meta jgħid li l-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann li ntennu fit-tieni qari tal-lum għandna lil San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba u l-għajn ta’ kull imħabba.  Din it-tema tiġi żviluppata fil-Vanġelu tal-lum meħud minn San Ġwann li jtenni li din l-imħabba dehret fil-persuna u l-ħidma ta’ Ġesu Kristu.

Il-Ħajja

  1. Alla huwa mħabba. Din l-imħabba tahielna bħala wirt. Nafu x’inhi l-imħabba?
  2. Kemm qed ngħixu l-imħabba vera mal-proxxmu tagħna fil-ħajja ta’ kuljum?
  3. Kemm inti lest biex tkompli tħobb?
  4. “Sejjaħtilkom ħbieb”, jgħid il-Mulej.  Tħoss li l-Mulej tassew huwa l-ħabib tiegħek?
  5. “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu f’imħabbti”. Hekk qal il-Mulej. Kemm qed nippruvaw ngħixu dan il-kmand?
  6. Jekk fl-imħabba ma jkunx hemm tbatija, din m’hi mħabba xejn. Ħares lejn Kristu Msallab.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nħobb,

  u nagħraf imħabbtek kuljum għalija.

read more

IL-BIDWI, ID-DIELJA, IL-FROTT… U INT! – Il-5 Ħadd tal-Għid [B] – 28 t’April 2024

April 26, 2024

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

IL-BIDWI, ID-DIELJA, IL-FROTT… U INT!

Atti 9:26-31; Salm 21: 24ab,26b,27; 28-30ab; 30c-32; 1 Ġwanni 3:18-24; Ġwanni 15: 1-8

Il-Vanġelu

“Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba  l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.  Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.  Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.”

Il-Ħsieb

     Il-bidwi jnaddaf id-dielja li diġà tagħmel il-frott sabiex tagħmel aktar frott.  Din hija spjegazzjoni tal-misteru li qegħdin ngħixu bħalissa fi żmien il-Għid, l-istess misteru li

ngħixu permezztal-magħmudija tagħna.  Irridu nifhmu li s-saħħa tagħna kollha hija l-Mulej.  Ma nistgħux nagħmlu frott jekk ma nibqgħux marbutin maz-zokk li huwa Ġesù. Huwa Ġesù li minnu nirċievu s-saħħa tagħna lkoll.  Mingħajr il-Mulej ma nistgħu nagħmlu xejn!

Din hi l-glorja ta' Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.
     Ma nafx kemm aħna konvinti minn dan, iżda jeħtieġ li nifhmu li l-Mulej huwa dak li jitfa’ fina l-ħajja.  Huwa l-Mulej li miegħu nistgħu lkoll kemm aħna nifhmu x’inhi r-rieda tiegħu fil-ħajja tagħna.  Huwa l-Mulej li permezz tal-Magħmudija u tas-sagramenti jnaddafna sabiex nagħtu aktar frott, sabiex ngħixu ħajjitna fit-tama, sabiex ngħixu u nagħtu xhieda, permezz ta’ l-istess ħajja tagħna, ta’ dak li nemmnu fih.  Huwa dan l-uniku mod li nkunu dixxipli tiegħu jekk tassew nitolbu lill-Missier u huwa jagħtina l-frott.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna r-rakkont ta’ meta San Pawl niżel Ġerusalemm wara li kkonverta u l-Insara beżgħu minnu, s’intendi minħabba l-passat tiegħu.  Barnaba jaqbeż għalih u wera kif Pawlu wkoll kien appostlu tal-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali nsibu li l-Aħbar it-Tajba li qed inxandru llum hi aħbar ta’ salvazzjoni li tana Ġesù stess.  Fit-Tieni Qari, San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jgħidilna biex ma nħobbux bil-paroli iżda bil-fatti, bl-għemil ta’ ħajjitna.  Minn hawn nintgħarfu kemm aħna dixxipli ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Ġesù jurina kif nistgħu nkunu dixxipli tiegħu u nagħmlu l-frott li jibqa’.

Il-Ħajja

  1. Kemm aħna marbutin sew maz-zokk li huwa Kristu? Kemm tassew qed nixorbu mill-għeruq ta’ dan iz-zokk li jwassal il-ħajja lill-friegħi tad-dielja?
  2. Kemm qed nagħtu każ tal-periklu kbir li z-zokk jinqata’ u jinxef mingħajr ħajja?
  3. Il-Mulej iridna, minkejja d-difetti tagħna, dixxipli ħajjin li jagħtu l-fortt. Hu importanti li nifhmu s-sagrament tal-Magħmudija li rridu ngħixu kuljum, li rridu mmewtu fina kuljum kull sens ta’ għira u ambizzjonijiet biex jidher hu fl-għemil tagħna.
  4. Kif itenni San Ġwann, għandna nħobbu mhux bil-paroli u t-tpaċpiċ iżda bl-għemil tagħna. Hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna llum jagħmel eżami tal-kuxjenza dwar dan.
  5. Itolbu kulma tridu u jkun mogħti lilkom. X’xe tagħmel? Taf titlob?

Id-Djalogu

  Mulej,

  nixtieq li nżomm dejjem miegħek,

  biex tgħin id-dgħufija tiegħi,

  u nagħraf nikber u nagħmel il-frott

  bħala dixxiplu veru tiegħek.

read more

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ – Ir-4 Ħadd tal-Għid [B]- 21 ta’ April 2024

April 15, 2024

Ir-4 Ħadd tal-Għid

Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ

Atti 4:8-12; Salm 117; 1 Ġwanni 3: 1-2; Ġwanni 10: 11-18

Il-Vanġelu

     Jiena r-ragħaj  it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.  Il-mikri, li m’huwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ m’humiex tiegħu, jara  l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ. Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.  Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed. Għalhekk iħobbni  l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri.”

Il-Ħsieb

     Ninsabu ngħixu f’soċjetà mimlija frażijiet sbieħ ta’ tmexxija – leader-ship, human resources, management, terminoloġija li tenfasizza l-importanza li l-bniedem tal-lum ikollu sens ta’ direzzjoni qawwi.  Iżda għaliex naraw tant nies li jevadu l-problemi ta’ ħajjithom; tant nies li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu; tant nies li lkoll kemm huma jinsabu mfarrka għax ma għandhomx  ideal fil-ħajja tagħhom, jew aħjar, għax l-ideal kien wieħed biss materjali li tfarrak ma’ l-ewwel maltempata?

     Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jħares sew il-merħla tiegħu.  Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jersaq lejn il-merħla u jagħti sens ta’ direzzjoni ċara fil-ħajja.  Huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jaf tassew x’qed iħossu n-ngħaġ tiegħu, speċjalment dawk li ilhom żmien twil muġugħa u ma jitkellmux.  Ir-ragħaj li huwa biss imħallas, kif jara l-maltemp u l-inkwiet, jaħrab.  Iżda r-Ragħaj it-Tajjeb jibqa’.  Kemm aħna konxji ta’ dan?  Kemm tassew nagħrfu li mal-Mulej hemm il-kenn u s-serħan tagħna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna lil San Pietru jwieġeb lis-Sanhedrin dwar il-fejqan tar-raġel magħtub.  Huwa jtenni li dan il-fejqan seħħ bis-saħħa ta’ Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, insibu għanja ta’ tifħir għal dak li għamel il-Mulej bis-saħħa ta’ Ibnu.  It-Tieni Qari tal-lum huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann fejn jurina x’aħna tabilħaqq – aħna l-maħbubin ta’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.  Hija ħajja li r-Ragħaj jagħti biex isalva n-ngħaġ tiegħu u biex jipproteġihom.

Il-Ħajja

  1. Nistgħu nissejħu wlied Alla, jgħidilna San Ġwann fit-Tieni Qari tal-lum.  Iżda veru li nixtiequ nissejħu hekk?  Għandna xewqa fina biex nissejħu wlied Alla?
  1. Kemm tassew qed ikollna sens ta’ direzzjoni ċċentrat fuq dak li wettaq Ġesù f’dak kollu li nagħmlu fil-ħajja tagħna?
  1. Jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi. Il-Mulej jaf min aħna u jaf id-dgħufija tagħna x’inhi u lest jipproteġina.
  1. Hemm bżonn ukoll li nitolbu aktar għall-mexxejja tal-Knisja u biex il-Mulej jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu.  Din hija responsabbiltà tal-Komunità nisranija  kollha.

Id-Djalogu

  Mulej, irrid dejjem nimxi warajk.

  Ħarisni mill-perikli tal-ħajja,

  sabiex dejjem nibqa’ fil-merħla tiegħek.

read more

JIENA HU! MISSUNI – It-3 Ħadd tal-Għid [B] – 14 t’April 2024

April 4, 2024

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

JIENA HU! MISSUNI

Atti 3: 13-15, 17-19; Salm 4; 1 San Ġwann 2: 1-5a; Luqa 24:35-48

Il-Vanġelu

F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?  Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa ta’ l-ikel hawn?”  Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija,  u hu ħadha u kielha quddiemhom.

Mbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ “

Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li  l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

 

Il-Ħsieb

Is-sliem għalikom!
     Għaliex nibqgħu nibżgħu mill-esperjenza li l-Mulej jagħtina kuljum?  Għaliex minkejja dak kollu li jagħmel magħna l-Mulej ma għandniex fiduċja fih?  Għaliex ilkoll kemm aħna ma nikbrux fil-fidi u fil-fiduċja tagħna fil-Mulej?  Minkejja li jistedinna biex nieħdu s-sliem tiegħu, minkejja li jurina l-pjagi tiegħu, minkejja li jistedinna mhux biss biex immissuh fil-foqra ta’ madwarna iżda wkoll li nirċevuh fl-Ewkaristija, aħna nibqgħu ċċassati u nibżgħu, nibqgħu nagħżlu d-dlam minflok id-dawl.

     Il-Mulej jurina kif il-messaġġi qawwija tiegħu jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa.  Kif itenni lill-Appostli, jgħid l-istess lili u lilek illum.  Hemm bżonn li niftħu għajnejna u nkunu nafu tassew min huwa l-Mulej u x’għamel għalina.  Hemm bżonn li nkunu nafu li l-qawwa tal-Mulej magħna hija qawwa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha u għalhekk hemm bżonn li nkunu nafu tassew xi jrid minna l-Mulej permezz ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll għandna r-responsabbiltà kbira li nkunu xhieda tagħha.

     Għandna l-kuraġġ li nerfgħu din ir-responsabbiltà li nkunu xhieda tal-Mulej fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna?  Dwar  dan importanti li naraw il-messaġġ li tagħtina l-Kelma tal-Mulej illum.

Il-Kelma

    L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn San Pietru kien għadu kemm fejjaq wieħed magħtub f’isem Ġesu ta’ Nażaret.  Dan kien sinjal li Ġesu kien għadu ħaj fosthom.  Huwa jtenni li minkejja li l-Lhud qatlu lil Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet u lest li joffri mill-ġdid il-maħfra.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 4, huwa talba lill-Mulej biex ma jinħebiex minna iżda juri d-dawl ta’ wiċċu fuqna.  It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu fejn itenni l-qawwa tal-maħfra li kisbilna Ġesù l-ġust.  Hemm bżonn li nifhmu b’qalbna dak li għamel Ġesu għalina.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa naraw li fl-ewwel parti l-Appostli sabuha bi tqila biex jemmnu filwaqt li fit-tieni parti huma ġew imfehma kif il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Krsitu kisbulna l-maħfra li l-Appostli jridu jkunu xhieda ta’ din il-maħfra.

Il-Ħajja

  1. Aħna wkoll bħall-appostli nsibuha bi tqila biex nemmnu li Ġesù qam mill-mewt għalija u għalik biex jiksbilna l-fejqan mid-dnubiet tagħna.
  2. Irridu nagħrfu u nsiru nafu lil Ġesù Kristu mill-Iskrittura. Minn hemm biss niksbu d-dawl tal-verità fuq ħajjitna u fuq l-għemil tagħna.
  3. Ma rridux ninsew li bħala dixxipli ta’ Kristu għandna r-reponsabbiltà li nkunu xhieda tiegħu u ta’ dan il-qawmien. Il-fidwa trid tasal għand il-familjari tagħna, għand dawk fuq il-post tax-xogħol, fit-toroq tagħna permezz tagħna lkoll.
  4. Qalbna trid tkun tħabbat għall-Mulej. Nistgħu nwettqu dan billi nkunu nies li, bejn dak li nisimgħu fil-kelma tiegħu, bejn dak li nirċievu fl-Ewkaristija Mqaddsa u dak li nwettqu kuljum, ikun hemm xhieda kbira u ħajja.

Id-Djalogu

   Mulej,

   għallimni kull ħin

   nifhem il-kobor ta’ mħabbtek.

read more

PJAGI – FERĦ – DUBJI – It-2 Ħadd tal-Għid [B] – 7 t’April 2024

March 31, 2024
Caravaggio's The Incredulity of Saint Thomas (1601-2)

It-2 Ħadd ta’ l-Għid

PJAGI – FERĦ – DUBJI

Atti 4: 32-35; Salm 117; 1 Ġwanni 5, 1-6; Ġwanni 20: 19-31

Il-Vanġelu

     Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.  Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

     Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”  Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

      Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Ħsieb

Henjin dawk li ma rawx u emmnu!
     Kristu qam biex iqajjem lilna iżda ħafna drabi nibqgħu reqdin u mbeżża’.  L-istess kif ġralhom l-appostli: raqdu fil-Ġetsemani, beżgħu fil- passjoni u ngħalqu fiċ-~enaklu.  Ferħu meta raw il-Pjagi.  Tumas ma emminx, iddubita u emmen meta ra.  Huma ġrajjiet li ġraw elfejn sena ilu.  Imma huma ġrajjiet li llum għadhom iseħħu fil-ġrajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna.  Huwa għal dan il-għan li l-Vanġelu u l-qari tal-lum iridu jimlewna bil-kuraġġ u fl-istess ħin jgħallmuna nirriflettu dwar dak kollu li qed iseħħ fi djarna, fil-komuntajiet tagħna.  Għaliex ħafna drabi l-komunità nisranija qed tisfiduċja lilha nfisha billi jonqosha l-kuraġġ ixxandar li Kristu qam biex ikisser il-mewt, il-ħażen u l-biża’ minn ħajjitna?  Għalfejn dawn id-dubji u l-biża’, għalfejn ma aħniex nuru li aħna wlied id-dawl, ulied ir-rebħa?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli u juri l-karatteristika ta’ dawk li kienu jemmnu, li kienu lkoll qalb waħda u ruħ waħda.  Sinjal ta’ din l-għaqda kienet l-imġiba tagħhom bejniethom, u kienu jaqsmu kollox.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għaliex huwa tajjeb u t-tjieba tiegħu hija għal dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, l-awtur jurina li l-fidi fi Kristu Rxoxt bħala Messija twellidna bħala wlied Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesù f’Ħadd il-Għid filgħaxija, jaqsam magħhom il-paċi u s-setgħat tiegħu.  Hu għeleb il-mewt u l-ħażen.  Temmen fih ma jfissirx li tarah b’għajnejk u li tmissu b’idejk iżda li tilqa’ b’fiduċja l-kelma tiegħu.

Il-Ħajja
  1. L-ewwel insara kienu jintgħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom. Aħna llum għadna qalb waħda u ruħ waħda?
  2. Kemm tassew qed nifirħu li l-Mulej qam? Kemm tassew qed ngħaddu dan il-messaġġ lil dawk li jinsabu mtaqqla bid-dubji fil-ħajja tagħhom?
  3. Kemm qegħdin, bħala nsara, nuru li aħna wlied il-Messija mill-mod kif aħna ngħixu fid-dinja tal-lum, mill-mod kif niġġudikaw lil dawk ta’ madwarna?
  4. Ħafna nies illum huma mitlufa għal mument bħal Tumas. Iridu jaraw u jmissu.  Ma jemmnux jekk ma jarawx u ma jmissux.  Kemm qed nagħtu l-esperjenza ħajja tagħna sabiex dawn in-nies isibu mill-ġdid lil Kristu?
Id-Djalogu

     Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

read more

QAM U QAJJEM – L-Għid il-Kbir [B] – Il-Ħadd 31 ta Marzu 2024

March 25, 2024

Ħadd il-Għid [Sena B]

QAM U QAJJEM

Atti 10:34a, 37-43; Salm 117; 1 Korintin 5: 6b-8; Ġwanni 20:1-9

Il-Vanġelu

     Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.  It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.

 

Il-Ħsieb

     HALLELUJAH.  Il-Mulej qam tassew.  Il-Mulej kisbilna r-rebħa.  Aħna wkoll se nqumu.  Le, mhux biss għandna l-garanzija tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, mhux biss għandna l-garanzija li Kristu se jqajjem lilna wara din il-ħajja, iżda wkoll għandna ċ-ċertezza li dak kollu li nwettqu f’din il-ħajja jkun mistur fil-ħajja għall-eternità.  Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ l-Għid.  Kristu qam biex jerfa’ lilna mir-raqda ta’ kuljum, mill-monotonija ta’ ħajjitna, mill-medjokrità li ħafna drabi nitkaxkru fiha fil-ħajja ta’ kuljum.  Inti kemm inti fit-tajn u fil-ħama tal-vizzji u d-dnubiet ta’ ħajtek, il-Mulej illum QAM biex jerfagħna lejh, biex ma jħalliniex negħrqu aktar fil-ħama.

     Iżda rridu nemmnu.  Irridu nkunu konvinti minn dak li għamel Ġesù għalina.  Ilkoll kemm aħna rridu nsibu l-mument biex, kif ippruvajna nagħmlu f’dan ir-Randan, niftħu qlubna beraħ għalih.  Kristu qam biex ifejjaq il-ġrieħi ta’ l-umanità kollha.  Ma nistgħux nibqgħu ndawru wiċċna u nħallu l-ġrieħi mikxufa mingħajr kura.  Issa l-mument li, wara li għarafna li rebaħ għalina, inħalluh imissna u jfejjaqna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, insibu l-ewwel predikazzjoni ta’ l-Appostli li hija bbażata fuq il-qawwa tal-passjoni, mewt u qawmient ta’ Kristu.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, għandna l-ferħ tal-Knisja fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt li jfisser salvazzjoni garantitia għall-bnedmin li jwieġbu għas-sejħa ta’ Kristu.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, għandna l-eżempju tal-Lhud li kienu jarmu barra minn darhom il-ħmira l-ħażina.  Hekk ukoll in-nisrani jrid jarmi dak kollu li huwa ħażin biex jikseb il-qawmien fi Kristu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna lil Pietru u Ġwanni flimkien ma’ Miriam ta’ Magdala jkunu l-ewwel xhieda tal-qawmien ta’ Kristu.  L-aħbar tinxtered permezz tagħhom ma’ kullimkien.

Il-Ħajja
  1. Illum l-Għid il-Kbir. Tħossok ferħan?
  2. Kemm tassew bil-ħajja tagħna qed inkunu sinjali ta’ din l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu fuq il-mewt?
  3. Il-Mulej qam biex iqajjimna fuq tagħna bħala Nsara. X’impenn hemm f’ħajtek biex tiġġedded inti u ġġedded lil ħaddieħor? Tinsab involut f’xi ħidma tal-Knisja?
  4. Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni marru jxandru l-Aħbar. Inti tistħi xxandar l-Aħbar it-Tajba?
Id-Djalogu

  Grazzi, Mulej,

  li għaddejt minn passjoni ħarxa għalina

  biex tiksbilna l-qawmien għal dejjem.

read more

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT – Il-5 Ħadd tar-Randan [B] – 17 ta’ Marzu 2024

March 6, 2024

Il-5 Ħadd tar-Randan [Sena B]

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT

Ġeremija 31:31-34;  Salm 50;  Lhud 5:7-9; Ġwanni 12:20-33

Il-Vanġelu

     Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.” Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.  Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.

 “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.  Missier, agħti glorja lil ismek.” Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah.” In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom.  Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

 

Il-Ħsieb

     “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott.”  Dan kliem Ġesù.  Kliem iebes.  Kliem li jitlob mhux biss li nifhmu b’liema mħabba ħabbna Hu, iżda wkoll fuq liema kriterju rridu nfasslu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Kontinwament irridu mmutu aħna biex jidher hu fl-għemil tagħna.  Kontinwament irrid niċkien jien biex jikber aktar Kristu fl-għemil tiegħi.  Kontinwament irridu noqtlu l-egoiżmu tagħna biex toħroġ fil-beraħ it-tjubija u l-imħabba li permezz tagħna l-Mulej jista’ jwassal lejn ħaddieħor.  Aktar ma nersqu lejn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nifhmu li l-imħabba li biha ħabbna l-Mulej Ġesù hija mħabba mingħajr limiti.  Kien Alla, niżel magħna biex jifdina, fejjaq, qajjem mill-mewt, ippriedka mingħajr waqfien u aħna…. ċħadnieh, qtilnieh.  Il-Mulej meta jintrefa’ mill-art se jiġbidna lkoll lejh bis-salvazzjoni li se jagħtina.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija fejn insibu li l-poplu Lhudi kiser il-patt li l-Mulej kien għamel ma’ Mosè u issa jinsab f’Babel eżiljat.  F’din is-silta Alla jrid ifarraġ u jnissel fil-poplu t-tama tal-ħelsien.  Is-Salm Responsorjali huwa talba lill-Mulej biex joħloq fina qalb safja.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw lil Ġesù bħala l-Qassis li qed jitlob f’mument ta’ dieqa iżda joqgħod għar-rieda tal-Missier.  Fil-Vanġelu nsibu silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħabba tal-qamħ li tmut biex tagħti l-frott.

Il-Ħajja
  1. Kemm fil-ħajja tagħna qegħdin immewtu l-egoiżmu u d-difetti tagħna biex jitwieled fina l-bniedem il-ġdid?
  2. Kemm tassew inħossu li l-mewt li bata Kristu kienet immirata lejn il-qalb tagħna biex bih issalva?
  3. Kemm qed nerfgħu s-salib tagħna KULJUM, mingħajr tgemgim?
  4. F’dawn l-aħħar jiem tar-Randan kapaċi nitlob u nsum aktar biex nissaffa mill-vizzji ta’ ħajti?
Id-Djalogu

  Mulej, għinni nagħraf kull ħin

  it-tbatija li int batejt għalija,

  biex tfejjaq lili biha

  Għinni nagħraf aħjar

  niċkien jien u tikber int.

read more

MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN – Ir-4 Ħadd tar-Randan [B]- 10 ta’ Marzu 2024

March 4, 2024

Ir-4 Ħadd tar-Randan [Sena B]

MHUX ĦAQQ IŻDA ĦELSIEN

2 Kronaki 36: 14-16; 19-23; Salm 136; Efesin 2:4-10; Ġwanni 3; 14-21

Il-Vanġelu

     U kif Mosè rafa’ s-serp  fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,  biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax  l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.

 

Il-Ħsieb

min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu.
     Xi ftit jew wisq min ikollu l-poter jaħseb biex jiddomina.  Wara jibda jaħseb kif jista’ jimmitiga d-dominazzjoni mas-servizz.  Xi kultant faċli jixba’ jservi iżda l-għatx għall-poter ikompli jikber.  Alla m jaħsibhiex bħalna.  Alla l-poter jużah dejjem biex jiġri warajna ħalli jgħannaqna miegħu, anki jekk aħna naħarbu minnu bil-kompromessi li nagħmlu.  Kif nistgħu nibqgħu nħobbu lil Alla jekk aħna stess forsi qatt ma rriflettejna l-kobor ta’ l-imħabba li Alla għandu għalina billi bagħat lill-uniku Iben li kellu biex jifdina, minkejja li kien jaf li d-dinja mhux se taċċettah, anzi se toqtlu għall-ġid li għamel?  Kif jista’ missier jibqa jħobb lil xi ħadd li qatel lil ibnu?

     Alla jibqa’ jħobbna.  Alla jibqa’ jiġri warajna u għalhekk bagħat lill-istess Iben tiegħu biex juri sa fejn għandha tasal l-imħabba.  Iżda Alla huwa Alla ġust.  Għalhekk, issa l-ġudizzju qed jitwettaq f’kull għemil li jiena u inti nwettqu.  Id-dawl ġie fid-dinja iżda d-dinja għażlet id-dlam u mhux id-dawl.  Jiena u inti ħafna drabi nfittxu l-ħażin minkejja li nafu fejn huwa t-tajjeb.  U din hija l-isfida kbira li jippreżenta llum Ġesù.  Huwa ġie biex jagħti d-dawl, għaliex qed nibqgħu nagħżlu d-dlam?  Minkejja li konna mejta minħabba d-dnub, Alla tana ħajja ġdida.   Hekk itenni San Pawl.  Possibbli li se nibqgħu naċċettaw id-dlamijiet ta’ ħajjitna?

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, jurina kif il-jasar tal-Lhud fi żmien Babel kien frott ta’ l-infedeltà li l-poplu wera ma’ Alla lejn il-Patt tas-Salvazzjoni.  Iżda Alla dejjem  jiċċaqlaq minn rajh biex isalva.  Fis-Salm Responsorjali naraw li l-Lhud fl-eżilju ta’ Babel ma jistgħux jinsew il-Patt li Alla għamel magħhom f’Sijon.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, nisimgħu lil San Pawl jgħidilna li s-salvazzjoni għandha tiġi mis-sehem li nieħdu mill-ġrajjiet ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jkellem lil Nikodemu fejn jurih x’tip ta’ Messija kien Kristu, dak li jfejjaq il-ġrieħi billi jmut fuq is-salib.  Alla dejjem jibqa’ fidil lejn il-Patt tiegħu.  Huwa l-bniedem li qatt m’hu ċert x’se jirrispondi għall-imħabba ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Kif qed twieġeb għas-sejħa ta’ fejqan li qed jagħmillek Kristu f’dan ir-Randan? X’gidmiet ta’ sriep għandek fil-ħajja tiegħek?  Qed tħalli lil Kristu jfejqek?
  2. Kemm qed taċċetta l-patt ta’ mħabba li jagħmel miegħek Kristu kuljum, b’mod speċjali fl-Ewkaristija? Kemm qed tistennieh u tkun sinċier ma’ Kristu?
  3. Il-Mulej issallab għalik. Inti msallab għal xi ħadd?
  4. Kemm qed turi mħabbtek fl-għajxien tiegħek kuljum għall-Mulej?

Id-Djalogu

    O Alla, inti tant ħabbejtni li bgħatt lil Ibnek.

    Agħmel li nagħraf din il-grazzja kuljum.

read more

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI – It-3 Ħadd tar-Randan [B] – 3 ta’ Marzu 2024

February 26, 2024

It-3 Ħadd tar-Randan [Sena B]

IS-SUQ TAL-KOMPROMESSI

Eżodu 20: 1-17; Salm 18; 1 Korintin 1:22-25; Ġwanni 2:13-25

Il-Vanġelu

     Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.

     Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem. 

 

Il-Ħsieb

     Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI.  Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess.  F’dinja li tippriedka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.  Ġesù llum jitkellem u jaġixxi b’mod ċar u aggressiv.  Huwa Ġesù radikali mhux għall-fatt li kaxkar ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq, iżda fuq kollox għax iċanfar il-mod ta’ ipokresija li ħafna nsara qed jgħixu l-ħajja tagħhom.  Hemm bżonn li niddeċiedu.  Hemm bżonn li naraw jekk ħajjitna wkoll saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna.

     Ġesù tkellem dwar it-tempju tal-Ġisem tiegħu u jridna, f’dan il-kliem, naraw it-tempju ta’ ġisimna.  Naraw kemm tassew qed nindunaw bil-fejqan għal ġisimna u ħajjitna li qed joffrilna Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu.  Naraw kemm qed naċċettaw dawn il-mumenti ta’ fejqan u kemm qed nippruvaw, minkejja d-dgħufija tagħna, nimxu kontra l-kurrent.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu r-rakkont li, wara l-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu, Alla ried jidħol mal-poplu f’patt ta’ ħbiberija.  Fuq il-muntanja Sinai, permezz ta’ Mosè, Alla ntrabat li jagħżel il-poplu Lhudi bħala l-Poplu tiegħu, kemm-il darba l-poplu jaċċetta li jimxi fuq il-liġi tiegħu.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 18, għandna għanja lill-Mulej li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna l-predikazzjoni tan-Nisrani li trid tkun is-Salib.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, insibu lil Ġesù jżur it-tempju u jqaċċat ’il barra lil dawk li mit-tempju għamlu suq.  Dawk li marru kontra r-rieda ta’ Alla.  Huwa jħabbar li se jmut u jqum wara tlett ijiem.

Il-Ħajja
  1. Il-Mulej qaċċathom ’il barra mit-tempju għax għamlu mit- tempju suq.  X’se jgħid il-Mulej fuq it-tip ta’ ħajja li qed  tgħix? Tingħaraf fik il-marka tan-Nisrani?
  2. Kemm tassew qed ixxandar bil-ħajja tiegħek lil Kristu Msallab? Kemm int kapaċi tgħix is-salib ta’ kuljum?
  3. Il-Mulej illum iridna nagħmlu għażla ċara. Jekk se nimxu warajh nitfgħu ’l barra l-kompromessi. Kemm tassew ħafna drabi b’għemilna qed inkunu ta’ skandlu, qed niżirgħu l-għira?
  4. Il-Mulej daħal f’patt ta’ mħabba u ħbiberija magħna. X’qed nagħmlu biex nirreċiprokaw dan il-patt?
Id-Djalogu

  Mulej, inti tħobbni,

  dħalt f’patt ta’ mħabba miegħi.

  Għinni, Mulej, biex fil-jiem li fadal tar-Randan

  nagħraf nitnaddaf minn kull kompromess,

  biex inkun Nisrani konvint

  u nagħti xhieda tiegħek.

read more

KUNTENT BISS FIL-GLORJA! – It-2 Ħadd tar-Randan [B] – 25 ta’ Frar 2024

February 17, 2024

It-2 Ħadd tar-Randan [Sena B]

KUNTENT BISS FIL-GLORJA!

Ġenesi 22: 1-2,9a 15-18; Salm 115; Rumani 8 31b-34; Mark 9:2-10

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.  U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.  Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”  Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.  Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”  Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

    Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.  Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.  

 

Il-Ħsieb

Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.
     Kemm huwa sabiħ li tgħix il-fidi tiegħek fil-kumdità u fil-fsied meta ħadd ma jittikak jew jostakolak u ħadd ma jagħtik trouble.  Sabiħ li għix il-ħajja nisranija fil-kwiet mingħajr fastidju.  Fil-waqt li fit-Trasfigurazzjoni naraw lil Ġesù fil-Glorja u saħansitra Pietru nesa lilu nnifsu.  Ġesù, wara li wera u tahom il-garanzija li tassew se jagħtihom il-glorja, indikalhom li xogħolhom huwa ’l isfel mill-muntanja, fid-dinja, fil-ħajja ta’ kuljum.  Huwa faċli li tkun ma’ Kristu fil-glorja.  Huwa aktar iebes li tkun ma’ Kristu fit-tbatija, jum wara jum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi fejn il-fidi ta’ Abraham tilħaq il-quċċata tagħha meta jiġi mitlub joffri lil Alla l-egħżeż ħaġa li kellu – ibnu  l-waħdieni.

     Fis-Salm 115, fis-Salm Repsonsorjali, insibu talba lill-Mulej biex, bħal Abraham, nimxu fir-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, insibu li l-patt tiegħu magħna Alla wettqu bis-sħiħ bis-saħħa ta’ Ibnu stess, fejn Alla l-Missier wera li għandu mħabba bla tarf.  Fil-Vanġelu Ġesu jidher fil-glorja bħala l-Iben t’Alla.

Il-Ħajja
  1. Fil-Ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm tassew nifhmu l-kobor tal-glorja t’Alla li tidher kontinwament fina?
  2. Kemm inti konvint li tgħid l-istess kliem li San Pawl tenna lir-Rumani:  Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
  3. Tħoss il-preżenza ħajja ta’ Alla fik? Kemm tassew dan ir-Randan jista’ jgħinek biex tħoss aktar il-preżenża t’Alla  miegħek?
  4. Abraham, fl-offerta ta’ Ibnu, wera li għandu fidi kbira f’Alla. Kemm tassew nistgħu ngħidu li aħna għandna fidi kbira fil-Ħallieq tagħna?
Id-Djalogu

  Mulej Alla tagħna

  agħamel li dak kollu li nwettaq

  nagħmlu fir-rieda tiegħek.

read more