Wittu t-triq tal-Mulej – Prayer Café: 12 ta’ Diċembru 2014
Il-laqgħa kienet xi ftit differenti minn tas-soltu fejn in-nies kienu bil-qegħda ġewwa l-cafeteria li f’dawn iż-zminijiet tkun armata fic-Ċentru.
Beda biex inqara l-Evanġelju ta’ nhar il-Ħadd li ġej – it-tielet Ħadd tal Avvent – li hija silta meħuda minn San Ġwann (Ġw 1, 6-8.19-28) bit-tema: Il-Fqar jiksbu l-ferħ ta’ Alla. Ir-rakkont ta’ meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għand Ġwanni xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej.”
U meta staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” ”Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.”
Wara inqrat silta b’forma poetika minn Xandâr il-Kelma fejn tirrakkonta kif jinbidlu ż-żminijiet. Fl-antik n-nies kienu jifirħu iktar bit-twelid ta’ Ġesù Bambin. Iżda meta d-dinja għamlet progress in-nies bdiet aktar tagħti każ ix-xalar u d divertiment u warrbu l-Ġesù Bambin: il-Milied sar materjalistiku! Iżda s-silta fl-aħħar tkompli hekk: “x’tiswa il-ħajja bla Alla, bla Mħabba, kif tgħixha bla Msallab, bla tfal, bla Bambin?” Is-silta tagħlaq billi tgħid li llum l-kurċifiss reġa’ twaħħal fl-iskejjel u l Bambini reġgħu nxtegħlu fit-twieqi.
Fid-diskussjoni qasira li saret, ħarġet ħafna l-ħtieġa li kemm jista’ jkun inżuru lill-anzjani u lil dawk kollha li jgħixu waħedhom mhux matul l-Avvent biss imma is-sena kollha. Issemma wkoll l-faqar mill-ferħ f’qalbna minħabba li ħafna moħħhom li jkunu mimlijin b’ġid materjalistiku. Hemm il-ħtieġa li nintrabtu għal kollox mall-Mulej bħala l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Intqal ukoll li m’għandnix nistħu nuru li aħna nsara bħal meta xi ħadd jistħi jrodd is-salib fil-karozza tal-linja.
Fl-aħħar inqrat storja għal żmien il-Milied miktuba minn Antoine Barbara. Din tirrakkonta kif Bartilmew minn tifel imrobbi minn familja sew ħafna, żvija għal ħajja mill-agħar fejn anke kien jisraq u jberbaq bl-addoċċ. F’waħda mis-serqiet tiegħu, Bartilmew żelaq u ħabat rasu b’tant qawwa li tilef id-dawl t’għajnejh. Kien żmien il-Milied u nduna li x’ħin beda jisma’ l-għana tal-Milied li, għalkemm għama, xorta beda jħoss il-ferħ tal-Milied. Il-fidi reġgħet nibtet ġo fih tant li sar miraklu miegħu u reġa’ beda jara.
Minħabba li l-ġimgħa d-dieħla tibda n-Novena tal-Milied, l-laqgħa li jmiss tkun fid- 9 ta’ Jannar 2015.